22.7.19

AMBAXXATA TA’ MALTA FL-AWSTRIJA - ĦIDMA





10542. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa Vjenna, l-Awstrija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li din hija l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa Vjenna,l-Awstrija fl-ewwel erba xhur ta’ din is-sena.

BILATERALI
L-Ambaxxatriċi kellha l-okkażjoni tiltaqa’ kemm mal-President Federali Awstrijak, Alexander van der Bellen, kif ukoll mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Karin Kneissl, u uffiċjali oħra fi ħdan l-istess Ministeru. Mal-President l-Ambaxxatriċi ddiskutiet l-isfidi li għadha tiffaċċja Malta fil-qasam tal-immigrazzjoni illegali u saħqet kemm hu importanti li pajjiżi bħall-Awstrija ma jabbandunawx l-ispirtu ta` solidarjeta` tant importanti fl-Ewropa.

Mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Kneissl, l-Ambaxxatriċi ddiskutiet l-istedina li kien għamlilha l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela sabiex iżżur Malta għal taħdidiet, kif ukoll l-isfidi fil-Mediterran, speċjalment fil-Libja.

KUMMERĊJALI
Wara diskussjonijiet mal-Malta Enterprise l-Ambaxxata bdiet taħdem fuq diversi attivitajiet b’mira fuq swieq speċifiċi jew bliet Awstrijaċi speċifiċi. L-oqsma tal-katina tal-blokok, xjenzi tal-ħajja u riċerka huma fost dawk li qed jingħataw prijorita`, filwaqt li l-ibliet ta’ Vjenna u Graz huma fost dawk li qed jingħataw prijorità, biex jinżammu fihom l-ewwel avvenimenti ta` promozzjoni kummerċjali lejn il-bidu tal-Ħarifa 2019.

Bħalissa l-Ambaxxata qiegħda tfittex persuna ġdida biex tieħu r-rwol ta` Konslu Onorarju għall-Malta f’Salzburġ, wara li dak preżenti wera x-xewqa li jirtira.  L-Ambaxxata diġà identifikat xi individwi u l-persuna magħżula se tintalab torganizza avveniment ta` promozzjoni kummerċjali qabel ma tintgħażel b’mod definittiv.

MULTILATERALI
L-Ambaxxata attendiet madwar 500 laqgħa fl-ewwel erba’ xhur tas-sena 2019. Dawn kienu jinkludu laqgħat tal-Kunsill Permanenti u tal-Forum għall-Kooperazzjoni fis-Siġurtà fi ħdan l-Organizzazzjoni għas-Siġurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa, laqgħat tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Nukleari, laqgħat tal-Uffiċċju tal-Ġnus Magħquda dwar id-Droga u l-Kriminalità, laqgħat tal-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp Industrijali tal-Ġnus Magħquda, laqgħat tal-Organizzazzjoni tat-Trattat kontra kull Test Nukleari, u l-laqgħat kollha ta` koordinazzjoni imsejħa mill-Unjoni Ewropea.

L-Ambaxxata għaddiet it-talba ta’ Malta sabiex l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR), josservaw l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’Malta. L-ODIHR irringrazzjaw lil Malta tal-istedina, iżda wieġbu li m'għandhomx riżorsi biżżejjed biex josservaw dawn l-elezzjonijiet.

Laqgħa tar-rappreżentanti Permanenti tal-OSCE f’Malta
Tnedew diskussjonijiet u beda x-xogħol sabiex issir f’Malta laqgħa tar-Rappreżentanti Permanenti għall-Orġanizzazzjoni għas-Siġurta` u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.  L-għan ta` din il-laqgħa li saret f’Ġunju, u li għaliha attendew ’ilfuq minn 30 Ambaxxatur, kien sabiex toffri l-opportunita` lill-Ambaxxaturi biex jiddiskutu l-futur tal-Organizzazzjoni mas-Sieħba Mediterranji. Hekk kif is-sħubija mal-pajjiżi tal-Mediterran se tidħol fil-25 sena tagħha, kien opportun ħafna li din id-diskussjoni sseħħ u isseħħ ġewwa Malta, pajjiż membru tal-OSCE bi kredenzjali Mediterranji ċari. Sa mill-1975 ġewwa Ħelsinki, Malta kienet saħqet  li ma nistgħux nitkellmu fuq paċi u sigurtà fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi u sigurtà fil-Mediterran.
UNODC - Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (CND)
Fl-ewwel erba’ xhur tas-sena l-Ambaxxata kienet attiva fit-tħejijiet għall-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (CND), laqgħa annwali li saret mit-18 sat-22 ta’ Marzu. L-Onor. Dott. Michael Falzon, Ministru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali qara l-Istqarrija Nazzjonali ta’ Malta fit-tieni ġurnata tal-Kummissjoni.

Fil-marġini tal-istess Kummissjoni, l-Ambaxxata bl-għajnuna tal-Prof. Richard Muscat, organizzat laqgħa dwar ‘Id-Dipendenza fuq l-Opjojdi u l-Qafas Regolatorju li Jassigura l-Aċċess għat-Trattament’. Dan l-avveniment sekondarju ġie organizzat flimkien mal-Isvizzera, bl-appoġġ tal-Portugall, il-Marokk, il-Grupp Pompidou fi ħdan il-Kunsill Ewropew u ċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ għad-Drogi u d-Dipendenza mid-Droga (l-EMCDDA).

UNODC - Kummissjoni għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u l-Ġustizzja Kriminali (CCPCJ)
Fl-ewwel erba’ xhur tas-sena l-Ambaxxata ħejjiet biex Malta tieħu rwol attiv fil-Kummissjoni għall-Prevenżjoni tal-Kriminalità u l-Ġustizzja Kriminali (CCPCJ), laqgħa annwali oħra li saret f'Mejju 2019.

Waqt il-Kummissjoni l-Ambaxxata qrat stqarrija nazzjonali u organizzat ukoll laqgħa fil-marġini ta` din il-Kummissjoni, bit-titlu: 'Ir-Rwol tad-Dwana fil-Ġlieda Internazzjonali Kontra l-Kriminalità Organizzata'. L-Ambaxxata stiednet uffiċjal mid-Dipartiment tad-Dwana Maltija biex jagħmel preżentazzjoni dwar l-esperjenza ta’ Malta bħala ċentru ta’ transitu għall-merkanzija, fid-dawl ta' rekord reċenti ta’ qabdiet ta droga u kuntrabandu li seħħew mid-Dipartiment tad-Dwana Maltija. L-avveniment ġie mħejjib'kollaborazzjoni mal-Programm tal- Ġnus Magħquda Għall-Kontroll tal-Kontejners u l-Pulizija tal-Fruntiera tar-Renju Unit li wkoll qasmu l-esperjenza tagħhom ma’ dawk preżenti.

L-Ambaxxata infurmat u għenet lill-membri tal-Korp tal-Pulizija Maltin biex jiksbu aċċess għall-portal ta` informazzjoni SHERLOC: pjattaforma ta` informazzjoni maħsuba biex tgħin lill-Pulizija u lill-ġudikatura fil-Qrati.

CTBTO
Flimkien mal-Organizzazzjoni tat-Trattat Kontra Testijiet Nukleari (CTBT), l-Ambaxxata bdiet taħdidiet biex jiġi ffirmat ftehim sabiex Malta jkollha ċentru lokali li joħroġ twissijiet ta’ tsunamis li jistgħu jolqtu lill-gżejjer Maltin.

L-Ambaxxata bdiet taħdem ukoll fuq il-loġistika u il-programm taż-żjara li s-Segretarju Eżekuttiv tas-CTBT, Dott. Lassina Zerbo kien se jagħmel f’Malta fix-xahar ta’ Mejju 2019. Din iż-żjara inkludiet laqgħat ta' livell għoli mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Onor. Carmelo Abela u mal-Ministru għall-Affarijiet Interni u s-Sigurtà Nazzjonali l-Onor. Dott. Michael Farrugia, kif ukoll seminar li ġie organizzat mal-Università ta' Malta.

KULTURA
Matul l-ewwel erba’ xhur tas-sena l-Ambaxxata stabbilixxiet għadd ta’ kuntatti ġodda bil-għan li jinfetħu opportunitajiet ġodda fil-qasam tal-arti u l-kultura.

Ġie stabbilit kuntatt mal-fundaturi tal-klabb ewlieni tal-mużika jazz ġewwa Vjenna. Grazzi għall-isforzi tal-Ambaxxata, il-klabb aċċetta li joffri il-post bla ħlas sabiex jinżamm fih l-ewwel kunċert jazz b’mużiċisti Maltin.  Il-kunċert li nżamm nhar it-13 ta’ Ġunju kien possibbli grazzi għall-fondi mogħtija mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, u sponsor privat misjub mill-Ambaxxata.

L-Ambaxxata stabbilixxiet ukoll kuntatt mal-istazzjon tar-Radju ewlieni ORF bil-għan li tinbeda forma ta’ kollaborazzjoni. Fil-bini tiegħu, ir-radju jorganizza għadd ta’ avvenimenti kulturali. L-Ambaxxata bdiet diskussjonijiet mar-radju sabiex jinżamm l-ewwel kunċert ta’  grupp Malti fil-Ħarifa 2019.

L-Ambaxxata nediet ukoll diskussjonijiet mal-Kunsill Malti għall-Arti u mal-EUNIC fl-Awstrija bil-għan li l-Ambaxxata ssir membru u tkun tista` tibda tieħu sehem fl-attivitajiet kulturali organizzati minn dan il-Grupp.

Bdew ukoll diskussjonijiet u kuntatti mal-Awtoritajiet tal-belt ta` Vjenna bil-ħsieb li jittella’  programm kulturali fuq skala kbira b’rabta mal-Milied fix-xahar ta` Diċembru 2019 fi Vjenna.



PROMOZZJONI
L-Ambaxxata stabbilixxiet kuntatt u ħadmet mill-viċin mal-orġanizzaturi tal-EuroPride li saret fi Vjenna f’Ġunju. B’riżultat ta` din il-ħidma ġie garantit l-ogħla livell ta` parteċipazzjoni għal Malta. Grazzi għax-xogħol ta` koordinazzjoni tal-Ambaxxata mal-Uffiċju tat-Turiżmu u l-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, Malta ngħatat viżibilità mill-aktar għolja matul il-ħmistax-il ġurnata ta’ attivitajiet, li għalihom attendew ’il fuq minn 500,000 ruħ. Dawn kienu jinkludu spazju ta` promozzjoni fil-villaġġ tal-EuroPride, diskors tal-ftuħ fil-konferenza dwar id-Drittijiet Umani mill-Ministru Helena Dalli, pannell immexxi mis-Sur Silvan Agius dwar l-Intersess waqt l-istess konferenza, viżibilità waqt il-ġirja ta`solidarjeta’ bil-parteċipazzjoni tal-Ambaxxatriċi u membri tal-Ambaxxata, u pożizzjoni prominenti waqt il-marċ ta`solidarjetà fejn intlaħaq il-qofol tal-isfilata.

Il-logos taż-żewġ Ministeri u tal-Uffiċju tat-Turiżmu kienu inklużi fuq is-sit elettroniku tal-EuroPride filwaqt li l-logo tal-uffiċju tat-Turiżmu kien inkluż ukoll fuq it-T-shirts li ngħataw dawk kollha li ħadu sehem fil-ġirja.

Matul is-sena l-Ambaxxata taħdem id f’id mal-Uffiċċju tat-Turiżmu ġewwa Vjenna u tgħin sabiex tingħata l-ogħla promozzjoni possibli lil Malta. Minbarra xogħol ieħor li sar fuq attivitajiet ippjanati għal aktar tard matul is-sena, l-Ambaxxatriċi kif ukoll l-istaff diplomatiku tal-Ambaxxata żaru l-istand li tellgħet l-MTA, fl-akbar fiera tal-ivvjaġġar li ssir fl-Awstrija Ferien-Messe Wien, fejn kellhom ukoll l-opportunità li jiltaqgħu u jiddiskutu ma’ rappreżentanti li jaħdmu fis-settur u li, jew diġà għandhom, jew li qed juru interess f’Malta.


KONSOLARI
Mill-ewwel ta’ Jannar sal-aħħar ta’ April 2019, l-Ambaxxata ħarġet erba` passaporti, ipproċessat applikazzjoni għaċ-ċittadinanza, irreġistrat żewġ trabi Maltin li twieldu barra, u rritornat affarijiet u dokumenti li ntilfu minn turisti Maltin fl-Awstrija. L-Ambaxxata għenet ukoll Malti li nsteraqlu il-passaport waqt li kien l-Ungerija. L-Ambaxxata ġiet ukoll msejħa biex tgħin anzjan Malti li ħassu ħażin fl-ajruport l-Albanija.

Fuq bażi regolari l-Ambaxxata rrispondiet għal diversi mistoqsijiet fuq vjaġġar u rilokazzjoni lejn Malta, xogħol u studju f’Malta, tilwima kummerċjali, u ċertifikati tal-kondotta u żwieġ f’Malta.

F’dan iż-żmien, l-Ambaxxata talbet lill-Ministeru biex joħroġ parir u twissija ta` vjaġġar lejn it-tramuntana u l-punent tal-Awstrija minħabba riskju ta’ valangi u silġ qalil li kien qed jolqot iż-żoni tal-muntanji.

L-Ambaxxata kellha wkoll numru ta` laqgħat mal-Konsli Onorarji li jirrappreżentaw lil Malta fir-reġjuni diversi tal-Awstrija.

L-Ambaxxata infurmat liċ-ċittadini Maltin li jgħixu fl-Awstrija, li dawk eliġibbli biex jivvutaw għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, u li se jkunu barra minn Malta jew ser jiddaħħlu l-isptar fil-25 ta’ Mejju 2019, jistgħu japplikaw għal vot bikri, billi jissottomettu dikjarazzjoni taħt ġurament fl-Ambaxxata ta' Malta fi Vjenna. Il-votanti eliġibbli ġew ukoll infurmati dwar l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tal-Air Malta għall-elezzjonijiet tal-MEPs. L-informazzjoni ġiet iċċirkolata permezz ta’ imejl u tpoġġiet ukoll fuq il-Facebook Page tal-Ambaxxata.

Fl-1 u l-24 ta’ April l-Ambaxxata kisbet il-permessi neċessarji mill-Awtoritajiet Awstrijaċi  Slovakki u Ungeriżi rispettivament biex titjira militari u oħra li ġarret lill-Prim Ministru u d- delegazzjoni tiegħu, jitħallew jgħaddu minn fuq dawn it territorji.

L-Ambaxxata għenet lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex jiġbor fondi dovuti lid-Dipartiment, wara li miet il-benefiċjarju u l-qraba tiegħu komplew jirċievu il-benefiċċji soċjali minn Malta.

Seduta  247
09/07/2019

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...