18.7.19

AMBAXXATA TA’ MALTA FIT-TUNEŻIJA - ĦIDMA





10555. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa t-Tuneżija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa t-Tuneżija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena kienet tinvolvi aspetti:

Bilaterali

L-ewwel ġimgħat tas-sena 2019 kienu fil-parti l-kbira tagħhom ddedikati lill-preparamenti għal:

a.             Żjara Statali li l-President Tuneżin wettaq f’Malta bejn il-5 u s-6 ta’ Frar 2019.  Din iż-żjara saret wara stedina tal-President ta’ Malta b’segwitu għal Żjara Uffiċjali li l-President Emeritus ta’ Malta wettqet fit-Tuneżija f’Novembru 2017.

b.             Il-ħdax-il laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta bejn Malta u t-Tuneżija seħħet fl-4 ta’ Frar 2018.  Iż-żewġ Ministri responsabbli għall-Affarijiet Barranin mexxew sessjoni ta’ Konsultazzjonijiet Politiċi.  Iż-żewġ Ministri ffirmaw il-Minuti Maqbula tal-Kummissjoni Konġunta u erba’ Trattati bilaterali fis-setturi tal-Impjiegi, tal-Anzjani, tat-Tfulija u Programm ta’ Koperazzjoni fis-settur tal-Kultura.

c.             L-Ambaxxata kkoordinat il-parteċipazzjoni tad-delegazzjoni Tuneżina fil-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-5+5 li seħħet f’Malta.

d.             Bejn l-24 u s-25 ta’ April, l-Onorevoli Helena Dalli, Ministru għall-Ewropa u għall-Ugwaljanza, żaret Tuneż biex tipparteċipa bħala kelliema fil-Forum dwar l-Ugwaljanza tal-Ġeneru.  Din il-laqgħa tnediet b’kooperazzjoni bejn it-Tuneżija, il-UNDP u UN Women.

e.             Matul l-ewwel kwart tas-sena saru preparamenti għall-parteċipazzjoni tad-delegazzjoni Maltija għall-Assemblée des Cents li seħħet f’Tuneż f’Ġunju 2019 bi tħejjija għas-Sommet des Deux Rives – Laqgħa Għolja bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Mediterran tal-Punent u djalogu reġjonali ma’ rappreżentanti prominenti  tas-soċjetà ċivili li se jittella’ bejn it-23 u l-24 ta’ Ġunju ġewwa Marsilja. L-Ambaxxata għamlet tħejjijiet għal sessjoni ta’ skambji soċjali bejn id-delegazzjoni Maltija u numru ta’ esponenti Tuneżini li jaħdmu f’setturi simili għal tagħhom.

f.             Saru preparamenti biex tingħata Borża ta’ Studju lil student jew studenta Tuneżin/a biex isegwi/issegwi kors ta’ Master’s Degree fl-Universita’ ta’ Malta. 

Kummerċjali

a.             L-Ambaxxata ta’ Malta żżomm kuntatt regulari u kontinwu man-negozjanti Maltin preżenti fit-Tuneżija.  L-Ambaxxata tagħti appoġġ b’mod regulari lil dawn l-intrapriżi u tagħmel rappreżentazzjonijiet mal-awtoritajiet Tuneżini b’għan li jiġu riżolti intoppi għall-kummerċ.

b.             L-Ambaxxata regularment tirċievi talbiet għall-għajnuna ta’ natura varja minn negozjanti kemm Maltin u kemm Tuneżini li jkunu interessati f’kummerċ bilaterali.

c.             L-Ambaxxata ħadet numru ta’ inizjattivi biex tibni kuntatti ġodda ma’ negozjanti u entitajiet kummerċjali Tuneżini li jistgħu jkunu interessati li jesploraw kuntatti bilaterali ġodda.

d.             Fl-isfond taż-Żjara Statali tal-President tat-Tuneżija f’Malta, fil-5 ta’ Frar 2019,  ġiet organizzata t-tielet sessjoni tal-Business Forum Malti-Tuneżin li seħħ fil-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija.  Il-ftuħ ġie segwit minn laqgħat bejn intrapriżi u kummerċjanti Maltin u Tuneżini.  

Kulturali 

a.             Saru arranġamenti sabiex grupp ta’ kantanti Maltin li għandu numru ta’ segwaċi fit-Tuneżija ta intervista f’rivista kultural lokali.  L-Ambaxxata kienet organizzat kunċert f’Tuneż minn dan il-grupp li kien iffinanzjat mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ.

b.             Qed isiru preparamenti biex grupp  ta’ mużiċisti Maltin jagħti kunċert f’Tuneż fl-aħħar ta’ din is-sena.  Dan il-kunċert ser ikun iffinanzjat mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ.

c.             Saru preparamenti għal sessjoni ta’ skambji soċjali bejn esponenti ewlenin  tal-kultura taż-żewġ pajjiżi li seħħet f’Tuneż f’Ġunju 2019.

Konsolari

F’dan il-perjodu il-konsolat irċieva u pproċessa 482 applikazzjoni għal-viża u ngħatat assistenza lil 5 Maltin biex jirreġistraw it-twelid tagħhom. Irċieva żewġ applikazzjonijiet għal ċittadinanza, applikazzjoni għal Passaport u ngħatat assistenza lil ċittadin Malti li tilef il-passaport waqt btala fit-Tuneżija.  L-Ambaxxata tat assistenza biex persuna Maltija residenti fit-Tuneżija u li mietet Malta tiġi midfuna fit-Tuneżija.

Promozzjoni

a.             L-Ambaxxata kkooperat ma’ żewġ rivisti biex ġew ippubblikati artikli dwar Malta.

b.             Saru tħejjijiet biex tittella’ Paġna Facebook tal-Ambaxxata.

Seduta  249
17/07/2019



No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...