17.2.22

Il-Ġustizzja Soċjali hija neċessarja.

 

1.      Id-diska tal-Gvern inbidlet u nqalbet f’din il-ġimgħa.  M’għadniex nisimgħu kemm kollox huwa sejjer tajjeb u perfett, imma beda jitbexxaq il-bieb biex toħroġ il-verità.  Hemm realtà li f’dawn l-aħħar snin inħarbet, li issa ġejja lura bis-saħħa li jixirqilha.  Politika tajba ssir jekk tirrispetta l-verità u l-fatti, u ma taħrabhomx.  Miżuri tajba li jittieħdu jekk, iktar minn dan, jirrispettaw l-intelliġenza tal-poplu l-ewwel, u t-tieni jekk jittieħdu miżuri li huma konformi mal-ġustizzja soċjali.  Ġustizzja li qabel tidher li qed issir, trid fil-fatt tkun qegħda ssir, inkella jkun hemm apparenza ta’ ġustizzja soċjali.

 

Prova tal-falliment?

 

2.      Forsi iktar minn hekk, ħareġ iktar dak li huwa l-falliment tal-Gvern li jaġġorna l-istat soċjali għall-esiġenzi tallum.  Punt li ilna nsostnu.  Għax il-proċeduri passati, dawk li kienu jagħmlu sens għall-bżonn tas-soċjetà ta’ qabel, illum għandhom jiġu aġġornati.  Għandna iktar bnedmin li jinsabu fi stat ekonomiku u soċjali ħażin. Għandna faqar ġdid u differenti li jrid risposti sostenibbli, imma kostanti.  Sija minħabba l-pandemija, sija minħabba l-Brexit.  Però, l-iktar minħabba l-korruzzjoni li ġibitna fil-greylisting.  Mhuwiex biżżejjed li wieħed joħroġ ħlas ta’ darba u jieqaf hemm.  Hemm bżonn analiżi aktar fil-fond sabiex l-istat soċjali jwieġeb għar-realtà tallum.

 

Għoli tal-ħajja

 

3.      Huwa l-pajjiż, il-poplu kollu li qiegħed jagħraf li l-ħajja għoliet, u ser tibqa’ togħla.  Ħadd, ċertament, ma jista’ jiċħad dan u hemm tbatija li ħierġa jum wara jum.  Waħda li ħafna, fid-dinjità silenzjuża tagħhom, għaddejjin minnha.  Ħafna li ma jitkellmux u jridu jgħattu li qed jixtru inqas, jieklu differenti u ma jlaħħqux ma’ dak li kienu.  Mingħajr ma rridu, qed nibdew naħsbu li wasalna mal-bidu tas-seba’ snin ta’ għaks.  Wara li għamilna snin fejn mill-ġid nazzjonali, flok kien hemm tqassim aħjar u ġust kien hemm diversi li ħaxxnu bwiethom.  Sfortunatament dik hija s-sitwazzjoni, u huwa għalhekk li l-Gvern preżenti, immexxi kif inhu, ma jistax ħlief jagħmel pagamenti ta’ darba.

 

Temperatura differenti

 

4.      Hawn min qiegħed jara dan iktar fix-xenarju fejn it-temperatura politika bdiet tielgħa.  Evidenti ħafna b’dak li għaddej.  Hemm vuċijiet ta’ rabja li mhumiex isibu fatturi li jikkalmawhom, li wieħed irid ikun attent għalihom.  Kurrenti soċjali li, bħall-vulkani, m’għandniex kontroll tagħhom.  Jieħdu meta ma nistennewx, u mhuwiex biżżejjed li jinxteħet l-ilma fuqhom darba.  Iktar u iktar meta dawk li ħadu baqgħu jieħdu, u mhux ħadu sehem darba.  Il-pajjiż qiegħed imiss pożizzjonijiet li f’ras il-poplu ma jarax wisq sens, salv li huwa tqiegħed fil-ġenb.  Flok ingħata każ, ingħataw każ ftit persuni.

 

70 miljun

 

5.      Dan huwa l-isfond li fih wieħed irid iħares u jqis l-għotja ex gratia tal-Gvern tul din il-ġimgħa.  Mingħajr ma wieħed irid, jiftakar f’dak li l-Imperaturi Rumani kienu jagħmlu minn żmien għal żmien.  Imma aħna m’aħniex fil-perjodu imperjali, imma taħt sistema demokratika li titlob kont u trasparenza.  Biex inħarġu dawn il-flus, hemm ammissjoni ċara li l-pożizzjoni soċjo-ekonomika hija ħażina.  Biss, iktar gravi hemm l-għarfien tal-fatt li dak li qed iseħħ m’hemmx biex wieħed iwieġeb għalih.  Jista’ jkun hemm min jidħol għaliha u jaċċetta li hemm “rigal” li qed jingħatalu, imma l-pożizzjoni hija differenti.

 

Ammissjoni ċara

 

6.      Hemm iktar f’dan, l-ammissjoni li l-istat tal-affarijiet m’humiex wisq tajjeb.  Iktar u iktar meta dan ir-rigal qiegħed jingħata lil kategoriji differenti tal-klassijiet soċjali.  U dan jindika li mhix miżura biex iċċaqlaq l-ekonomija u fir-retorika li ilna nisimgħu, imma biex ittaffi temporanjament għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja.  Dan ser jaggrava u jiftaħ l-ispazju biex jiġi ffissat appuntament elettorali meta huwa mistenni li parti mis-soċjetà tirċievi dawn il-ħlasijiet.  Pass li jimmina iktar il-proċess demokratiku fis-sens li miżuri bħal dawn iridu jkunu ppjanati sew, u mhux magħmula fi spirtu relattiv.

 

Hemm kriżi

 

7.      F’dan huwa iktar ċar li hemm kriżi għaddejja fil-Gvern li qiegħed iżomm lilu nnifsu milli jaqa’.  Hemm diffikultajiet varji li qed joħorġu li minn din il-miżura waħedha juru li mhuwiex magħqud u kapaċi jsolvi sew.  Hemm kurrenti interni varji li qed iġibu iktar instabilitajiet.  Iktar persuni qegħdin jagħrfu dan, anki jekk mhumiex neċessarjament konvinti minn dak li aħna, bħala Oppożizzjoni, qed noffru.  Iktar qed jifhmu li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar hemm bżonn bidla biex verament l-affarijiet jibdew proċess lura lejn in-normalità.  Il-Gvern qiegħed fl-inabilità li jsalva s-sitwazzjoni li, f’ħafna parti, ġieb huwa stess, u jista’ jġedded il-ħajja tiegħu b’dawn it-tip ta’ miżuri.

 

Il-bidla neċessarja

 

8.      Nistgħu għandna d-diffikultajiet umani tagħna, jista’ jkollna wkoll żvantaġġi oħra, imma l-bidla għandha ċerta vantaġġi.  L-ewwel: wieħed jistabbilixxi x’verament huwa l-istat tal-ekonomija tal-pajjiż.  It-tieni: li jieqaf iċ-ċirku ta’ korruzzjoni li daħal kullimkien.  It-tielet: li wieħed ikun jista’ jagħti saħħa u l-arja lill-istituzzjonijiet demokratiċi biex jaħdmu.  Ir-raba’: sabiex ikun hawn lura ordni u ġustizzja fil-pajjiż.  Il-ħames, u l-iktar importanti: sabiex il-ġustizzja soċjali tidħol lura u twieġeb għad-diffikultajiet ta’ dawk li huma l-iktar ‘l-isfel fis-soċjetà tagħna.  Is-sitta: sabiex ma jkunx hemm iktar Gvern li għandu l-linja ta’ amministratur, imma ta’ dak ta’ riformatur.

 

Ir-raġuni ma tridx forza

 

9.      F’dan, għandna nibqgħu s-segwaċi tal-politika t-tajba – dik li tħares li titwettaq bir-raġuni.  Ma hemmx lok għall-estremiżmi jew diskors żejjed, jew li jistiga lejn aġir żbaljat.  Kull persuna jibqa’ li hu fid-dinjità sħiħa tiegħu, u huwa parti mill-proċess demokratiku li jitlob li jiġi rispettat.  Imma f’dan, l-intelliġenza tagħna m’għandhiex tiġi nsulentata.  Il-pajjiż jinsab fi stat diffiċli, u s-soluzzjoni trid tkun fit-tul u li tgħin verament lill-poplu, li għandu bżonn qawwi.  Ċertament politika li temmen u twettaq verament il-ġustizzja soċjali, u mhux l-apparenza tagħha.

  

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...