24.3.14

IL-KAŻ GĦAT-8 TA’ SETTEMBRU.


1.                  F’dan il-pajjiż, fortunatament, għandek ħafna karatteristiċi li huma tagħna biss.  Poplu bħal tagħna sab ruħu dominat minn pajjiżi oħra kif kienet f’ċertu sens il-loġika.  Dik li titlaq mill-ħsieb li gżejjer m’għandhomx ħajja waħedhom iżda flimkien ma’ pajjiżi akbar.  Iddur fejn iddur, ibda mill-Mediterran, issib dan il-mekkaniżmu mħaddem. Tant huwa qawwi li ħafna drabi l-kultura, l-forma mentali ta’ ħafna fuq dawn it-tip ta’ gżejjer hija ta’ dipendenza.  Iridu minn ċentru politiku ieħor u jikkundizzjonaw ruħhom fih, għax kważi jemmnu li ma kienux kapaċi jfendu waħedhom.

2.                  Ma nafx kif, biss hawn fuq dawn il-gżejjer l-għaġna kienet kompletament differenti.  Jista’ jkun hemm diversi fatturi li wasslu għal dan.  Il-bnedmin li kienu hawn qabilna, f’mument fil-ħajja ta’ dawn il-gżejjer, inbidlu.  Il-passaġġ tagħna minn Kartaġni għal Ruma jidher li sar fil-linja li ċ-ċentru tal-poter kien inbidel u allura kien hemm bżonn li nsegwu, biss lejn l-aħħar tas-sistema fewdali u l-miġja tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann,  xi ħaġa daret.  Forsi l-kwalità tal-persuni, forsi l-ambjent sħiħ tagħna jew xi fattur separat u distint ġieb mentalità ta’ indipendenza u kunfidenza fl-abbilità li jmexxu mingħajr il-bżonn ta’ ħadd.  Jidher mill-ewwel għall-istoriċi li kien hemm kuraġġ ta’ bnedmin li riedu jimxu għal rashom.

3.                  Huwa minnu li l-Assedju l-Kbir tal-1565 kien determinanti fl-istorja politika Maltija u Ewropea però kien hemm elementi varji li ngħaqdu f’dik il-vittorja.  Fit-8 ta’ Settembru niċċelebraw it-tmiem ta’ dak l-assedju verament kbir u iebes.  Il-kavallieri, ma hemmx dubbju, kienu il-kalamita li ġibdu lit-Torok hawn imma l-qlubija ma kenitx tagħhom biss.  Kienu l-Maltin li sabu ruħhom f’sitwazzjoni li qatt qabel ma kellhom.  F’ħafna sens, li kieku ma ġietx l-Ordni, assedju ma kienx ikollna.  Kienu huma li bil-preżenza tagħhom biddlu l-gżejjer innokwi f’minaċċja militari.  It-Torok fehmu li bil-kavallieri hawn allura kienu qed jissugraw il-kummerċ marittimu tagħhom u d-dominanza li kellhom.  Għalhekk daħlu għal din il-manuvra li switilhom qares.

4.                  F’ħafna sens dak li seħħ f’dak is-sajf ta’ erbgħa mija u erbgħa u erbgħin sena ilu reġa’ ġie f’tiegħu fit-Tieni Gwerra Mondjali.  Il-preżenza Ingliża hawn ġibdet l-attakk ta’ l-għadu u għalkemm fl-ewwel assedju, f’ċertu mumenti nkun konvint li ma kienx ikun hemm konflitt kieku ma konniex dominati, fit-tieni ngħid li xorta konna naraw lill-Ġermaniżi u lit-Taljani ma’ xtutna.  Li hu ċert huwa li għaż-żewġ kunflitti kienu hemm il-Maltin u l-Għawdxin li biddlu x-xejra ta’ l-eventi.  Biddluhom b’żewġ fatturi: l-ewwel, id-determinazzjoni u perseveranza li jibqgħu jissieltu sal-aħħar, mingħajr ma jagħtu spazju lill-avversarji, u t-tieni bil-fidi tagħhom fir-reliġjon Kattolika.

5.                  Tista’ taħseb li kollox huwa koinċidenza b’xi forma ta’ mentalità li temmen li l-bniedem ma jistax jibdel l-eventi tad-dinja u li ma tistax tittama fl-intervent Divin, biss id-dinja tal-verità hija differenti għax ma jistax ikun li proprju fit-8 ta’ Settembru kellna t-tmiem ta’ dawn l-eventi, proprju f’dik il-festa tat-twelid ta’ Marija Santissima li ilha tiġi ċelebrata f’pajjiżna.  Kull min jaqra jaf li ċ-ċelebrazzjoni tal-Bambina hija anzi parti sħiħa minna l-poplu ta’ dawn l-gżejjer.  Din hija r-realtà, l-verità tal-fatti u dan huwa aktar ċar meta wieħed jikkonsidra li għandna erba’ parroċċi jiċċelebraw dan f’daqqa.  Għandek l-belt Sengleana, dik Naxxarija, dik tal-Mellieħa u tax-Xagħra f’Għawdex.

6.                  Popli oħra li stinkaw għall-indipendenza tagħhom, għall-unifikazzjoni tal-pajjiż rabtu l-vuċi tal-libertà ma’ jum partikolari, ma’ monument storiku, ma’ innu li jesprimi dan is-sentiment.  Pajjiżna, li għalkemm għandu ħafna li jkantaw tajjeb naħseb li ngħaqad ma’ dan il-jum bħala espressjoni nazzjonali.  Il-formazzjoni kulturali ta’ dawk li daħlu fil-Parlament Malti fl-1921 lejn hemm ġibdet u aħna l-membri tal-Kamra rridu naċċettaw li dawk li ġew qabilna kellhom formazzjoni intelletwali aqwa minn tagħna u dawn ħarsu lejn it-tmienja bħala l-jum nazzjonali tagħhom.

7.                  Fil-fatt kienu l-ewwel leġislaturi li mexxew sabiex  il-Profs. Antonio Sciortino jiġi nkarigat sabiex isir monument li jfakkar l-Assedju l-Kbir.  Proprju l-Ħadd, 8 ta’ Mejju 1927 fl-10:30 ta’ filgħodu mal-ġenb tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann ġie inawgurat dak il-monument tant sabiħ u majestuż.  Jingħad li saret festa kbira.  Kien hemm Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Sir Ugo Mifsud li ppresjeda l-attività u fih kien hemm żewġ diskorsi importanti tal-Prim Imħallef, Sir Arturo Mercieca u tal-Professur Patri Karmelitan Atanasju Cuschieri li għamel diskors bil-Malti fuq “L-Istorja Glorjuża ta’ Pajjiżna”.  Hemm baqa’ dak iċ-ċentru tar-rabta ta’ bejn pajjiżna u l-istorja.  Missirijietna ħarsu qabel it-Tieni Gwerra Mondjali lejn dak il-jum u dan huwa evidenti mid-diskorsi li saru dakinhar.  Il-komunikazzjoni kienet maqsuma f’ħarsa lejn il-passat imma b’dikjarazzjonijiet ċari lejn il-futur.  Asserzjoni diretta ta’ dak li riedu jilħqu u x’jemmnu li huma kapaċi li jwettqu.

8.                  Meta tikkunsidra li l-effett tat-Tieni Gwerra Mondjali ma kienx dak li jneħħi mill-importanza ta’ dak il-jum iżda li jikkargah iktar, wieħed japprezza aktar kemm it-8 ta’ Settembru huwa jum verament nazzjonali.  Dan aktar u aktar meta tqiegħed fih il-fatt li l-Knisja tiċċelebra f’erba’ parroċċi li m’humiex marbuta ma’ lokalità imma mxerrda mal-gżejjer.  Il-monument ta’ Sciortino li jinsab kuljum fi triqitna jgħid ħafna għalina.  Huwa jirrapreżenta s-saħħa tagħna, jiċċelebra li aħna ħassejna dejjem li għandna l-kapaċità mmexxu ‘l quddiem.  Dan il-jum huwa vera wieħed li ħaqqu dejjem iktar jiġi ċelebrat bid-dinjità sħiħa li għandu.  Wieħed li tajjeb li jiġi kkunsidrat b’aktar attenzjoni.


Artikolu li kien deher fil-gazzetta Illum tat-13 ta Settembru 2009.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...