24.3.14

Pajjiż għandu jkun magħqud.




1.         Il-jum ta’ l-Indipendenza għandu jibqa’ dejjem wieħed ta’ ferħ.  Fiħ aħna ħadna f’idejna t-tmexxija ta’ poplu li konna ilna sekli twal nitolbu.  Għalkemm naħsbu li pajjiż iħares lejn dik il-ġurnata b’sens kbir ta’ kburija, mhux is-soċjetà kollha tispiċċa magħquda fih.  Għad hemm popli li minkejja l-identifikazzjoni tagħhom fuq bażi nazzjonali u kostituzzjonali, biss f’qalbhom għadhom ma jħossuhomx magħquda f’daqqa.  Il-qasma antika li nġarret f’sekli għadha, sfortunatament għalihom, iddur mas-saqajn.

2.         F’pajjiżna, li ma kellniex stati fi stati imma konna maħkuma minn oħrajn, fortunatament dak li jinsab f’ġirien u membri oħra ta’ l-Unjoni Ewropea, hawn ma jeżistix.  Imma għad hemm diffikultajiet fostna li ġejjin minn apparetenenzi politiċi.  Għad għandna għeruq antiki li qishom ma hemmx li jisparixxu.  Il-fatt li l-Partit Nazzjonalista kien dejjem favur l-indipendenza ta’ pajjiżna, anki qabel it-twelid tal-Partit Laburista, għadha twassal għal diffikultà.

3.         Hemm proċess ta’ għaqda li ġej ma’ kull ġenerazzjoni biċċa biċċa, li fih l-akkaniment u ostilità laburista qiegħed jonqos.  Dan huwa tajjeb ħafna u ċert li fis-snin li ġejjin il-gvern ikollu iktar segwaċi warajh.  Naħseb li għandna naċċettaw li l-festi nazzjonali tagħna huma bilanċjati bejn dak li wasslu għall-indipendenza u dawk li seħħew in konsegwenza tagħha.  Jum ir-Repubblika, Jum il-Ħelsien u l-jum li fih dħalna fl-Unjoni Ewropea kollha setgħu jiġu ċelebrati għax ħadna l-Indipendenza.

4.         Il-pajjiż ħa nifs kbir nhar il-21 ta’ Settembru 1964 proprju għax seta’ jħares ‘il quddiem lejn futur li jista’ jiddeċiedi huwa u mhux ħaddieħor.  Għax meta pajjiż jieħu t-tmexxija tal-poter f’idejh permezz tad-demokrazija jkun qiegħed jakkwista l-valur tal-futur.  Il-valur li jħares ‘il quddiem, li joħlom kif irid jibdel is-soċjetà, l-ambjent, li jista’ jkollu l-qafas legali u kostituzzjonali li jrid hu, li ma għandux xkiel sabiex iħares fit-tul u m’għandux limitazzjoni.  Il-libertà li wieħed jista’ jimraħ għal rasu m’hemmx prezz għaliha.  Biha għandna dejjem il-prospett li nibdlu u ninbidlu.

5.         It-twelid legali tagħna jibda mill-21 ta’ Settembru 1964, però aħna konna ilna s-sekli nikkunsidraw irwieħna poplu separat minn oħrajn.  Is-sabiħ tagħna huwa li biddilna x-xenarju ta’ taħt fuq, proprju minħabba l-abbiltajiet tagħna bħala bnedmin fuq dawn il-gżejjer.  Dawwarna għax, l-ewwel, minn poplu kważi abbandunat sar wieħed li sab lilu nnifsu mmexxi minn forma ta’ elite Ewropea taħt il-Kavallieri ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann, wara taħt l-Ingliżi li kienu r-renjanti emerġenti fl-espansjoni imperjali tagħhom għal wieħed li issa jista’ jinfluwenza l-eventi f’soċjetajiet Ewropej oħra.  Hemm sens ta’ ġustizzja f’dan li aħna li qattajna tant snin dominati minn oħrajn qegħdin hemm b’sehem attiv minkejja ċ-ċokon tagħna.


6.         L-Indipendenza m’għandha qatt tkun partiġġjana u ħidmitna fil-politika għandha tkun immirata f’dik id-direzzjoni.  L-għaqda fost il-poplu tikber meta jonqos atrit inutli.  Huwa żball soċjali u, f’ċertu sens, ekonomiku li jibqa’ jkun hemm diffikultajiet fuq l-importanza ta’ dan il-jum.  M’hemmx dubju li George Borg Olivier għadda mill-passjoni tan-negozjati sabiex dan kollu jsir.  Dan għamlu għall-ġid tal-pajjiż kollu u fl-interess nazzjoni, għax emmen li minn hemm nistgħu naqbdu t-triq li tagħmel suċċess għalina.  Veru li l-Prim Ministru Borg Olivier kien ġej mill-Partit Nazzjonalista, però telaq f’din it-triq għax kien Malti, u kburi li kien hekk.  Illum hemm bżonn li dan il-messaġġ jasal, li din hija ġurnata fejn ma hemmx diviżjoni partiġġjana.

Artikolu li deher fil-Mument fl-20 ta Settembru 2009.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...