8.7.19

Ġimagħtejn twal




1.   Għamilt dawn il-ġimgħatejn, fil-maġġor parti tagħhom, imsiefer.  Kont fi Strasbourg għall-Kunsill tal-Ewropa u f’Moska għal-laqgħa parlamentari interessanti.  Fit-tnejn tgħallimt u sibt realtajiet li ma kontx naf biżżejjed.  L-affarijiet, fil-ħajja, minn barra jidhru mod, u minn ġewwa ieħor.  Ma tkunx taf dak li għaddej, sakemm ma tibdiex tmiss b’idejk u tisma’ dak li jkun hemm.  Fil-ħajja, hekk id-dinja.  Ma tridx tiġġudika, imma għandek iktar issir taf.

Ġudizzji umani

2.   Il-bnedmin jiġġudikaw lill-oħrajn u lil dak li jkun qed iseħħ.  Id-dinja llum, anzi, għandha iktar għodda li bihom tgħaddi rassenja lil dak u lill-ieħor iktar malajr u iktar fil-wiċċ.  Hawn manipulazzjoni, hawn abbuż ta’ min għandu ċerti mezzi li t-teknoloġija moderna tipprovdi, imma fuq kollox, hemm min joqgħod fuq ħaddieħor.  Waħda mill-intoppi f’dan il-mument tal-istorja huwa deċiżament dan.  Flok wieħed jara u jasal għall-konklużjonijiet, huwa jiġi mmexxi minn ħaddieħor li ma jkollux, neċessarjament, l-interessi tal-verità.

Il-verità

3.   Naqblu li hemm verità waħda, mhux diversi.  Hemm il-fatti li jridu jingħadu bis-sħiħ.  Meta fis-soċjetà jkun hemm min jabbużaminn dan, ir-riżultati jkunu xejn dritti.  Anzi, hekk ukoll il-konsegwenzi sħaħ tagħhom.  Mhux biss dan, imma hemm ukoll l-aġġornament tal-verità.  Ħafna drabi, il-bnedmin jitkellmu u jaslu f’ġudizzji tagħhom mhux fuq dak li jkun qiegħed iseħħ, imma fuq dak li seħħ.  Il-ħsieb analitiku jibni lilu nnifsu fuq dak li ġara, mingħajr ma neċessarjament jieħu inkonsiderazzjoni dak li jkun għaddej.  Hemm f’dan ukoll l-għażliet tal-fatti.  Jintagħżlu dawk li huma “konvenjenti”, mingħajr ma jittieħdu fil-kalatura l-biċċiet l-oħra.

Id-Demokrazija

4.   Waqt waħda mil-laqgħat li kelli ġie quddiemi dan, jien u nisma’ kelliema varji jressqu partijiet u oħra ta’ dak li qed jaraw għaddej.  Kelliema partikolari rabtet iktar il-bżonn li l-verità tibqa’ d-dawl ċentrali ta’ demokrazija ħajja u attiva.  Meta nisimgħu diskors varju fuq dak li huwa definit bħala “Fake News”, fir-realtà ma huwa xejn iktar ħlief appell sabiex il-bnedmin jivverifikaw qabel ma jiġġudikaw.  Id-deċiżjonijiet it-tajba hekk jittieħdu, u fuqhom wieħed jista’ jibni iktar għal quddiem.  Meta wieħed jitlaq jiġri biex jaħtaf l-imħuħ tal-oħrajn, jew biex iwassal lilu nnifsu fil-partijiet żbaljati tal-argument, ikun qed imur kontra l-ispirtu veru tad-demokrazija.

L-esperjenza umana

5.   L-esperjenza umana tieħdok iktar fuq dawn it-toroq.  Trid tgħaddi mill-ħajja.  Trid iġġarrab fuqek innifsek, kif ukoll fl-iżbalji li, inevitabilment, ser twettaq.  Dawk li ma jgħixux mal-oħrajn.  Dawk li ma jarawx dak li għaddej minnu ħaddieħor u jippruvaw jidħlu fiż-żarbun tiegħu, dan ma jistgħux japprezzawh.  Forsi s-soċjetà, mertu wkoll tat-teknoloġija, imtliet b’iktar bnedmin li, “part-time” jiġġudikaw malajr lill-oħrajn mis-siġġu jew mit-torri tagħhom.  Wisq jersqu li jfittxu, kemm jistgħu, l-iskaldi mingħajr ma jifhmu fejn huma t-travi.

Għandna nsiru nafu

6.   Proprju għalhekk li nagħraf dejjem iktar li l-għadu prinċipali tas-soċjetà demokratika tagħna huwa n-nuqqas ta’ verità.  Il-ħidma tagħna fl-Oppożizzjoni trid tkun fit-triq li tiġi stabbilita l-verità.  Sija għalina li rridu niddefendu ‘l-bnedmin, kif ukoll għall-ġid tal-poplu kollu.  In-nuqqas ta’ verità fis-soċjetà li jwassalna lejn konsegwenzi żbaljati.  Kontro-proposti għal dak li jkun qed jingħad li ma jistgħux jaħdmu.  Kritika li tiġi maqtugħa mid-dinja ta’ kull ġurnata, proprju għax ma tkunx hekk dipendenti.  Proprju għalhekk nibqa’ ngħid li għandna nkunu nafu u nassistu biex nistabbilixxu r-raġunijiet veri, mhux dawk apparenti.

Segwejt ukoll

7.   Segwejt, tul dawn il-jiem, dak li kien għaddej fl-Unjoni Ewropea.  Kif fhimtu, kont nippreferi li Manfred Weber jiġi magħżul.  Kien ħaqqu.  Ħadem għaliha u ġieb ir-riżultati t-tajba.  Imma, kif tafu, wara ħafna u wara numru sew ta’ kumplikazzjonijiet, ittieħdu deċiżjonijiet differenti minn min imexxi u oħrajn li jmexxu.  Rajt żbilanċi bejn il-poter politiku u s-saħħa elettorali ta’ kull mexxej politiku.  F’kollox hemm direzzjonijiet li  minnhom il-pajjiżi li huma żgħar ibatu.  Nista’ ma naqbilx ma’ dak li seħħ, imma ma kontx preżenti għal-laqgħat.  Il-konsegwenzi, ovvjament, għad irridu narawhom fil-ħames snin iktar determinanti għall-Unjoni.

X’inhuwa ġej

8.   Dak li seħħ missna fil-ħajja ta’ kull ġurnata.  Missna proprju għax ix-xenarju politiku f’pajjiżna nbidel.  Waqt li konna qed nosservaw, daqqa mill-bgħid, u daqqa mill-viċin il-manuvri ġenerali li kienu qed isiru fil-Partit Laburista, rajna affarijiet oħra.  Konna qed naraw numru ta’ “kandidati” jersqu ‘l quddiem fil-prospett li l-Prim Ministru jitlaq kollox.  Kien hemm loġika u deċiżjonijiet li kienu qed jittieħdu minħabba f’hekk.  Mhux biss fil-Partit Laburista, imma fir-realtà politika sħiħa.  Il-fatt li ser jibqa’ fis-siġġu għandu l-konsegwenzi tiegħu.  Jkun żball politiku jekk dan jiġi njorat, u wieħed jieħu deċiżjonijiet bix-xenarju preċedenti.

Għeluq

9.   Kienu jiem twal, ċertament.  Kienu parti minn proċess ta’ bidla.  Jekk ma narawx l-affarijiet fil-kuntest sħiħ tagħhom.  Jekk ma nfittxux il-fatti u l-verità fis-soċjetà, niżbaljaw.  Proprju għalhekk li l-ħidma tagħna fl-Oppożizzjoni tinbidel iktar ma’ dan.  Proprju għalhekk li nagħrfu dejjem iktar kemm il-verità ma tistax tiġi njorata, imma stabbilita.  Dan hu li għandna nkomplu nikkonċentraw u naħdmu fuqu.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...