17.2.22

Tibqa’ strument għas-Sewwa.


 

1.      Tul din il-ġimgħa kellna d-diskors tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola von der Leyen.  Persuna mill-iktar intelliġenti, li l-esperjenza politika tagħha qed issa ssarraf direttament f’istituzzjoni prestiġġjuża u determinanti.  Taf id-dinja tal-poter, però taf iktar il-valuri u l-ideat li ffurmawha, dawk Demokratiċi-Nsara.  Id-Demokrazija Kristjana għadha, fortunatament realtà, u waħda li tibqa’ strument rilevanti, attwali u ċara fid-dinja tallum.

 

Diskors importanti

 

2.      Kull sena, dan huwa mument meta l-Parlament Ewropew jissejjaħ u jiġi ndirizzat.  Biss, wieħed għandu jgħid li għalkemm kien hemm diversi qabilha, dan fih kontenut uniku.  Wieħed bilanċjat, wieħed moderat, imma l-iktar, wieħed li jrid jaffronta direttament, mingħajr biża’ jew paraventi, il-problemi veri.  Is-sitwazzjonijiet kumplikati li ħarġu b’ferm iktar saħħa wara dan il-perjodu twil ta’ pandemija.

 

Inkiteb tajjeb

 

3.      Ma hemmx dubju li qieset kull kelma li qalet.  Ma kienx hemm waħda li mhix f’postha, jew li b’xi mod, żgarrat.  Appellat għall-aħjar fil-bniedem.  Ma kienx diskors tal-pinzellati li jsiru numru ta’ drabi, imma wieħed programmatiku.  Wieħed li nistgħu, u anzi aħjar, għandna naħdmu fi ħdan l-Unjoni Ewropea sabiex iseħħ.  Jixraq dan għax il-pjan li ġiebet ‘il quddiem jista’ jitwettaq.

 

Prinċipji

 

4.      Ma qagħditx lura  milli tibda, u f’kull mument opportun tfakkarna li aħna qegħdin f’għaqda speċjali.  Il-forza li ġġibna lkoll f’daqqa hija dik li titwieled mill-valuri komuni.  Il-valuri Nsara li, iddur fejn iddur, huma parti mis-soċjetà u l-kultura tagħna.  Jekk tneħħi dawn, tkun qed tneħħi r-ruħ, l-ispirtu fundamentali li jmexxi u jagħmel sens mill-istruttura sħiħa li issa, bħala membri, qegħdin ingawdu.

 

Pożizzjoni ċara

 

5.      Ġiebet, f’ħafna, lil kull persuna lura għall-ordni morali.  Fakkritna fil-bżonn li l-Unjoni Ewropea tibqa’ tkun id-difensur tad-drittijiet fundamentali.  Fil-vantaġġi tal-ekonomija mmexxija favur il-ġid tal-ħaddiema.  Ta’ ekonomija li mhix waħda kapitalista, imma waħda soċjali, il-famuża ‘social-market economy’.  Fakkritna u asseriet lura li d-drittijiet tal-bniedem mhumiex għall-bejgħ, u anzi, li rridu nifhmu iktar li m’għandniex nidħlu f’ipokrezija konvenjenti li niddikjaraw prinċipju, però nixtru minn swieq oħra prodotti li huma frott l-isfruttament tal-ħaddiem.  Kundizzjonijiet żbaljati u paga baxxa mmens.

 

Aġenzija ġdida

 

6.      Kienet ċara iktar f’dak li l-Unjoni Ewropea rnexxielha twettaq fl-aħħar snin u fiż-żmien tagħha.  Partikolarment fil-passi li ttieħdu sabiex iċ-ċittadini u r-residenti tagħna jkollhom il-vaċċin għad-dispożizzjoni tagħhom.  Kif ukoll fl-għarfien li għandna ngħaddu lil pajjiżi oħra, kif sar fil-miljuni, biex dawk li m’għandhomx mezzi jkunu jistgħu jibdew jeħduh huma wkoll.  Sar ukoll il-punt li għandna bżonn ta’ aġenzija li twieġeb għall-isfidi futuri.

 

Teknoloġija

 

7.      Għamlet ukoll il-punt li qed ingawdu minn teknoloġija avvanzata, proprju għax sar investiment b’satelliti varji li llum iservuna fit-telekomunikazzjoni varja, li tul il-pandemija wkoll servietna sew.  Mhux biss, imma fetħet il-bieb lejn iktar investiment f’dak li għandna fis-‘semi-conductors’.  Stabbiliet viżjoni, u fl-istess ħin il-bżonn li nibqgħu ‘world leaders’.

 

Vjolenza domestika

 

8.      Għażlet ukoll li tiftaħ it-triq sabiex l-Unjoni tibni, hija stess, liġi tagħna li tikkumbatti l-vjolenza domestika.  Kif għadna qed naraw, f’pajjiżna u f’barra minn xtutna, din hija problema li ma tridx titlaq minn magħna.  Kuljum, aktar u aktar minn dak li għaddejna, hawn wisq aggressività li nsibuha fis-soċjetà.  Wasal il-mument li naraw l-effett tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, u kif wieħed jista’ jassigura strumenti iktar effettivi u diretti.

 

Żgħażagħ

 

9.      Però f’dan kollu baqgħet, ċertament, l-importanza kontinwa tagħha lejn din il-ġenerazzjoni.  Tifħir, u fl-istess ħin messaġġ ta’ tama.  Hemm kapaċità li titlob iktar attenzjoni.  Hemm il-bżonn li ma nitilfux żgħażagħ mis-soċjetà fil-kategorija tan-NEET (Not in Employment, Education or Training) u għalhekk ħabbret iktar miżuri li jsaħħu l-programm ERASMUS.  Imma f’dan ġiebet iktar attenzjoni bid-dikjarazzjoni li s-sena li ġejja ser tkun waħda dedikata għaż-żgħażagħ.

 

Jimmerita attenzjoni

 

10.    Hemm ferm punti li tqajmu u li ġew irrappurtati, imma dan huwa diskors programmatiku li jimmerita attenzjoni.  Wieħed li juri li l-Unjoni Ewropea għadha rilevanti, attenta u protagonista.  Waħda li għandha, fi ħdanha, bnedmin intelliġenti, li għandhom il-valuri f’posthom, u għalhekk kapaċi jkunu strumenti ta’ bidla għas-sewwa.

 

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...