22.6.23

NIEQSA MILL-GĦAQAL

1.   Fil-politika hemm numru ta’ elementi li wieħed irid jikkunsidra meta jiġi biex jieħu d-deċiżjonijiet.  Anke jekk huma ta’ ftit importanza, imma daqshekk ieħor meta jkunu ta’ ċertu toqol.  L-iktar dawk marbuta ma’ jekk għandekx tagħti piż lil dak li taħseb li jaqbillek jew, fuq in-naħa l-oħra, id-direzzjoni li l-prinċipji jeħduk fihom.  Hemm arti fit-teħid tal-ġudizzji t-tajba.  Mhux kull politiku jkollu dan it-talent u iktar, anke jekk ikollu doża qawwija, mhux f’kull deċiżjoni jkun kapaċi jsegwi din il-linja.  Sfortunatament hemm drabi meta l-prinċipji ma jiġux segwiti wisq u l-effett immedjat ikun wieħed, però fit-tul jispiċċa kompletament il-kontra.  Tirbaħ illum biex fil-fatt titlef ferm iktar għada pitgħada.  L-istorja tal-bniedem hija mimlija b’dawn il-mumenti meta l-għaqal politiku jintrema għall-esiġenzi jew kunsiderazzjonijiet differenti.

Diġà diffiċli

2.   Id-dinja diġà għaddejja minn mumenti diffiċli ħafna.  Il-gwerra fl-Ukrajna qasmet lid-dinja f’iktar biċċiet milli kellna qabel.  L-ordni u l-pedamenti tal-istabilità li kellna qabel huma llum mibdula sew.  Taqlib immedjat li qed naraw f’pożizzjonijiet li, sa ftit snin ilu, ħadd ma kien jobsor li sejrin lejhom.  Mhux biss, imma minħabba f’dan hemm min qiegħed jitħajjar biex jiftaħ fronti u xenarji ta’ kunflitt politiku bejn stati varji, li qabel ma kellniex.  Dawk li qed imexxu b’idejn dittatorjali qegħdin isibu l-bieb miftuħ għall-istabilità u l-konsolidazzjoni tal-poter illeġittimu u anti-demokratiku tagħhom.  Fl-istess ħin, dawk li sa ftit snin ilu kienu jħossu l-pressjoni tal-komunità internazzjonali biex jagħtu lura l-poter lill-elettorat, issa qed iħossuhom iktar komdi jiddominaw.  Hemm wisq stati li kienu bdew it-triq għad-demokrazija tagħhom li qed narawhom jeħlu u jieqfu.  Wisq dittaturi qed joffru ruħhom kolonni ta’ appoġġ għal parti jew oħra f’dak li hu għaddej.  Aktar u aktar bil-kumplikazzjonijiet li l-ekonomiji rispettivi qegħdin jieħdu.

Il-Popli

3.   Filwaqt li sa ftit snin ilu kien evidenti li d-demokraziji huma garanziji akbar ta’ ħajja u tgawdeija aqwa, ta’ dawk l-elementi essenzjali sabiex iħarsu d-dinjità umana u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, illum qed imorru iktar lura.  Id-deċiżjonijiet mill-mexxejja politiċi tallum, f’dan il-kuntest m’huma faċli xejn.  Imma bħala bnedmin favur id-demokrazija għandna nibqgħu nsemmgħu l-vuċi tagħna biex dawk li qed jiġu ttantati jibdlu, dan ma jwettquhx.  U f’dan hemm sitwazzjonijiet internazzjonali ʼl bgħid minn xtutna li xorta ser ikollhom effett soċjali u ekonomiku fuqna.  U hemm ukoll dawk li huma viċin li qed jiżviluppaw u jistgħu joħorġu iktar mill-idejn li huma verament viċin tagħna.  Diġà huwa diffiċli u kkumplikat dak li qiegħed jiġri fil-Libja, fejn il-proċess lejn il-paċi nterna għadu għaddej; daqqa nħossuh viċin u daqqa narawh tant ʼil bgħid.  Imma għandna, fi gravità differenti, dak li hu preżentement għaddej fil-pajjiż l-ieħor ġar u ħabib tagħna, it-Tuneżija.  Ikun żball politiku tagħna jekk ma nagħrfux dak li hu għaddej u fl-istituzzjonijiet Ewropej ma jkollniex il-vuċi fil-kapitolu taħdem tajjeb.

Periklu ċar

4.   F’dan għandna sitwazzjoni perikolużali ilha tiġma’ biċċa biċċa.  Il-President attwali elett demokratikament, Kais Saied, miexi lejn iktar poter dittatorjali ʼl bgħid mill-ispirtu demokratiku li kien nibet sew fil-poplu.  Mhux biss b’liġijiet varji li fihom tneħħew ħafna mill-poter tal-pilastri demokratiċi, imma ċertament fil-konċentrazzjoni tal-poter f’idejh.  Iktar u iktar fil-passi li ttieħdu sabiex il-parlament tispiċċalu l-funzjoni li kien qiegħed jaħdem u jiżviluppa fihom.  Kien diġà mimli sfidi li tmexxi pajjiż b’diffikultajiet kbar biex jimxi ʼl quddiem, imma almenu kien hemm Gvern u Oppożizzjoni.  Biss, kien iktar żbaljat, għalhekk, li l-President jiddeċiedi li jarresta ʼl-membri ewlenin tal-Oppożizzjoni, fosthom lil Rached Ghannouchi, bniedem li kien Speaker u mexxej tal-Partit Islamista moderat ħafna, l-Ennahda.  Hemm miegħu għoxrin figura importanti oħra li spiċċaw ġewwa l-ħabs.  Il-poplu mhuwiex jaqbel ma’ dan u qed naraw iktar persuni jinżlu fit-toroq biex jipprotestaw.  It-Tuneżija huwa pajjiż kbir b’qalb daqshekk miftuħa u jagħraf li għandu jkollu s-sistema demokratika tiegħu.  Mhux imposta, ċertament, imma tiegħu.

Unjoni Ewropea

5.   F’dan, huwa evidenti ħafna li l-pajjiż qiegħed jikkrolla biċċa biċċa.  Id-dittatura ma ġġibx il-ġid soċjali u ekonomiku ta’ pajjiż.  Iġġib il-kontra.  Dan huwa dak li qiegħed jiġri.  Iktar Tuneżini qed jaħarbu mill-pajjiż, ifittxu futur f’pajjiżi oħra Ewropej.  Kuljum lejn l-Italja, speċjalment, qed ikun hemm sejrin serbut ta’ bnedmin jipperikolaw ħajjithom.  F’dan il-kuntest, sforz dak li l-istess Giorgia Meloni nsistiet għalih, l-Unjoni Ewropea qegħda toffri assistenza.  Taħt il-European Neighbourhood Policy and Enlargement Negotiations qed jiġu madwar 1,050 miljun ewro f’għajnuniet varji.  Hemm programmi li nbnew biex l-istat jinżamm, f’kemm jista’ jkun, stabilità.  Għajnuna li taf isservi, imma f’dan, meta ma tkunx marbuta wkoll ma’ riformi li l-istess Stati Uniti tal-Amerika ftit xhur ilu wkoll kienet insistiet għalihom, il-pożizzjoni tmur għall-agħar.  Flus li flok ser iġibu progress veru, wisq naħseb li ser ikunu l-kaġun ta’ iktar inkwiet u ostilità lejn l-Unjoni.

Drittijiet Fundamentali

6.   Fil-laqgħat li saru, u li fihom aħna ma konniex wisq preżenti, il-linja meħuda kienet dik.  Flus, għajnuna ekonomika, imma ebda kundizzjonijiet mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tad-demokrazija u tas-saltna tad-dritt.  Pożizzjoni li ġiebet xi kritika.  Wisq nibża’ li din ser tiżdied aktar.  Il-poplu mhux ser iħoss l-effett ta’ din l-għajnuna, dejjem jekk titħaddem verament, għall-ġid nazzjonali.  Ser ikun hemm min iħaxxen butu, u wisq nibża’ li xorta ser jibqa’ jkun hemm dan l-abbuż fit-traffikar tal-bnedmin.  L-immigrazzjoni irregolari mhix ser tieqaf b’daqshekk.  F’dan, il-pożizzjoni ser tkun iktar ikkumplikata u ċertament waħda li ser iġġib kritika li ser ikun diffiċli li wieħed jirrispondi għaliha.  Il-futur daqt għad jagħtina parir, imma l-indikaturi huma li dawn huma deċiżjonijiet politiċi nieqsa mill-għaqal li, f’dan iż-żmien preżenti, tant għandna bżonn tiegħu.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...