22.7.19

AMBAXXATA TA’ MALTA FIL-GREĊJA - ĦIDMA




10538. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10315 u jgħid x’ħidma diplomatika saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa Ateni tul din is-sena?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Greċja huma ferm pożittivi u qegħdin ikomplu dejjem jissaħħu. Għaldaqstant, f’dawn l-aħħar sitt xhur, l-Ambaxxata Maltija fil-Greċja ħadmet bla waqfien sabiex dawn ir-relazzjonijiet ikomplu jiġu approfondati permezz ta’ inizjattivi u ħidma li saħħew il-kooperazzjoni politika, bilaterali, kummerċjali u kulturali bejn iż-żewġ pajjiżi.

Bilaterali
L-Ambaxxatur kellu laqgħa mal-Ministru tal-Kultura u Sports Grieg, Ms Mirsini Zorba, bid-diskussjoni tkun l-MoU dwar il-Kultura bejn iż-żewġ pajjiżi. Dan jinsab fi stadju avvanzat u l-Gvern Malti qiegħed jistenna l-kontro-proposti mill-Gvern Grieg.

Żjarat Uffiċjali
Tajjeb ukoll li wieħed isemmi l-assistenza li l-Ambaxxata pprovdiet lil diversi dinjitarji Maltin li żaru l-Greċja f’dawn l-aħħar sitt xhur. Fosthom dawn insibu:
L-Ambaxxatur akkumpanja liIl-Prim Ministru waqt Med7 f’Nikosija, Ċipru fid-29 ta’ Jannar 2019.
L-Ambaxxatur assista lill-Ministru ghall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela tul żjara ta’ tlett ijiem fil-Greċja, liema żjara kienet mmarkata b’taħdidiet politiċi u diplomatiċi, żewġ kunċerti minn Cappella Diacono – Malta u laqgħat mad-diaspora Maltija fil-Greċja.  Iż-żjara saret bejn is-Sibt 18 u t-Tnejn 20 ta’ Mejju 2019.
Matul iż-żjara saru diskussjonijiet mal-Ministru Grieg għall-Affarijiet Barranin George Katrougalos u l-viċi tiegħu Terens Quick, li ffukaw fuq temi bilaterali u ta’ interess reġjonali li jinkludu il-futur tal-Unjoni Ewropea wara l-elezzjonijiet ta’ dan ix-xahar, migrazzjoni, kummerċ u opportunitajiet fl-Afrika, kif ukoll id-diaspora Griega u Maltija fil-kommunitajiet rispettivi. Laqgħa politika oħra li saret fil-kapitali Griega ffukat fuq l-isfidi komuni Ewropej fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew mal-Kummissarju Ewropew tal-Migrazzjoni, Intern u Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos.
Il-Ministru Abela kellu l-opportunita’ li jiltaqa’ mad-diaspora Maltija fil-Greċja, waqt avveniment organizzat mill-Ambaxxata Maltija f’Ateni, nhar is-Sibt 18 ta’ Mejju.
F’Ateni, il-Ministru Abela attenda quddiesa u kunċert fejn 55 mużiċist u korist ta’ Cappella Diacono, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Ray Sciberras F.L.C.M, daqqew repertoire ta’ mużika sagra Maltija, prinċiparjament xogħol tal-fundatur tal-Cappella – is-Surmast Carlo Diacono u tal-istess Surmast Sciberras.  Il-quddiesa saret il-Ħadd 19 ta’ Mejju fil-Kattidral ta’ San Dijonisju l-Aeropagita, u kienet ikkonċelebrata mill-Arċisqof Kattoliku ta’ Ateni, Mons. Sevastianos Rossolatos u n-Nunzju Appostoliku fil-Greċja, Mons. Savio Hon Tai-Fai.  Il-Cappella Diacono daqqet waħda mill-komposizzjonijiet liturġiċi ta’ Mro. Carlo Diaconi, Messa in Mib.
Il-kunċert sar fl-20 ta’ Mejju fil-Megaron - Athens Concert Hall.  Fost id-dinjitarji preżenti kien hemm il-Ministru tal-Affariiet Barranin Grieg, il-Ministru tal-Kultura u Sports, l-Arċisqof Kattoliku ta’ Ateni u l-Amministratur Appostoliku tal-Kattoliċi Armeni fil-Greċja, Hovsep Joseph Bezazian.

Relazzjonijiet Kummerċjali
Fir-rigward ta’ relazzjonijiet kummerċjali, l-Ambaxxata Maltija fil-Greċja tieħu inizjattivi biex tippromwovi u kif ukoll tirċievi diversi proposti ta’ interess kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi f’dawn l-aħħar snin ħa spinta ’l quddiem u fis-snin li ġejjin mistenni jkompli jikber.  B’mod partikolari nsemmi l-oqsma tal-marittimu, avjazzjoni, farmacewtika, servizzi finanzjarji u gaming u oqsma oħra li min zmien ghal zmien jinbtu ideat u inizjattivi għalihom. Possibilita li wieħed għandu jesplora b’mod aktar profond huwa l-qasam tal-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ prodotti varji bejn iz-zewg pajjizi kif ukoll kollaborazzjoni bejn kumpaniji miz-zewg pajjizi fejn jidħol il-qasam agrikolu.

Attivitajiet kulturali u soċjali imtella’ mill-Ambaxxata
L-Ambaxxata Maltija fil-Greċja organizzat diversi attivitajiet tul l-aħħar snin. L-aħħar attivita’ li saret kienet il-parteċipazzjoni kulturali ta’ Cappella Diacono waqt quddies fil-kattidral tal-Kattoliċi f’Ateni u kunċert fit-Teatru Megaron. Dan sar fit-18 u d-19 ta’ Mejju 2019. Din l-attivita’ ġiet organizzata bl-appoġġ tas-CDU tal-Ministeru u l-Malta Ship Registry.
L-Ambaxxata torganizza wkoll il-Malta Day kull sena u torganizza attivitajiet oħra flimkien mar-Reġistru Marittimu ta’ Malta biex tkompli tippromwovi u ssaħħaħ ir-rabtiet kummerċjali f’dan is-settur tant importanti u vitali għal Malta. 
L-Ambaxxatur kellu wkoll laqgħat mal-Konsulent Diplomatiku tal-Ministeru tal-Kultura u Sports fuq diskussjonijiet rigward l-avveniment kulturali li kienet qed torganizza l-Ambaxxata f’Mejju u rigward l-MoU li se jiġi ffirmat bejn iż-żewġ pajjiżi.

Ħidma Konsulari
L-Ambaxxata bħal dejjem kienet għad-disposizzjoni taċ-ċittadini Maltin li jgħixu fil-Greċja u dawk li jivvjaġġaw lejn dan il-pajjiż, u ċittadini Griegi li jixtiequ jivvjaġġaw lejn Malta li jeħtieġu xi għajnuna, kemm fuq temi konsulari, kif ukoll temi turistiċi u kummerċjali. Fost l-oħrajn l-Ambaxxata assistiet f’informazzjoni dwar iċ-ċittadinaza, tiġdid ta’ passaporti, informazzjoni dwar żjarat f’Malta għal skopijiet kummerċjali u anki edukattivi u ħruġ ta’ dokumenti urġenti tas-safar għal Maltin li tilfu jew ġew misruqa d-dokumenti tagħhom waqt li kienu fil-Greċja.  

Promozzjoni ta’ Malta
Wieħed mis-setturi li l-Ambaxxata tagħti importanza speċjali huwa s-settur tal-promozzjoni ta’ Malta. Għalhekk, l-Ambaxxatur attenda diversi avvenimenti u għamel diskors sabiex jippromwovi lil pajjiżna, fosthom u b’mod partikulari fis-settur Marittimu u oqsma kummerċjali oħra li kull ma jmur qegħdin jissaħħu bejn iż-żewġ il-pajjiżi.
Matul dawn l-aħħar xhur, l-Ambaxxatur kellu bosta intervisti b’konnessjoni mar-relazzjonjiet ta’ Malta mal-Greċja. Dan sar b’mod partikulari bi preparazzjoni għall-avveniment kulturali li ġie organizzat bejn it-18 u l-21 ta’ Mejju. F’dan l-avveniment kien hemm inkorporati wkoll laqgħat bilaterali, kummerċjali kif ukoll laqgħa tal-Ministru mad-Diaspora Maltija li tgħix f’Ateni u l-madwar.

Matul Mejju 2019, ġiet kreata u mnedija paġna uffiċjali fuq Facebook u oħra fuq Twitter għall-Ambaxxata ta’ Malta fil-Greċja.

Turiżmu
Is-settur tat-turiżmu ħa spinta ’l quddiem f’dawn l-aħħar snin hekk kif żdiedu t-titjiriet diretti bejn iż-żewġ pajjiżi, bit-titjira l-ġdid introdotta tkun lejn Thessaloniki. F’perjodi partikulari dawn it-titjiriet kienu ta’ sebgħa u anki tmienja fil-ġimgħa. Nemfassiza li hemm ħafna aktar xi jsir fejn tidħol il-konnetività bejn iż-żewġ pajjiżi speċjalment fejn tidħol il-konnetività marittima.  Mal-industrija diġà eżistenti tal-‘Cruise Liners’ hemm konsiderazzjoni għal konnetività marittima diretta bejn iż-żewġ pajjiżi u dan biex jiġi ffaċilitat aktar il-kummerċ u t-turiżmu bejniethom.

Seduta  247
09/07/2019


No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...