4.2.20

AMBAXXATA TA’ MALTA FIL-ĠERMANJA - ĦIDMA




12418. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret tul is-sena li għaddiet mill-Ambaxxata ta’ Malta ġewwa Berlin il-Ġermanja?

17/01/2020

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninsab infurmat li l’ħidma saret tul is-sena li għaddiet mill-Ambaxxata ta’ Malta ġewwa Berlin il-Ġermanja hija kif gej:





Ħidma Politika

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena li għaddiet (2019), l-Ambaxxata Maltija f’Berlin inizjat u/jew ikkordinat numru ta’ żjarat u laqgħat fil-Ġermanja li kienu jinvolvu Ministri u Segretarju Parlamentari, kif ukoll żjaratf’Malta, fosthom minn Ministru tal-Gvern Ġermaniz u minn deputat mill-Bundestag.

Għall-ewwel darba, Malta kienet rappreżentata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin fil-Konferenza dwar is-Sigurta’ li ssir kull sena fi Frar fil-belt ta’ Munich, il-“Munich Security Conference”. L-Ambaxxata ħadet ħsieb li l-Ministru Carmelo Abela jiġi mistieden u ħejjiet il-parteċipazzjoni tiegħu f’diversi sessjonijiet li saru matul il-Konferenza fejn huwa għamel numru ta’ interventi. Il-Ministru kellu wkoll taħdidiet uffiċjali mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Armenja, li miegħu iffirma Memorandum ta’ Ftehim, filwaqt li laqgħat bilaterali oħrajn saru mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Oman u tas-Sudan. Matul il-konferenza (15-17.2.2019) il-Ministru kellu wkoll numru ta’ laqgħat ma’ Ministri u rappreżentanti għoljin mill-Ġermanja u minn pajjiżi ohra. L-Ambaxxatur akkompanja lill-Ministru waqt il-programm u l-laqgħat.


Iktar tard matul is-sena l-Ambaxxata żammet kuntatt mal-organizzaturi tal-Munich Security Conference sabiex taċċerta li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Malti jkun rappreżentat għall-darb’oħra fil-Munich Security Conference 2020 li se ssir mill-14 sas 16 ta’ Frar 2020. F’Diċembru, l-Ambaxxata kienet irrappreżentata f’laqgħa preparatorja li saret fi Munich organizzata għall-rappreżentanti tal-Ambaxxati li l-membri tal-gvernijiet tagħhom ġew mistiedna għall-konferenza. Fil-fatt il-preparamenti bħalissa huma għaddejjin ġmielhom għall-parteċipazzjoni tal-Hon. Evarist Bartolo, Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, f’din il-konferenza.

Fl-okkażjoni tal-Fiera tat-Turiżmu ITB li ssir kull sena f’Marzu f’Berlin, l-ikbar waħda tal-ġeneru tagħha fid-dinja u li fiha Malta tieħu sehem permezz ta’ “stand” u delegazzjonijiet mill-MTA, l-Air Malta, l-MIA u numru konsiderevoli ta’ rappreżentanti minn ditti privati, l-Ambaxxata organizzat – f’isem l-MTA – riċeviment għal madwar 100 ruħ mis-settur turistiku u tal-ivvjaġġar, ġurnalisti u rappreżentanti minn assoċjazzjonijiet u ditti involuti fis-settur. L-istedina għal dan ir-riċeviment ħarġet, mill-Ambaxxatur u miċ-Chairman tal-MTA, li ndirizzaw lill-mistednin fil-bidu tar-riċeviment. It-turiżmu mill-Ġermanja lejn Malta żdied kull sena matul dawn l-aħħar snin. Apparti mill-ITB, l-Ambaxxata tagħti s-sostenn tagħha billi regolarment torganizza attivitajiet li juru l-attrazzjonijiet ta’ Malta u Għawdex, eż. l-“Europa Lounge” f’Berlin (ara isfel fis-sezzjoni “Promozzjoni ta’ Malta”). Is-sena l-oħra bdew wkoll l-ewwel preparamenti inizjali għar-riċeviment annwali fl-okkażjoni tal-ITB Berlin 2020 li se tiġi mtellgħa mill-Ambaxxata f’isem l-MTA, f’Marzu 2020.


Fiera oħra importanti li ssir kull sena ġewwa Berlin f’Jannar hija l-‘Green Week’. Barra l-esibizzjoni ta’ prodotti agrikoli, matul il-Fiera jiġu organizzati numru ta’ seminars u laqgħat kif ukoll konferenza li fiha jieħdu sehem Ministri tal-Agrikoltura minn madwar id-dinja. L-Ambaxxata ħadet ħsieb it-tħejjijiet li saru għall-parteċipazzjoni tas-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri u għenet matul iż-żjara tiegħu f’Berlin. Ix-Charge d’Affairs a.i. fl-Ambaxxata, Sephora Gauci, akkompanjat lis-Segretarju Parlamentari.


F’April, il-Ministru Joe Mizzi ħa sehem fil-konferenza Energy Transition Dialogue: New Horizons li saret fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż f’Berlin. L-Ambaxxata ikkordinat iż-żjara tal-Ministru filwaqt li l-Ambaxxatur akkompanjah fit-taħdidiet li huwa kellu mas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru Federali għall-Ekonomija u l-Enerġija, Thomas Bareiss.


L-Ambaxxata origanizzat iż-żjara f’Malta tad-deputat tal-Bundestag Dr. Christoph Ploss (CDU), li huwa r-‘rapporteur’ dwar Malta fil-Kumitat tal-Bundestag għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea u membru fil-Kumitat tal-Bundestag għat-Trasport u l-Infrastruttura Diġitali. L-Ambaxxatur iltaqa’ ma’ Dr. Ploss darbtejn qabel dan ġie Malta. Waqt li kien Malta, Dr. Ploss iltaqa’, fost l-oħrajn, mal-Ministru l-Professur Edward Scicluna, mas-Segretarju Parlamentari Dr. Aaron Farrugia, ma’ rappreżentanti mill-MFTP, mal-Professur Stephen Calleja u Dr. Monika Wohlfeld mill-MEDAC.


Fit-18 ta’ Jannar l-Ambaxxatur kellu laqgħa twila mal-membri tal-Bundestag li jiffurmaw parti mill-grupp ‘Seenotrettung’ (Sea Rescue) dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati u tal-migranti fil-Mediterran. F’dan il-grupp hemm rappreżentati l-partiti kollha fil-Bundestag barra l-partit AfD. Il-grupp huwa mmexxi mid-deputat president (deputy speaker) tal-Bundestag, Claudia Roth. Matul il-laqgħa ġiet diskussa l-possibilta’ li s-Sinjura Roth u l-membri tal-grupp jiġu Malta biex jaraw b’għajnejhom is-sitwazzjoni diffiċli li tinsab fiha Malta u biex jaraw kif Malta tista’ tigi mgħejuna.


Kull darba li l-AFM kienu involuti f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ ta’ refuġjati jew migranti, l-Ambaxxata bgħatet l-informazzjoni rispettiva lill-media, lill-Uffiċċju tal-President Ġermaniz, lill-Uffiċċju tal-Kanċillier, lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u diversi għaqdiet u persuni li jikkuntattjaw l-Ambaxxata dwar dan is-suġġett. Dan biex nagħmluha ċara li, f’dan il-qasam, kontra dak li kultant jiġi rrappurtat, Malta mhux biss dejjem wettqet l-obbligi tagħha iżda wkoll marret oltre. Dan il-punt jiġi kkomunikat ta’ spiss fil-laqgħat u l-kuntatti li l-istaff diplomatiku tal-Ambaxxata jkollu mal-uffiċjali Ġermaniżi u dawk minn ambaxxati oħra ġewwa Berlin. B’riżultat tal-inizjattivi tal-Ambaxxata, il-midja Ġermaniża diversi drabi tat prominenza lix-xogħol tal-AFM. L-Ambaxxata osservat u rrappurtat b’reqqa u ta’ spiss dwar id-diskussjoni dwar il-politika tal-migrazzjoni fil-Ġermanja kif wkoll dwar x’kien qed jingħad fil-midja Ġermaniża dwar il-migrazzjoni fil-Mediterran. L-Ambaxxata bagħtet wkoll stedina mingħand l-Onor. Dr Michael Farrugia lill-E.T. Horst Seehofer, il-Ministru tal-Intern tal-Ġermanja sabiex jattendi l-Laqgħa Ministerjali dwar il-Migrazzjoni li saret f’Malta f’Settembru 2019.

Kull sena ir-reġjun ta’ Ahrweiler, viċin ta’ Bonn, jorganizza programm kbir ta’ attivitajiet mifrux fuq diversi gimgħat imsejjaħ “Ahrweiler Freiheitswochen” (Il-Ġimghat tal-Liberta ta’ Ahrweiler). Is-suġġett din id-darba kien il-Futur tal-Ewropa. Il-programm ta’ din is-sena sar taħt il-patruċinju tal-Ambaxxatur Malti fil-Ġermanja li fetaħ il-programm uffiċjalment waqt ċerimonja fl-14 ta’ Marzu fil-belt ta’ Remagen. B’hekk Malta ingħatat pubbliċita’ bi prominenza fil-media. L-Ambaxxatur kien mistieden iżur ir-reġjun fejn ta tlett taħdidiet, wieġeb domandi u kellu laqgħat ma’ diversi persuni distinti li kienu preżenti għad-diskorsi tiegħu, fosthom deputati mill-parlament tal-istat federali ta’ Rheinland-Pfalz (Rhineland Palatinate – belt kapitali Mainz) u s-Sinjura Barbara Genscher, l-armla tal-ex Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż, Hans-Dietrich Genscher. Huwa kellu wkoll laqgħa ma’ grupp kbir ta’ studenti minn tlett kulleġġi fir-reġjun li magħhom iddiskuta r-rwol ta’ Malta fl-Ewropa, l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ, kif ukoll l-qagħda soċjali fil-pajjiż. Dwar din il-laqgħa kien hemm rapporti estensivi fil-media.

L-Ambaxxatur kien involut f’taħdidiet li bdew fl-2018 u issoktaw fl-ewwel xhur ta’ din is-sena ma’ rappreżentanti mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja kif ukoll ma’ persuni mis-settur akkademiku sabiex il-Gvern Ġermaniz ikompli jiffinanzja il-katedra Ġermaniża fil-MEDAC (“German Chair in Peace Studies and Conflict Prevention”). Wara diversi sinjali li dan kien ser iseħħ, f’April waslet il-konferma uffiċjali li l-Ġermanja ser tkompli tiffinanzja din il-katedra għal sentejn oħra. Iktar kmieni din is-sena, fid-9 ta’ Jannar 2020, l-Ambaxxatur Ġermaniż għal Malta Walter Haßmann, f'isem l-Uffiċċju Federali għall-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja u l-Professur Godfrey Pirotta, President tal-MEDAC, iffirmaw ftehim ta’ estensjoni fil-preżenza ta' l-Onor. Carmelo Abela, Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ. Dan il-ftehim se jara t-tkomplija tal-katedra Ġermaniża għall-Istudji għall-Paċi u l-Prevenzjoni tal-Kunflitti fil-MEDAC, li jikkonferma l-interess tal-Ġermanja fir-Reġjun tal-Mediterran.

Matul April saru preparamenti għaż-żjara f’Malta tal-Ministru Ġermaniż Hubertus Heil, il-Ministru fil-Gvern Federali għall-Impjiegi u Affarijiet Soċjali, li seħħet f’Mejju. F’Malta, il-Ministru Heil kellu taħdidiet uffiċjali u żar kumpaniji Ġermaniżi li joperaw f’Malta.

Saru wkoll il-preparamenti għall-parteċipazzjoni tal-Ministru Carmelo Abela flimkien mal-Ambaxxatriċi Prof. Simone Borg fil-Climate & Security Conference f’Berlin. Fil-fatt, il-konferenza saret f’Ġunju u fiha hadu sehem il-Ministru u l-Ambaxxatriċi. Il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’din il-konferenza seħħet wara li l-Ambaxxata ħadet ħsieb takkwista stedina ufficjali.

L-Ambaxxata għenet ukoll fit-tħejjija għall-parteċipazzjoni tal-Prim Ministru Dr Joseph Muscat fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Karlu Manju 2019 “Charlemagne Prize 2019” li saret fil-belt ta’ Aachen.

L-Ambaxxata għamlet kuntatt maċ-Ċentru tal-Kontroll tat-Traffikuta’ Berlin u b’koordinazzjoni ma’ Transport Malta għamlet il-preparamenti meħtiega sabiex delegazzjoni esperta minn Transport Malta żżur iċ-Ċentru tal-Kontroll tat-Traffiku ta’ Berlin. Il-visita saret fl-20 t’Awwissu 2019 bl-għan li tiġi esplorata kooperazzjoni possibli għall-immaniġjar aħjar tat-traffiku f’Malta. L-Ambaxxatur akkompanja lid-delegazzjoni Maltija waqt iż-żjara taghhom ġewwa Berlin. Saru wkoll l-ewwel kuntatti sabiex issir żjara fiċ-Ċentru tal-Kontroll tat-Traffiku ta’ Munich għall-konsultazzjonijiet tekniċi. Ġie stabbilit wkoll kuntatt mad-Deutsches Verkehrsforum, assoċjazzjoni ekonomika li sservi ta’ pjattaforma għal diskussjoni bejn in-negozju, il-politika u x-xjenza dwar il-kwistjonijiet kollha tat-trasport u li jippromwovi inizjattivi, ideat u impulsi għat-titjib tal-kundizzjonijiet tat-traffiku fil-Ġermanja u fl-Ewropa.

Wara li ġie mħabbar li Dr Ursula von der Leyen ġiet magħżula bħala l-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali ta’ dak iż-żmien, f’Awwissu l-Onor. Dr Michael Farrugia u l-Ambaxxatur attendew ċerimonja fuq stedina tal-Gvern Ġermaniż ad unur Dr Ursula von der Leyen, li sa qabel ġiet innominata bħala President tal-Unjoni Ewropea kienet il-Ministru tad-Difiża tal-Ġermanja.

Matul Ottubru u Novembru 2019 saru l-preparamenti għall-parteċipazzjoni tal-Onor. Ministru Carmelo Abela fiċ-ċelebrazzjonijiet li saru fl-okkażjoni tat-30 anniversarju mill-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin fid-9 ta’ Novembru, li għalihom huwa kien mistieden mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ġermaniż l-E.T. Heiko Maas. L-Ambaxxatur akkompanja lill-Ministru f’din l-okkażjoni.

L-Ambaxxata għenet sabiex uffiċjali mid-Direttorat għad-Difiża tal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali ta’ Malti jattendu l-Berlin Security Conference li saret f’Novembru 2019.

Matul is-sena 2019, l-Ambaxxata kompliet tosserva l-iżviluppi politiċi fil-Ġermanja, kemm dawk domestiċi kif wkoll dawk li jirrigwardjaw il-politika barranija tal-pajjiż u rrappurtat dwarhom lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ. Pereżempju, l-Ambaxxata ġabret informazzjoni u irrapportat ta’ spiss dwar il-Proċess ta’ Berlin dwar il-Libja, li beda f’Settembru 2019 b’numru ta’ laqgħat ta’ uffiċjali għolja li ħejjew għall-laqgħa ta’ numru ta’ kapitijiet ta’ stat u ta’ gvern ġewwa Berlin li saret fid-19 ta’ Jannar 2020.

Kuljum, bħal ma tagħmel regolarment, l-Ambaxxata bagħtet Malta rapporti dwar artikli relevanti li jidhru fil-media Ġermaniża, u darba fil-ġimgħa bagħtet rapport iktar estensiv b’sezzjoni dwar Malta kif issemmiet fil-midja Ġermaniża. Intbagħtu wkoll regolarment traduzzjonijiet għall-Ingliz ta’ artikli Ġermanizi li kellhom x’jaqsmu ma’ Malta.

L-istaff tal-Ambaxxata ħa sehem u rrapporta dwar diversi konferenzi u seminars ta’ interess kif ukoll ‘briefings’ li saru fil-Ministeri Ġermaniżi qabel/wara il-laqgħat Ministerjali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, bħal FAC (Foreign Affairs Council), GAC (General Affairs Council), ECOFIN (Economic and Financial Affairs Council), AGRIFISH (Agriculture and Fisheries) u l-JHA (Justice and Home Affairs Council). Barra minn hekk, membri mill-Ambaxxata attendew ukoll ċerti debriefings li saru wara laqgħat li kellhom il-kanċillier jew Ministri tal-Gvern Federali ma’ interlokuturi minn pajjiżi oħra.

L-Ambaxxatur u l-First Secretary tal-Ambaxxata attendew diversi attivitajiet li saru f’Berlin li jikkonċernaw l-Unjoni Ewropea, li jinkludu dawk organizzati mill-Presidenza kemm dik Rumena kif ukoll dik Finlandiża tal-Kunsill tal-UE. Dawn l-attivitajiet kienu jinkludu il-preżentazzjoni tal-prioritajiet tar-Rumanija u tal-Finlandja għall-Presidenza rispettiva tagħhom u diskussjoni li saru fir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Berlin, il-“working lunches” mogħtija mill-Ambaxxatur Rumen u l-Ambaxxatriċi Finlandiża fejn il-mistieden tal-unur ikun ministru federali, ministru tal-istat jew xi persuna distinta oħra, u attivitajiet kulturali.


B’ħarsa ‘l quddiem lejn din is-sena (2020), l-Ambaxxata segwiet mill-qrib il-politika Ewropea tal-Ġermanja, peress li fit-tieni nofs tas-sena 2020 il-Ġermanja se jkollha l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE. Fis-sena 2019 bdew wkoll l-ewwel diskussjonijiet dwar il-possibilita’ ta’ żjara ta’ xogħol tal-E.T. il-President ta’ Malta ġewwa l-Ġermanja. L-Ambaxxata kienet ukoll f’kuntatt mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u mal-Bundestag (parlament) Ġermaniż dwar il-possibilita’ ta’ żjara mill-Grupp Parlamentari Malta-Ġermanja f’Malta iktar tard din is-sena.

Il-mandat tal-Ambaxxatur Friggieri f'Berlin intemm fit-31 ta’ Diċembru 2019. Huwa għamel numru ta’ żjarat ta’ tislima lil diversi uffiċjali Ġermaniżi, fosthom fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u fl-Uffiċċju tal-President Federali. Fis-27 ta’ Novembru 2019, l-Ambaxxatur ġie mistieden għall-farewell lunch għalih ospitat mir-Rappreżentant Speċjali tal-Uffiċċju għall-Affarijiet Barranin Ġermaniż għar-Relazzjonijiet mal-Istati Membri tal-UE, l-Ambaxxatriċi Sybille Katharina Sorg. Hi irringrazzjat lill-Ambaxxatur Friggieri għall-koperazzjoni tajba u l-pariri siewja li kien ta lill-Uffiċċju Federali tal-Affarijiet Barranin u istituzzjonijiet Ġermaniżi oħra matul dawn l-aħħar sitt snin, speċjalment il-mod kif spjega Malta lill-kontropartijiet Ġermaniżi tiegħu. Hija elenkat numru mill-kisbiet l-oħra tiegħu matul il-mandat tiegħu fil-Ġermanja, bħall-isforzi tiegħu biex turi Malta permezz tal-ħafna lekċers li huwa għamel madwar l-istati federali Ġermaniżi biex jagħmel lil Malta magħrufa fil-Ġermanja, il-parteċipazzjoni tiegħu f'diskussjonijiet pubbliċi kif ukoll permezz tal-attivitajiet kulturali, avvenimenti organizzati mill-ambaxxata. Waqt din l-ikla, l-Ambaxxatur Friggieri emfasizza r-relazzjonijiet tajbin bejn Malta u l-Ġermanja, kif wkol l-impenn ta’ Malta biex tippromwovi l-paċi u l-kooperazzjoni fil-Mediterran. Hu semma diversi eżempji bħall-parteċipazzjoni attiva tagħna fl-Unjoni għall-Mediterran / fis-Summits taż-¯ewġt Ixtut; fil-Fondazzjoni Anna Lindh kif ukoll f’inizjattivi speċjali, bħall-ewwel Arab-European Businesswomen Forum li sar Malta f’Novemberu 2019.

Kummerċjali

L-Ambaxxatur kompla bis-sensiela ta’ taħdidiet pubbliċi u laqgħat li ilu għaddej bihom għal żmien twil u li fihom jittratta aspetti varji tal-kultura, l-ekonomija u l-ħajja soċjali f’Malta u kuntatti bejn Malta u l-Ġermanja. Dawn l-attivitajiet komplew isiru, fuq medja ta’ 1-2 fix-xahar, kemm fl-Ambaxxata kif ukoll f’postijiet oħrajn barra Berlin. L-għanijiet ta’ dawn l-attivitajiet huma li Malta ssir iktar magħrufa fil-Ġermanja (l-iktar f’dawk ir-reġjuni fejn s’issa ftit hija magħrufa), u b’hekk jiżdied l-interess f’Malta biex jikber it-turiżmu, sabiex dawk li jattendu isiru jafu iktar dwar il-kuntatti li diġa jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi f’diversi setturi, jifhmu il-possibiltajiet ta’ “Doing Business in Malta”, u biex jiġu esplorati oqsma ta’ interess komuni.


Eżempji: L-Ambaxxatur ta taħdita fil-belt ta’ Wittenberge, ltaqa’ ma’ 22 student tal-aħħar sena mill-Gustav Heinemann Oberschule u ma’ l-għalliema tagħhom qabel ġew Malta fuq żjara edukattiva, u kellu laqgħa oħra ma’ grupp mid-distrett ta’ Teltow-Fläming, inklużi persuni fil-kummerċ (fosthom sidien ta’ katina ta’ supermarkets) immexxija minn Danny Eichenbaum MdL deputat tas-CDU fil-parlament tal-istat federali ta’ Brandenburgu. Matul is-sena saru attivitajiet oħra ta’ dan it-tip, waħda f’ Ġunju fil-belt ta’ Köthen u oħra ftit iktar tard fil-belt ta’ Brandenburg an der Havel. Mhux l-ewwel darba li, wara dawn l-attivitajiet, jiġi ffurmat grupp biex iżur Malta jew jintwera interess f’xi qasam partikulari. Ngħidu aħna, fil-każ tal-grupp mid-distrett ta’ Teltow-Fläming, imsemmi hawn fuq, l-interess kien fi skambjar ta’ żgħażagħ għal skopjiet ta’ taħrig vokazzjonali - li diġà beda jseħħ. Fil-każ tat-taħdita f’Wittenberge, fejn hemm wieħed miċ-ċentri l-iktar attrezzati biex jitħarrġu l-għaddasa, l-interess kien f’Malta bħala destinazzjoni għall-għaddasa, settur b’potenzjal sinifikanti fil-Ġermanja.


Fi Frar, l-Ambaxxatur żar il-“Handwerkskammer” (Chamber of Skilled Crafts and Trades) ta’ Hanover, waħda mill-ikbar kmamar ta’ snajja speċjalizzati fil-Ġermanja. Hemmhekk iddiskuta mal-President Wilhelm Steinmann u s-CEO Peter Karst diversi ideat dwar kif jistgħu jikbru l-kuntatti ma’ Malta, kemm bħala lok għall-manufattura ta’ ċertu prodotti kif ukoll fis-settur tat-taħriġ ta’ żgħażagħ fi snajja speċjalizzati. Bħala riżultat ta’ din iż-żjara, is-CEO Peter Karst ġie Malta f’April u ltaqa’, fost oħrajn, mal-Ministru Bartolo.


Ta’ importanza kienet iż-żjara li għamel f’Malta ir-rappreżentant tal-“gtai” (Germany Trade and Invest). L-Ambaxxatur iltaqa’ ma’ dan ir-rappreżentant (Oliver Döhne) qabel ġie Malta, baqa’ f’kuntatt miegħu u għamillu l-appuntamenti neċessarji ma’ persuni li setgħu jagħtuh l-informazzjoni li xtaq (Malta Enterprise, Trade Malta, Bank Centrali, Chamber of Commerce, Industry and Enterprise). Ir-rapporti li jsiru mill-gtai (li hija aġenzija tal-Gvern Federali) dwar il-pajjiżi rispettivi huma kruċjali f’każ li investitur jew kummerċjant ikun qed jikkonsidra jinvesti jew jinnegozja ma’ pajjiż partikulari. Fir-rapport il-ġdid li ppublikat il-“gtai” din is-sena joħorgu ċari dawn il-fatti: il-qagħda b’saħħitha tal-ekonomija Maltija, ir-ritmu mgħaġġel li bih qed tikber, il-proġetti kbar ippjanati, u l-oqsma li investituri jew nies tan-negozju Ġermaniżi għandhom jikkunsidraw meta jħarsu lejn Malta. L-Ambaxxata tgħaddi lill-Malta Enterprise u istituzzjonijiet oħra f’Malta kuntatti jew talbiet għal informazzjoni minn persuni, kumpaniji jew aġenziji minn oqsma differenti li jistgħu ikunu ta’ interess.


F’Settembru, waqt żjara f’Malta, l-Ambaxxatur iltaqa’ mal-membri tal-Kunsill tan-Negozju Ġermaniż-Malti (German-Maltese Business Council). Preżenti kien hemm ukoll il-Kap tal-Affarijiet Ekonomiċi u Kummerċjali fi ħdan l-Ambaxxata Ġermaniża kif wkoll uffiċjal mid-Desk Kummerċjali fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ. L-Ambaxxatur akkompanja grupp ta VIPs mill-istat Ġermaniż ta’ Baden-Württemberg għal laqgħa mal-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Promozzjoni ta’ Malta, diplomazija kulturali u diplomazija pubblika


F’Jannar, l-Ambaxxata irranġat programm għal żjara edukattiva f’Malta minn 24 student mill-Berlin Campus - Stanford University taħt it-tmexxija tal-Professur Uli Brückner. L-Ambaxxata ippreparatilhom programm intensiv li kien jinkludi laqgħa mal-Eċċellenza Tagħha il-President ta‘ Malta, viżita tal-bini tal-Parlament u laqgħa ma’ Mr Speaker Dr. Angelo Farrugia, u diskussjoni mal-Ministru Evarist Bartolo. Din kienet it-tieni darba li l-Ambaxxata ħadmet mal-Campus ta’ Berlin ta’ Stanford biex grupp ta’ studenti jżuru Malta; l-Ambaxxata kienet ikkordinat l-ewwel żjara fl-2015.


Fuq stedina tat-tmexxija tal-“Europaschule” (skola Ewropea) Kinderakademie der Johanniter fil-belt ta’ Eberswalde fl-istat federali ta’ Brandenburgu, l-Ambaxxatur u l-First Secretary fl-Ambaxxata żaru l-iskola u tkellmu mal-għalliema u ma’ ħafna mill-istudenti fil-klassijiet tagħhom. Saret talba għal kuntatt ma’ skola Maltija u biex jinstabu pen-friends Maltin għat-tfal tal-iskola. Dan qed isir fi ħdan il-MEDE. L-istedina biex l-Ambaxxatur iżur l-iskola saret wara li ftit qabel hu kien għamel żjara uffiċjali, ta taħdita pubblika fil-belt u kellu laqgħat mal-awtoritajiet inkluż is-sindku u t-tim tiegħu.


L-Ambaxxatur kien mistieden jieħu sehem f’diskussjoni – flimkien ma’ speċjalista dwar is-suġġett, ma’ membru tal-parlament Ewropew u flimkien ma’ professur tal-psikoloġija mill-Universita’ Humboldt – li saret f’ċinema ewlieni f’Berlin wara l-ewwel wirja tal-verżjoni Ġermaniża tal-film “The Erased Son” (titlu bil-Ġermaniż: ‘Der verlorene Sohn’). Il-film famuż jittratta il-problemi u t-tbatija li jgħaddu minnhom ġuvni Amerikan u l-familja tiegħu meta hu jiġi furzat jattendi kors ta’ “conversion therapy”. Malta kienet ippreżentata mill-organizzaturi bħala xempju ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet f’dan il-qasam, filwaqt li l-Ambaxxatur spjega s-sinifikat tal-liġi li tipprojbixxi din it-tip ta’ hekk imsejħa “terapija”.


Grupp ta’ studenti flimkien mal-professuri tagħhom mill-Berlin School of Economics and Law (HWR) xtaqu preżentazzjoni dwar Malta, l-infurzar tal-liġi u l-korp tal-pulizija. Għal dan il-għan kellhom laqgħa fl-ambaxxata mal-Ambaxxatur u ma’ l-First Secretary. Wara s-suċċess li kellha laqgħa s-sena l-oħra, beda x-xogħol fuq żjara oħra ġewwa l-Ambaxxata ta’ 15-il student mill-istess skola u li fil-futur beħsiebom jokkupaw karigi għolja fil-pulizija, u fejn ic-Charge’ d’Affaires, a.i. se tagħti preżentazzjoni dwar Malta u l-infurzar tal-liġi f’pajjiżna. 


L-ambaxxata pparteċipat fl-Europa Lounge, organizzata mill-Rappreżentazzjoni tal-Istat Federali ta’ Baden-Württemberg f’Berlin, fejn, bl-għajnuna tal-MTA Frankfurt, ġew offruti ikel u xorb Malti filwaqt li Malta ngħatat pubbliċita’ b’diversi metodi. Kien hemm madwar 1500 mistiedna, inklużi rappreżentanti tal-politika, mill-mezzi tax-Xandir, mis-settur ekonomiku u l-korp diplomatiku. L-istaff tal-Ambaxxata wieġeb diversi mistoqsijiet dwar Malta. 


Permezz tal-Konslu Onorarju ġewwa Munich, l-Ambaxxata għenet wkoll billi offriet materjal promozzjonali dwar Malta kif wkoll xorb Malti għal avveniment li sar ġewwa Munich bejn numru ta’ konsli favur l-UE.


L-Ambaxxata kompliet tkun involuta fil-laqgħat u l-avvenimenti tal-EUNIC (EU National Institutes of Culture) ġewwa Berlin. Fid-9 ta’ Mejju, l-Ambaxxata ipparteċipat ukoll f’avveniment ta’ qari ta’ ħrejjef Ewropej bil-Ġermaniż lil grupp kbir ta’ tfal minn skejjel primarji f’Berlin fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa. L-Ambaxxata ħadet sehem permezz ta’ qari ta’ ħrafa Maltija li ġiet maqluba għall-Ġermaniż mill-istaff tal-Ambaxxata għal din l-attivita’. Fit-23 ta’ Mejju, l-Ambaxxata ospitat sessjoni plenarja tal-EUNIC bil-parteċipazzjoni ta’ 30 rappreżentant minn Istituti Kulturali Ewropej varji ġewwa Berlin.  Matul din is-sessjoni, ġie elett l-ewwel Deputat Speaker (id-Direttur tal-Istitut Kulturali Ċek), u wara saret diskussjoni dwar l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti bħal dawk li jsiru matul il-Jum Ewropej tal-Lingwi (li l-Ambaxxata tipparteċipa fih kull sena). F’Settembru 2019, l-Ambaxxata pparteċipat fl-avvenimenti konnessi mal-Jum Ewropej tal-Lingwi billi tagħti żewġ “crash-courses” fil-Malti bażiku lil studenti f’żewġ skejjel primarji f’Berlin. L-esperjenza uriet li kemm it-tfal kif ukoll l-għalliema u l-ġenituri tat-tfal japprezzaw ħafna dawn it-tip ta’ attivitajiet. Tħejja wkoll kwiżż lingwistiku fir-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fis-26 ta’ Settembru u l-Ambaxxata pproduċiet diversi mistoqsijiet dwar il-Malti għal dan il-kwiżż. 

L-Ambaxxatur kien mistieden jagħti taħdita fil-belt ta’ Adenau. Fost affarijiet oħra, huwa tkellem dwar il-kuntatti bejn il-belt ta’ Adenau u Malta. Dawn jinkludu kemm rabtiet storiċi – f’Adenau kien hemm kummenda (‘commandery’) tal-Ordni – kif ukoll kuntatti iktar reċenti. F’Adenau kienet twaqqfet lejn l-aħħar tat-tmeninijiet u l-bidu tad-disgħinijiet tas-seklu l-ieħor l-Għaqda Ġermaniża-Maltija (Deutsch-Maltesische Gesellschaft). Wara iktar minn 30 sena din l-għaqda għada ibbażata f’ Adenau u tagħmel xogħol ta’ fejda kbira b’risq il-ħbiberija bejn iż-żewġ popli, filwaqt li Adenau għanda ġemellaġġ mal-Mellieħa – l-iktar ġemellaġġ antik u attiv bejn post f’Malta u post fil-Ġermanja.

L-Ambaxxata għamlet il-preparamenti kollha biex, flimkien mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż u ma’ Ambaxxati ta’ pajjiżi oħra f’Berlin, tieħu sehem f’attivitajiet msejħa “Diplomacy for Sustainability” waqt il-Ġimgħa Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli (European Sustainable Development Week). L-iskop kien li tigi inkuraġġita l-implementazzjoni tas-‘Sustainable Development Goals’ tal-Aġenda 2030. Il-fokus tal-avveniment organizzat mill-Ambaxxata Maltija kien SDG 14, speċifikament “il-ħajja taħt l-ilma” u l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċejani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar bħala komponent ewlieni ta’ futur sostenibbli. Fil-fatt, fl-4 ta’ Ġunju, l-Ambaxxata organizzat f’sala ġewwa Berlin il-wirja tad-dokumentarju “Comino: Secret Paradise” bil-parteċipazzjoni tal-Ambaxxatur Malti għall-Oċejani il-Prof. Alan Deidun li ta lecture u wieġeb id-domandi li sarulu mill-udjenza.


Is-sena l-oħra twaqqfet għall-ewwel darba l-preżenza tal-Ambaxxata fuq il-mezzi tal-medja soċjali (Twitter u Facebook), bil-għan li b’dawn il-mezzi tippromwovi aħjar lill-pajjiż, ix-xogħol li jitwettaq mill-Gvern, mill-MFTP u mill-Ambaxxata. Il-paġni tal-Ambaxxata bdew jiġu aġġornati fuq bażi regulari.

Ambaxxata ħadmet fuq applikazzjonijiet sabiex torganizza avvenimenti kulturali f’Berlin, li imbagħad ġew approvati mill-Bord tal-Cultural Diplomacy Fund tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ. L-avvenimenti li ttellew jinkludu serata ta’ żfin u mużika, msejħa “Diaspora” bil-parteċipazzjoni tal-kumpanija “Contact Dance Company”, taħt it-tmexxija tas-Sinjura Francesca Tranter u bil-parteċipazzjoni tal-kompożitur u perkussjonista magħruf Renzo Spiteri. Din is-serata saret fit-13 ta’ Ġunju fit-Theater am Aufbauhaus fil-preżenza ta’ udjenza mdaqqsa li apprezzat ferm l-attività. Nhar is-26 ta’ Novembru 2019, ntwera l-film ‘Limestone Cowboy’ (Direttur u Produttur Abigail Mallia) fis-Sala taċ-Ċinema DelphiLux ġewwa Berlin, bil-parteċipazzjoni ta’ żewġ atturi Maltin, Davide Tucci u Paul Cilia. L-arranġamenti kollha loġistici, stediniet u koordinazzjoni saru mill-Ambaxxata.

F’Settembru, l-Ambaxxatur ospita l-‘Malta Day Reception’ ġewwa Berlin, li għaliha attendew, fost oħrajn, membri tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż, diversi Ambaxxaturi akkreditati għall-kapitali Ġermaniża, fosthom n-Nunzju Appostoliku u d-Dekan tal-Korp Diplomatiku l-Arċisqof Dott. Nikola Eterovic, il-Kap il-ġdid tal-Kummissjoni tal-UE ġewwa Berlin, Mr Jörg Wojahn,  il-President tal-Assoċjazzjoni Ġermaniża-Maltija, is-Sur Christian Launer and s-Sa. Bettina Launer, ġurnalisti u ħbieb oħra ta’ Malta.  Ġew organizzati wkoll receptions oħra fl-okkażjoni tal-‘Malta Day 2019’ mill-Konslu Onorarju ta’ Malta għall-Istat Federali ta’ Baden-Württemberg, Dott. Rainer Dulger, u l-Konslu Onorarju għal Malta għall-Istat Federali tal-Bavarja, Dott. Malik Englmaier. 

Permezz tal-kuntatti tagħha, l-Ambaxxata ppromwoviet b’mod attiv is-settur Malti tat-teknoloġija u diġitali, tant li rċeviet proposti sabiex Malta tkun nvoluta f’konferenzi u kongressi li jiġu organizzati fil-Ġermanja, fosthom il-hub.berlin, festival annwali tat-teknoloġija u n-negozju, organizzat mill-Bitkom, l-Assoċjazzjoni diġitali Ġermaniża, kif ukoll id-Digital State Congress, organizzat mill-Behördenspiegel. Konsultazzjonijiet interni fi ħdan l-awtoritajiet responsabbli f’Malta jinsabu għaddejjin.

Il-First Secretary tal-Ambaxxata ġiet mistiedna sabiex tattendi għall-ewwel avveniment tal-proġett bl-isem ta’ “Germany International” fl-iskola Sekondarja Refik-Veseli, fil-preżenza tal-Ministru tal-Istat għall-Migrazzjoni, Refuġjati u Integrazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Kanċellier Federali.  Il-proġett joffri metodu ta’ tagħlim li jwassal edukazzjoni politika permezz ta’ kwiżż interattiv, u li jinvolvi l-possibiltà ta’ skambju animat mal-istudenti u jippromwovi t-tolleranza u l-fehim bejniethom.  Matul il-kwiżż, l-First Secretary tal-Ambaxxata tkellmet dwar id-dijaspora Maltija fil-Ġermanja. 

F’Diċembru, ħarġet l-intervista li saret lill-Ambaxxatur Malti, Dott. Albert Friġġieri fil-ġurnal “Der Behördenspiegel”, li l-qarrejja tagħha huma l-ħaddiema taċ-Ċivil Ġermaniżi. 

KONSOLARI

Matul ix-xhur kollha x-xogħol konsulari kompla bla waqfien sabiex ingħatat għajnuna lil ċittadini Maltin liċ-ċittadini Maltin li jgħixu fil-Ġermanja, kif wkoll lil Maltin li jivvjaġġaw lejn il-Ġermanja u li jkunu jeħtiegu l-għajnuna, bħal meta jitilfu jew jinsterqilhom il-passaport jew ikollhom bżonn għajnuna medika. F’każijiet fejn persuni tilfu d-dokument tal-ivvjaġġgar tagħhom sar koordinament kontinwu mal-Pulizija Ġermaniża sabiex jinħarġu dokumenti ta' vjaġġar t'emerġenza fl-ajruporti stess, mall-Pulizija Maltija u d-Direttorat Konsulari tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.

Għajnuna ingħatat wkoll lid-dipartiment fil-Ministeru tas-Saħħa li hu nkarigat li jibgħat pazjenti għal trattament barra l-pajjiż, kif ukoll lill-pazjenti nfushom u lill-familjari tagħhom. F’każ partikulari, l-Ambaxxata pprovdiet għajnuna lill-familja ta’ ċittadin Malti li miet waqt żjara f’Berlin. Ir-ripatrijazzjoni tal-kadavru lura lejn Malta ġiet organizzata bl-għajnuna tal-Ambaxxata. Matul is-sena, l-ambaxxata għenet f’diversi każijiet ta’ ċittadini Maltin li ddaħħlu l-isptar waqt btajjel tagħhom fil-Ġermanja. F’każ partikolari ieħor, l-Ambaxxata tat kull għajnuna lill-familja ta’ pazjent ta’ nazzjonalità Maltija li ddaħħal fis-sala tal-kura intensiva ġewwa sptar fil-Ġermanja meta kien fuq btala. Dan sabiex jinkiseb ċertifikat provviżorju sabiex jissostitwixxi l-EHIC b’koordinazzjoni mad-dipartiment pertinenti fil-Ministeru tas-Saħħa. Baqa’ jinżamm kuntatt regulari mal-familja, id-Direttorat Konsulari, l-MFTP u s-sezzjoni ta’ Trattamenti Barra minn Malta fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa. Waqt xogħol ieħor ġewwa Munich, il-Konslu tal-Ambaxxata, flimkien mal-Konslu Onorarju tal-Bavarja (it-tnejn tobba) żaru lill-pazjent u l-familja l-isptar u tawhom is-sostenn tagħhom. Wara perjodu twil, il-pazjent ġie rritornat lura Malta permezz ta’ ambulanza tal-ajru.

Ġiet ipprovduta informazzjoni dwar visa u rekwiżiti oħra dwar vjaġġar lejn Malta, ġew ipproċessati applikazzjonijiet għal passaporti u reġistrazzjonijiet ta’ żwieġ, servizz ta’ Kummissjonarji b’setgħa li jagħtu l-ġuramenti; talbiet għal informazzjoni dwar għajxien, xogħol u vjaġġar ġewwa l-Ġermanja u f’Malta. Kważi kull xahar saru wkoll talbiet għal informazzjoni dwar il-kisba ta’ tiġdid ta’ liċenzja tas-sewqan, dwar l-għotja tal-kunsens tal-ġenituri għal applikazzjoni għal passaport ta’ minorenni, wirt f’Malta, informazzjoni turistika, mistoqsijiet rigward riżultati ta’ awtopsja ġewwa Malta, il-bidu ta’ negozju f’Malta, liċenzji ta’ xogħol, u żwiġijiet f’Malta.

It-tabella hawn taħt tinkludi statistika dwar numru ta’ servizzi konsolari li ġew ipprovduti mill-Ambaxxata Maltija matul is-sena 2019.

Birth registration / Reġistrazzjoni tat-twelid
18
Marriage/ Divorce registration / Reġistrazzjoni taż-¯wieġ / Divorzju
4
Citizenship application / Applikazzjoni taċ-Ċittadinanza
3
Power of attorney / Prokura
-
Legalisation of documents / Legalizzazzjoni ta’ dokumenti
4
Declaration on oath / Dikjarazzjoni bil-ġurament
4
Passport applications / Applikazzjonijiet tal-passaport
47
Emergency Travel Documents / Dokumenti ta' Vjaġġar f'Emerġenza maħruġ kemm lil Maltin kif ukoll lil refuġjati
NIL
Diplomatic passports / Passaporti diplomatiċi
NIL
Enquiries received on requirements for visa to Malta / Inkjesti li waslu dwar rekwiżiti għal viża għal Malta.
345
Facilitation of visa for Maltese through Embassy/Għajnuna lil Maltin dwar viżi
NIL

Xogħol konsolari ieħor:

Ta’ kull xhar, l-Ambaxxata bagħtet lura lejn il-Ministeru numru ta’ passaporti u dokumenti ta’ residenza Maltin li kienu ntilfu u nstabu fil-Ġermanja mill-awtoritajiet. L-Ambaxxata għenet wkoll diversi delegazzjonijiet Maltin li għaddew mill-ajruporti Ġermaniżi. 


F’Mejju intlaqgħu talbiet ta’ informazzjoni minn ċittadini ta’ nazzjonalità Maltija dwar votazzjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Malta.

L-Ambaxxata mexxiet talbiet għall-approvazzjoni diplomatika mill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex ajruplani tal-Forzi Armati ta’ Malta jkunu jistgħu jidħlu fl-ispazju tal-ajru Ġermaniż.
L-ambaxxata kompliet tikkoordina flimkien mal-Korp tal-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Refuġjati f’Malta r-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu minn protezzjoni f’Malta – meta dawn jinstabu fil-Ġermanja mill-awtoritajiet Ġermaniżi – sabiex b’hekk jiġu irritornati lura lejn Malta. Ingħatat ukoll għajnuna lill-Forzi Armati Maltin sabiex inkiseb il-permess sabiex jgħaddu munizzjon millitari mill-Ġermanja lejn l-operazzjoni konġunta tal-Frontex f’pajjiż ieħor. Għajnuna oħra li ngħatat  tinkludi wkoll talba li ġiet mgħoddija lill-Identity Malta u l-Uffiċċju tal-Passaporti sabiex jingħataw kampjuni ta’ Passaporti u Karti tal-Identità Maltin għal skopijiet ta’ taħriġ tal-Pulizija Ġermaniża fl-ajruport ta’ Munich u għal raġunijiet ta’ paragun f’każ ta’ skrutinju ta’ dokumenti.


L-Ambaxxata rrappurtat lid-Direttorat Konsulari tal-MFTP dwar ta’ attakki jew inċidenti li saru ġewwa l-Ġermanja, bħal pereżempju l-attakk li sar f’sinagoga ġewwa Halle (ebda Maltin ma kienu involuti).

L-Ambaxxata kkuntattjat il-membri kollha tad-Dijaspora Maltija li toqgħod il-Ġermanja u li hija magħrufa mal-Ambaxxata, sabiex tippromwovi l-Ħames Konferenza tal-Maltin li Jgħixu Barra. 

Seduta  291
27/01/2020

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...