19.4.22

Il-valur ta’ dak li aħna u għandna.

 

1.   Ħafna drabi ma nistmawx biżżejjed dak li għandna.  Dak li għaddewlna ta’ qabilna.  Dak li ngawdu, naħsbu li ħadd ma ħadem għalih qabilna, u huwa dritt tagħna.  Kuljum ngħixu f’vantaġġi li għandna dmir li nippreservaw u nħarsu.  Valuri li rridu nsiru lura konxji tagħhom biex napprezzawhom.  Is-soċjetà, fid-dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi tagħna, huma li huma għax batew ta’ qabilna.  Għaddew mit-tbatija li li kienu  kkunsidrati inqas minn oħrajn.  Għaddew mill-kalvarju ta’ kunflitt mondjali li ġieb miegħu miżerja u distruzzjoni.

 

Il-valur tal-libertà

 

2.   Wara dak kollu, il-bnedmin li llum għandna nfakkru u nkomplu nagħtuhom ġieħ bnew soċjetà demokratika.  Bnew Stat indipendenti b’Kostituzzjoni tagħna.  Bnew Stat Soċjali mimli b’attenzjoni għal dawk li kienu l-iktar l-isfel fis-soċjetà tagħna.  Ħadmu sabiex bil-linja partikolari tagħhom, u bl-ideoloġiji politiċi tagħhom, jilleġislaw u jiggvernaw.  Però, f’dan kollu kienu dejjem mexxejja politiċi li jafu li qed jaħdmu fi ħdan id-demokrazija.  Uħud kienu jagħtu valur ferm iktar.  Uħud kienu lesti li jilagħbu ma’ ideat li jfakkruna fid-dittatorjati.  Il-Kult tal-Personalità, l-aġir iebes mal-oħrajn, it-tnaqqis tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

 

Il-Partiti politiċi

 

3.   F’dan però, bit-tajjeb u dak inqas tagħhom, ilkoll għarfu li qegħdin fejn qegħdin mhux għax tajbin ħafna huma, imma għax huma f’partit politiku.  Kellhom, u għadna naraw ħafna li l-inċens iħobbu jużawh ma’ min għandu r-responsabbiltà tal-poter.  U dan għall-gwadan jew biex jindiehsu magħhom. F’mument jew ieħor, il-poter jaħkem fuqhom.  Jintilfu jimmaġinaw li warajhom ser jispiċċa kollox, jew li bħalhom ma kienx hemm u ma jistax ikun hemm.  Biss, ikun xi jkun fil-ħajja politika tagħhom, ikollhom jagħrfu li huma parti minn partit.  Li huma jirrappreżentaw bnedmin iffurmati u magħquda f’partit politiku.  Meta l-mexxejja politiċi jinqatgħu minn din ir-realtà jidħlu, u jdaħħlu lill-oħrajn, fil-ħajt.

 

Id-demokrazija hija valur

 

4.   Dik hija l-istorja li tirrepeti ruħha kontinwament.  Meta l-poter jitla’ ‘l fuq wisq li jgħammex, iseħħu t-traġedji.  Dak li qed naraw, u li rajna tul l-aħħar mitt sena ta’ storja, huma xhieda għalina.  Dak li seħħ fil-Ġermanja ta’ Hitler u l-Italja ta’ Mussolini jfakkruna f’dak li qiegħed iseħħ fil-Federazzjoni Russa.  Huwa ċar kristall li l-aggressjoni li Vladimir Putin iddeċieda li jibda għandha ħafna tixbiħ ma’ ak li seħħ bi traġedji kbar.  Ma hemm ebda raġuni taħt il-kappa tax-xemx li, b’xi mod, tiġġustifika dan l-aġir żbaljat.  Avvanzajna ferm iktar fid-dinja, u r-relazzjonjiet bejn l-istati sovrani li għandhom il-liġijiet tagħhom għandhom jiġu rispettati.  M’hemmx kliem sabiex wieħed jikkundana dawn l-azzjonijiet.  Il-konsegwenzi huma għal-lum u għal għada.  Qed tinżera’ żerriegħa tas-sikrana, li għandha s-snin biex titneħħa.

 

Velenuż

 

5.   L-arja hija tossika għall-aħħar.  L-effetti ta’ dan kollu ser ikunu qawwija.  Meta pajjiżi jinqatgħu minn xulxin ma jkunx hemm progress, imma rigress.  Meta d-demokraziji jmorru lura, magħhom tmur lura wkoll il-ħajja soċjali u l-ekonomija.  L-attakki bir-risposta ta’ sanzjonijiet li qed jinħarġu, li ċertament iridu jsiru, ser ikollhom effetti varji.  L-iktar ukoll, żieda ferm ikbar milli qed naħsbu fl-għoli tal-ħajja għal ħafna.  Ir-reazzjonijiet fid-dinja libera u demokratika lejn id-dittatorjati bħal dawn huma neċessità.  Hemm valuri li ma nistgħux inċedu, għax magħhom inkunu qegħdin narmu l-ħajja tagħna.  L-Ukrajna qed tiġi attakkata u distrutta inutilment.  Dak li qegħda tbati hi qed inħossuh aħna wkoll.

 

Strateġija

 

6.   Il-linja strateġika tal-Federazzjoni Russa hija minnha nfisha, f’dan, żbaljata.  Jekk fil-passat kien hemm imperu u dominazzjoni Sovjetika u llum ma hemmx, daqshekk, ma tistax tieħu l-arloġġ lura.  Jekk kien hemm min ħassu li ġie mċekken meta dawn iż-żewġ mumenti spiċċaw, ma ġġibhomx lura hekk.  Għax il-potenza jew le ta’ pajjiż, meta titkejjel bis-saħħa militari tagħha twassal għal dawn l-inġustizzji.  Meta wieħed jafda fl-azzarini minflok fin-negozjar, iħassar dak li jibni.  B’dak li seħħ, ftit huma dawk li ser jilludu ruħhom u jafdaw.  Fl-Unjoni Ewropea, ċertament ferm iktar minn ħaddieħor.  Mhux biss, imma dak li qiegħed jiżviluppa ser iġib lill-Membri Stati iktar viċin ta’ xulxin.  Ħadd fid-dinja libera u demokratika ma jista’ jippermetti lilu nnifsu li jkun il-bgħid mill-għaqda interna.

 

Jitwebblu

 

7.   Hemm iktar, f’dan ukoll, il-bżonn ta’ risposta, għax ħaddieħor jista’ jwebbel rasu.  Jieħu l-eżempju ħażin sabiex jaġixxi bl-istess mod u manjiera.  Nafu b’ħafna kwistjonijiet fejn pajjiżi ikbar minn oħra jivvindikaw drittijiet, jew pożizzjonijiet varji li b’dan jirrikorru huma wkoll għall-vjolenza tal-gwerra.  Hemm mexxejja li jaħsbu li huma xi forma ta’ dixxendenti tal-Imperaturi Rumani.  Li jaħsbu li ser jibqgħu jgħixu għal dejjem, u l-iktar importanti huwa li jħallu isem fil-memorja tad-dinja.  Iħallu marka f’dak li huwa temporanju u m’huwiex għall-eternità.  Bil-ħsara, bl-aġir żbaljat, kif nafu lkoll ma jikber xejn.  Anzi, jkun hemm biss imrar.

 

Xewwaq

 

8.   Id-demokrazija, għalina mhix sempliċement l-aħjar sistema, imma hija valur.  Waħda li għandna nsaħħu u nsostnu kontinwament.  M’għandniex, bħala persuni fil-politika, naġixxu biex inkabbru ideat li jmorru dijamentrikament il-kontra.  Kull mexxej politiku fl-Ewropa u fid-Dinja għandu jagħraf li hu parti minn sistema demokratika.  Huwa rappreżentant tal-poplu li warajh għandu partit politiku.  M’għandux ikollna iktar sitwazzjonijiet fejn naqgħu sabiex nippermettu li nsiru oġġetti ta’ qima, idoli foloz.  Wieħed jivvota għall-partit immexxi minn mexxej, mhux sempliċement għalih.  Ħadd m’għandu jinsa li, hu fejn hu, għax l-elettorat kif ivvutalu jista’ ma jerġax jagħtih il-kunsens.

 

Partiti politiċi

 

9.   Pajjiżna jrid jagħraf joqgħod attent minn dak li qiegħed iseħħ.  Aħna wkoll ser nintmixxu iktar ‘il quddiem.  Hemm bżonn dożi qawwija ta’ għaqal politiku.  Hemm bżonn li ma nkomplux narmu l-kultura politika, u l-esperjenza li tiġi maż-żmien fuq kull persuna.  Il-ħeġġa, l-entużjażmu huma elementi fi ħdan kull min iservi.  Però, dawn iridu wkoll attenzjoni lejn dak li għaddej u jaħsbu, iktar minn darba, kif ser jitkellmu jew jirreaġixxu.  Issa sejrin lejn elezzjoni ġenerali, u sas-26 ta’ Marzu ser inkunu moħħna fiha.  Però, wara, hemm xenarju xejn sabiħ.  Min ser jiġi fdat bil-piż tar-responsabbiltà għandu jagħraf li s-soċjetà ser tgħaddi minn sfidi xejn faċli.  Proprju għalhekk li rridu naħdmu biex nipproteġu l-Valur ta’ dak li aħna u dak li għandna.

 

 

 

 

   

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...