24.3.14

L-arti u l-kultura għodod importanti.




1.         F’dawn l-aħħar jiem qisna erġajna deħlin biċċa biċċa lura lejn ir-rutina tax-xogħol.  Qed inħallu warajna s-sajf bir-ritmu tiegħu u nduru biex ngħarfu li ż-żmien tal-mistrieħ daqt ikun għalaq definittivament.  Dan ix-xahar ta’ Settembru għandu wkoll dan id-dmir – li jdawwarna u jfakkarna li hemm bżonn indawru r-ritmu u r-rotta tal-ħajja.  U rrid ngħid li dan jirnexxilu jwettqu tajjeb ħafna.  Mingħajr ma tagħraf kif, tidħol għall-ħarifa ħelu ħelu mal-kliem tal-poeta Ingliż John Keats.

2.         Id-dinja ta’ l-arti ma toqgħodx lura minn din il-ġibda naturali tas-sensi.  Għal ħafna f’dan il-pajjiż, jerġgħu jqumu l-artisti, dawk li jħallu lilhom infushom isegwu dak li hemm fihom mingħajr ma jistaqsu kif u sa fejn ser jaslu biex fl-aħħar iwelldu barra dak li jkollhom ġewwa.  Il-bniedem għandu fih din il-ġibda, għal uħud li jkunu krejaturi, għal oħrajn sabiex jammiraw dak li jiġi fid-dawl tax-xemx mill-artist, kbir jew żgħir.  L-ispirtu liberu tal-bniedem iċaqlaqna lejn fruntieri li ftit qatt setgħu jipprevedu.  Anzi, s-sabiħ tagħna huwa proprju li m’aħniex inqas minn popli oħra, huma fejn huma mxerrda fid-dinja.  Aħna konna minn żmien il-qedem u bqajna marbutin fuq naħa u xhieda, eżempju fuq l-oħra.

3.         Fl-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet kellna eżempji ċari ta’ dan f’erba’ okkażjonijiet interessanti.  Il-ftuħ ta’ Villa Francia, bidu ta’ wirja ta’ pittura ta’ Esprit Barthet u Antoine Camilleri, il-ftuħ ta’ “The Malta Cyprus Ceramic Exhibition 2009” u l-ftuħ uffiċjali tar-Rotta ta’ l-Arti.  Huma erba’ mumenti importanti għall-kultura u l-arti Maltija.  Wirjiet li huma miftuħa beraħ għalina sabiex narawhom u nammirawhom.  Għax is-snin li għaddew minn fuqna sarrfu sabiex kibru l-artisti u kibru sew l-ammiraturi tagħhom.  Dawn huma esposti għalina u, fl-istess ħin, mogħtija sabiex jagħtu xhieda ta’ dak li aħna.  Juru l-abbiltà li dejjem kien hemm u fortunatament baqa’ jkollna mument li bih nistgħu iktar niftakru meta niċċelebraw għada l-indipendenza unika tagħna.

4.         Meta taqra fuq l-arti, fuq il-materjal li l-bniedem fis-sekli uża sabiex jesprimi ruħu, mingħajr ma rridu waqt li nkunu qed nammirawhom inkunu wkoll qed nirriflettu li huma sinjali ta’ ċiviltà.  Terġa’ meta nieħdu l-fuħħar, napprezzaw dan ferm u ferm iktar.  Id-dinja hija miżgħuda b’oġġetti minn kull seklu u minn kull rokna fiha.  F’dawn hemm il-kreattività umana preżenti, prinċipalment f’oġġetti marbuta mal-użu utilitarju ta’ kuljum imma f’ċerti istanzi jiġik ukoll id-dubju kemm kienu limitati hemm.  Fl-Amerika t’Isfel, ta’ Fuq u tan-Nofs, fil-Mediterran, fl-Oċeanja, fl-Afrika, fiċ-Ċina hemm oġġetti li nħadmu u baqgħu bil-forom varji u “strambi” tagħhom, xhieda ta’ persuni li kienu kapaċi jittrasformaw b’idejhom u bl-għajnuna ta’ diversi proċessi, rikordji tagħhom.  Anzi nafu wkoll li għandna oġġetti li nħadmu b’teknika li llum m’għadhiex aktar possibbli li terġa’ tirrepeti ruħha.

5.         L-impatt tagħhom huwa qawwi f’dan is-seklu mimli bi bnedmin li jridu jimirħu barra mill-fruntieri tagħhom.  Kif stajt nikkonstata f’wirja ta’ ċeramika interessanti ħafna mtellgħa bejn ġabra ta’ ħbieb Maltin u Ċiprijotti, fejn ma’ kull sena qed isir avvanz ‘il quddiem.  Fil-kumpannija ta’ Maltin ta’ qalb kbira u ġeneruża bħal ta’ Charles Sammut, Mario Sammut, Valerio Schembri, Raymond Abela, Joseph Agius, Julie Apap, Antoine Paul Camilleri, Sina Farrugia Micallef, Neville Ferry, Kenneth Grima, Paul Haber, Sue Mifsud u George Muscat tħoss iktar id-demm ħaj u jbaqbaq tagħhom.  Quddiem il-ħidma ta’ jdejhom tifhem li ċ-ċeramika m’għandhiex limiti ta’ żmien jew fruntiera ġeografika, anzi hija ċelebrazzjoni ta’ proċess li ma jridx jieqaf.

6.         Mingħajr ma trid tħossok imkaxkar b’dak li Maltin bħalna kapaċi jagħtu.  Il-poplu, għalkemm kibirlu l-għarfien, tajjeb li jitqegħdulu iktar u iktar appuntamenti bħal dawn quddiemu.  Veru li jista’ jkun hemm min ma japprezza xejn, biss nemmen li ftit spjegazzjoni, qtar żgħar ta’ informazzjoni jagħmlu d-differenza.  Nemmen li dan il-poplu tagħna għandu ġewwa fih dik ir-rabta qawwija bejn l-arti, il-kultura u ħajtu.  Il-kultura hija tastiera importanti għad-dinjità ta’ kull persuna u aħna ma għandna xejn inqas.  Tajjeb li nħajru aktar bnedmin imorru jaraw dawn il-wirjiet, inħeġġuhom jiskopruhom, isiru jafu għala u kif isiru.  Nuża hawn il-kliem ta’ Albrecht Durer li kien qal quddiem iċ-ċeramika ta’ l-Azteki: “In all my life I have never seen anything that rejoiced my heart so much, I have found an admirable art in them and I have been astonished by the subtle spirit of the men of these strange countries.”

7.         L-artist, ħafna drabi jsib ruħu fis-solitudni, m’għandux biżżejjed min irid jidħol fi djalogu miegħu sabiex japprezzah.  Hemm proċess importanti li għandu jsir.  L-ispirtu liberu ta’ l-artist ma jistax dejjem jiġi apprezzat, però min jidħol fil-linja tat-trasformazzjoni tal-fuħħar fiċ-ċeramika jgħin lilu nnifsu stess meta jiddiskutih.  Għax l-arti hija sinjal ta’ ċiviltà.  Sinjal ċar li hawn min jifhem li d-dinjità umana mhix materjaliżmu utilitarju, iżda ferm iktar.  Dak huwa parti mill-patrimonju sħiħ tagħna u nagħmlu tajjeb jekk flok noqogħdu lura nkomplu nkabbruh.  L-arti u l-kultura huma għodod importanti li nagħmlu tajjeb li nkomplu nsostnu. 


 Artikolu li kien deher fl-20 ta Settembru 2009 fl-Illum.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...