13.3.24

IL-PAĊI BISS IĠĠIB IL-PROGRESS

1. F’ċerti mumenti, waqt li tkun qiegħed tisma’ l-aħbarijiet jgħaddilek il-ħsieb li l-bniedem ma tantx jitgħallem mill-iżbalji passati. Jieħu direzzjonijiet li oħrajn ħadu qablu, dawk li żbaljaw fihom. Jirrepeti mudelli li jidhru faċli u konvenjenti, iżda li magħhom iġibu effetti xejn tajba. It-toroq tal-eventi tad-dinja, iktar u iktar illum, iridu jiġbdu lejn distruzzjoni varja. Tkissir ta’ dak li għandna f’isem xi proġett li la huwa mfassal u wisq inqas maħsub. Il-kotba tal-istorja u l-lezzjonijiet varji li joħorġu minnhom jiġu kontinwament injorati. Anzi, fir-realtà, għalkemm jeżistu jidher iktar li mhumiex, b’xi mod, ikkonsultati. Jidher minflok, f’uħud, f’dawk li jafu u li xorta jieħdu l-istess linja, li jibqgħu jilludu ruħhom li ser jirnexxu fejn oħrajn ma rnexxewx.

Formoli ta’ distruzzjoni

2. Jinqabdu linji ta’ ħsieb li fil-fatt irendu biss l-effett dirett u qawwi li wieħed jidħol fid-deżert u flok jiġi mmexxi minn Mosè jifhem li huwa l-Farawni li huwa l-kap. Flok sejrin lejn Ġerusalemm, sejrin iktar induru f’art imwarrba u arida. Waħda li ma tħares lejn xejn, salv li jmutu aktar bnedmin u li minnha titwieled iktar aridità u sterilità ta’ dak li jkun qiegħed isir. Il-prospett tal-futur jitnemnem u l-bnedmin jibdew jirrassenjaw ruħhom li m’hemmx alternattiva għall-ħajja u għall-eżistenza tagħhom. Jipparkjaw ruħhom fil-ġenb, mingħajr tama, u anzi iktar fil-kunċett sħiħ li dik hija li jistgħu jistennew, u xejn aktar. Trid forza differenti u li lesta tibdel biex il-futur jerġa’ jitwieled verament f’qalb u f’moħħ il-bniedem.

Inkabbru l-ħajja

3. Min-natura tiegħu, il-bniedem mhuwiex dak li jħobb id-distruzzjoni. Mhuwiex dak li jieħu gost iċapċap favur il-gwerra. Dik il-forza li toqtol bnedmin oħra, ħafna drabi innoċenti, u tfarrak dak li ħa sekli sħaħ biex inbena. Anqas huwa dak li jifraħ meta jara l-ambjent ta’ madwaru jiġi sfreġjat. Wisq anqas dak li tinżillu tajjeb li jisma’ lill-oħrajn jużaw kliem ta’ mibgħeda, ta’ ħdura u ta’ disprezz lejn l-oħrajn. Il-bniedem jippreferi atti tajba u li minnhom wieħed jista’ jibni futur. Jippreferi lil min jaħdem u li jkollu xogħolu mingħajr għelt. Mingħajr ma jkun fih żball. Jippreferi passi ta’ progress mingħajr distruzzjoni. Imma din mhijiex il-kwalità li qed tmexxi numru ta’ mexxejja f’din id-dinja li qed ngħixu fiha preżentement.

Generare Libertà

4. Ktieb ippubblikat reċentement din is-sena jmiss direttament dan il-punt. Chiara Giaccardi u Mauro Magatti jiddiskutu fih proprju dan: kif għandna nkabbru l-ħajja mingħajr ma neqirdu d-dinja. Kemm hemm eżempji tajba li jifirdu mexxejja li qabdu t-triq tad-distruzzjoni minn dawk li jkabbru l-ħajja. Dawn il-varji li bil-ħidma tagħhom bnew pajjiż u assigurawlu futur. Punti ta’ riflessjoni f’dinja fejn għandna proċess ta’ gwerer li ma jridux jieqfu. F’pożizzjoni li trid tkompli tikber u li magħha trid iġġib iktar tifrik u mwiet. F’sitwazzjoni li trid tifrex aktar lilha nnifisha sabiex tinvolvi aktar stati demokratiċi f’din il-linja li twassal lejn instabilità u tkissir ta’ kull avvanz soċjali jew ekonomiku. Fejn l-istati liberi qed jipprospettaw li jżidu iktar l-infiq tagħhom fuq l-armamenti. Flok żvilupp nikkontribwixxu għal proċess ta’ distruzzjoni.

Żewġ gwerer

5. F’dan huwa iktar ċar li fl-aġenda u l-prijorità nazzjonali u internazzjonali jridu jsiru ferm iktar sforzi diplomatiċi sabiex dak li hu għaddej f’Gaża u fl-Ukrajna jieqaf. Huwa minnu li d-dinja paċifika għandha quddiemha żewġ bnedmin li nxeħtu f’toroq li ma jistgħux iwasslu għal xejn salv għal iktar inkwiet. Żewġ xenarji differenti fiċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom imma li t-tnejn qed ikissru dak kollu li d-dinja tirrappreżenta u tiggarantixxi. Biss, sija Binyamin Netanyahu, kif ukoll Vladimir Putin, mit-tnejn minnhom jiddependi jekk din il-mewġa ta’ distruzzjoni tiqafx. It-tnejn għandhom responsabbiltajiet legali u morali kbar fuqhom. It-tnejn qed ikomplu jwebbsu rashom f’sitwazzjoni fejn issa ma tistax fl-aħħar tiddikjara li dak li qed iwettqu jista’, b’xi mod, jiswa għal xi ħaġa li se ġġib il-progress għall-poplu tagħhom.

Distinzjonijiet

6. Hemm min irid jiddistingwi fiż-żewġ xenarji u hemm punti ta’ differenza. Biss, id-dożi qawwija ta’ suppervja li qed naraw ma jippermettulniex dejjem li niddistingwu. Binyamin Netanyahu forsi jista’ jċedi iktar għall-pressjoni li qed issirlu minn diversi pajjiżi. Bi Vladimir Putin issa iktar diffiċli biex tasal miegħu. Imma anki dawn l-inizjattivi, kemm dawn huma effettivi jiddependi mis-saħħa li qed tintuża. Argumenti u passi sabiex it-tnejn jifhmu li l-massakru li għaddej għandu jieqaf. U ċertament iktar għal Binyamin Netanyahu li jifhem li jekk ma jridx iħalli lil pajjiżu f’dan ix-xenarju kostanti ta’ attakki għandu jħares lejn it-twaqqif veru ta’ Stat Palestinjan. Jifhem iktar li l-prospett tal-progress li l-pajjiżi ta’ madwaru fehmuh. Fehmu li fid-djalogu u l-paċi javvanzaw ’il quddiem il-bnedmin. Dawn huma t-toroq soċjali, kulturali u ekonomiċi li jiggarantixxu l-paċi fid-dinja u li minnhom tinbena l-ikbar sigurtà tal-progress li ma jiqafx fl-ideat, fl-istituzzjonijiet u l-karattru tar-razza umana.

Fejn sejrin

7. F’dan kollu huwa iktar ikkumplikat dak li sejrin għalih. Is-sena d-dieħla, jekk ma jinbidel xejn, f’dan il-prospett ser ikun hemm iktar distruzzjoni. Ninnota li l-passi li qed jittieħdu minn diversi Stati ma jwasslux lejn dak li ser insibu quddiemna. Jekk il-prezzijiet għolew minħabba dawk il-gwerer daqshekk ieħor ser ikomplu, proprju għax mhumiex qegħdin jieqfu. Ser tidħol b’aktar saħħa l-mentalità u l-linji ekonomiċi li jakkumpanjaw gwerra. Ser immissu ma’ aktar tbatija diretta lill-popli Ewropej, aħna ċertament inklużi. Ser naraw dak li naħsbu li ma jistax jintmess, jikkrolla. Ser naraw inqas passi ta’ progress u ser ikollna nikkonċentraw aktar f’li nżommu dak li għandna għaddej. Proċess li miegħu jġib iktar diffikultajiet lil kull persuna, b’mod partikolari u aktar lil min qiegħed l-iktar ’l isfel fis-soċjetà tagħna.

Pjan fit-tul

8. F’dan kollu huwa iktar u iktar importanti li nifhmu r-realtà u nibnu programm u pjan lejn dak li ġej. Min qiegħed jilludi ruħu l-kontra ser isib ruħu jmexxi poplu fid-deżert. Min jaħseb li dan mhuwiex ser imissna direttament, iktar u iktar. Pajjiżna għandu d-dimensjoni tiegħu, imma dan ma jfissirx li ser jgħaddi kollox mingħajr ma jmissu. Anzi, f’dawn iż-żminijiet irridu nifhmu aktar li għandna sehem x’nagħtu. Għandna dak li nkunu vuċi kostanti kontra din il-forza ta’ distruzzjoni li hi għaddejja. Inkunu fost dawk li ma jiqfux jinsistu fid-dinja li bil-paċi biss li tista’ tassigura l-progress. Fiha biss inħarsu biex inkabbru l-ħajja mingħajr ma neqirdu d-dinja.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...