19.4.22

Nibdew fil-ġdid u ma nkomplux fl-antik.


 

1.    F’dan il-Ħadd tal-Għid il-Kbir.  F’dan il-Ħadd mill-isbaħ għalina.  F’dan il-jum li huwa diġà speċjali fih innifsu, u iktar minn hekk, f’din is-sena huwa dak ta’ bidu ġdid.  Huwa l-Jum tal-istedina biex inħarsu ‘l quddiem.  Stedina biex naqbdu toroq għal ħajjitna.  Stedina biex wara dak kollu li għaddejna minnu, inkunu attenti f’dak li ser nagħżlu.  Attendi għal dak li ser naqbdu għall-jiem ta’ għada.  Stedina biex nitilqu u nkomplu bħal qabel, jew biex nibdew verament mill-ġdid.  Hemm differrenza fl-għażliet, li nittama li huma ċari għalina.

 

Fil-Knisja

 

2.    F’dan iż-żmien, f’dan is-seklu, hemm ħafna sfidi għall-Knisja Kattolika.  Mhux tagħha waħedha, imma tagħna magħha li għadna, bħala bnedmin, bħala persuni umani, mimlija bid-dinjità li twelidna biha, naffrontaw. Aħna parti mis-soċjetà, mill-Istat, imma għal bnedmin bħalna, ukoll parti mill-Knisja.  F’dan il-Jum, hemm ukoll l-opportunità u l-għażliet quddiemna.  Dawk li nħarsu li nkunu lura f’dak li konna qabel bdejna fil-pandemija.  Dawk li fihom naħarbu d-diffikultajiet u l-isfidi li kellna biex nikkuntentaw ruħna f’dak li kellna.  Biex ma ninqabdux fil-ħsieb li ma nibdlux għax ma nistgħux, jew ma rridux.

 

Metodu

 

3.    “Għax dejjem sar hekk”, ħafna drabi jingħadli.  Tul ħajti kollha missejt magħha.  Fit-triq, il-bniedem jibża’ jibdel.  Jibża’ jqiegħed saqajh fejn mhuwiex ċert, u jippreferi jimxi fejn imxew ta’ qablu.  Dan nifhmu, imma hemm, fil-passi tal-ħajja, diversi opportunitajiet li jitwieldu minn sfidi biex wieħed jimxi lejn distanzi ġodda.  Jimxi f’iqsar żmien; jimxi b’iktar intelliġenza; jasal aħjar u jittimbra metodu ġdid.  Hemm bżonn għarfien ta’ dak li ninsabu fih u kif il-proċess ta’ diskussjoni u t-tixrid tal-aħbar it-tajba jaslu.  Kif wieħed iġib lura għar-rilevanza, f’soċjetà li hija distakkata, iktar il-bżonn li kull persuna tippreserva lilha nfisha.

 

Passat?

 

4.    Is-sabiħ tal-messaġġ Nisrani huwa li jibqa’ rilevanti dejjem, ikun xi jkun iż-żmien, u jkun xi jkun il-mument tal-ħajja tal-bniedem.  Mhux biss għax huwa dak li jibqa’ ħaj u ma jispiċċax.  Anzi aħjar, kif qrajt: “È vecchio come il Vangelo, e come il Vangelo nuovo”.  B’din l-ispjega: “Vecchio, perché ha origine da un messaggio che conta più di venti secoli di storia, e inoltre perché si manifesta chiaramente nella vita dei primi cristiani.  È nuovo perché il Vangelo non invecchia; in realtà, è la vera Novità della storia.”  Fuq din il-bażi, fuq din il-verità assoluta, il-bniedem għandu l-vantaġġ ta’ boxxla għal fejn u kif għandu jimxi.  Biha jikseb id-direzzjoni u l-għarfien li qiegħed jaħdem għas-sewwa u jista’, b’kunfidenza, jibdel.

 

Ħajja

 

5.    Fl-analiżi interessanti u tmexxik taħseb, ta’ Armando Matteo fuq, jgħaddi din l-osservazzjoni: “È stato, quello, il tempo della cristianità; tempo in cui niente era più evidente al mondo del fatto che proprio la religione Cristiana era fonte di luce, di verità, di consolazione e di incoraggiamento per gli adulti e per le adulte.”  L-istorja għandha dan għalina, imma dak li kien ma jfissirx li mhuwiex ikompli jkun.  Il-messaġġ Nisrani li nieħdu ispirazzjoni minnu huwa, u jibqa’ għalina dawl, verità, konsolazzjoni, sostenn fil-mumenti diffiċli.  Kemm aħna preparati nimxu fuq dan?  Kemm aħna lesti ninbidlu?  Kemm aħna lesti li naħdmu u nħaddmu aħjar lilna nfusna huwa f’idejna.

 

Futur

 

6.    Għax kif nafu, il-bniedem li jimxi fid-dinja minnha jitbaskat, biex jifhem aħjar dak li jgħix, u kif.  Proprju f’dan il-mument partikolari, li huwa f’dan l-isbaħ Jum tas-sena, għandu anzi l-għażla li jista’ jieqaf, jara u jirrifletti.  Jirrifletti dwar dak li kien iwettaq, kif kien iqatta’ l-ġurnata, x’kienu l-prijoritajiet tiegħu, u jistaqsi jekk iridx jibdel.  Jistaqsi, wara, jekk iridx jibqa’ bħal ma kien, jew ifittex li jkun aħjar milli kien.  Għażla, ċertament, li l-ħajja tagħtik f’idejk.  Għażla li hija f’idejna lkoll.  Fil-Knisja Kattolika, kif ukoll fis-soċjetà li aħna ngħixu fiha.  Din hi s-sejħa għall-bnedmin ta’ rieda tajba: dawk li jikkunsidraw u jfittxu li jżommu kelmithom fis-sewwa.

 

Inħarsu ‘l quddiem

 

7.    F’dan, inħajjar lilkom li ma nkunux lura għal dak li konna, imma li nkunu aħjar.  Mhux nimxu fejn konna, imma nilqgħu l-isfida sabiex niftħu paġna ġdida fil-komunità tagħna.  Waħda bażata aktar fuq il-valuri Nsara, li ma nibżgħux, jew ma nistħux niddikjaraw.  Waħda li tħares b’kuraġġ, determinazzjoni u perseveranza għas-sewwa f’kull aspett tal-ħajja.  Waħda li tagħmel minna bnedmin aħjar.  Waħda li timmarkana f’dak li għandna dmir li nwettqu lejn l-oħrajn.  Soċjetà iktar ġusta, iktar ħanina u li tħares ‘il-bniedem fid-dinjità sħiħa tiegħu.

 

Fl-Irxoxt

 

8.    Inħares, f’dan il-Ħadd mill-isbaħ, waqt li jgħaddi minn quddiemna l-Irxoxt, li nipprova sabiex inkun strument ta’ bidla għas-sewwa.  Nittama li s-soċjetà tagħna tagħraf iktar l-għażliet sabiex taqbad it-triq tal-bidla t-tajba, u mhux dik li tkompli dak li kienet qabel.  F’dan il-Ħadd, li fih demmna jiċċirkola b’veloċità aqwa bil-ferħ, minn qalbi nawgura Jum li tistgħu tgawduh f’dak li hu, u fuq kollox, lilkom ilkoll l-Għid il-Kbir it-Tajjeb.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...