23.2.20

Insellmulu




1.     Illum, fil-ħarġa ta’ din il-gazzetta, qed jiġi ċelebrat Eddie Fenech Adami.  Diversi diġà taw ix-xiehda tagħhom dwar dak li kien messhom fih tul ħajtu.  L-attività tal-Ħamis fuq l-istazzjon tal-Partit, Net, kienet f’postha.  Diversi segwew dak kollu li ħafna persuni validi, fiż-żmien raw u messew miegħu.  Fil-mumenti tal-glorja u f’dawk tad-dulur.  Ħafna ddikjaraw aspett jew ieħor ta’ dak li kien laqathom fih.  Ħafna rrakkuntaw dak li qallhom, dak li rawh iwettaq u dak li llum huwa, fil-fatt, parti mill-patrimonju ta’ dan il-pajjiż.

Minn fejn beda

2.     Ma kellux triq faċli bħala Kap tal-Partit.  Niftakar ħafna minn dak iż-żmien, proprju għax ismu kien wieħed li jissemma’ sew fil-familja waqt il-jum.  Ma ġiex, fil-bidu, aċċettat minn kull persuna fi ħdan il-Partit.  Speċjalment minn dawk li kienu l-iktar fuq il-lemin tiegħu.  Fil-fatt, il-pass determinanti tiegħu kien dak li jbiddel il-linja sabiex il-Partit jidħol lura fil-linja ta’ partit taċ-Ċentru.  Partit li jħares lura u jwettaq il-missjoni tiegħu li jiddefendi ‘l-pajjiż, u fl-istess ħin japplika l-politika soċjali mwielda mill-gwida tal-enċikliċi tal-Papiet.  Lura għal partit Demokratiku-Nisrani.

Bid-demokrazija, u fid-demokrazija

3.     Kellu rispett lejn il-proċess demokratiku.  Wieħed mill-ewwel passi li nġiebu fis-seħħ kien dak li l-istrutturi tal-Partit jaħdmu u jitħaddmu.  Kunsill Amministrattiv kull nhar ta’ Sibt.  Kunsill Eżekuttiv kull xahar, u l-Kunsill Ġenerali skont l-Istatut u l-bżonn politiku.  Kull persuna kellha l-vuċi tagħha.  Kien jassigura li kellu l-opinjonijiet ta’ diversi, avolja kien ovvju li tant kien jaf il-bnedmin madwaru li kien jaqta’ minn qabel dak li kienu ser jgħidu.  Ma kien faċli xejn li jamministra partit bejn l-1976 u l-1981, u mill-1981 sal-1987.  Żewġ perjodi diffiċli ħafna u kkumplikati mmens.

Żewġ mumenti fl-Oppożizzjoni

4.     Fl-ewwel leġislatura tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni kellu kontestazzjonijiet varji.  Ma ġiex aċċettat, u kien hemm min kien esprima dubji fuq kemm il-proċess demokratiku fil-partit kien ħadem.  Id-dubju huwa, kif nafu, parti mill-proċess lejn iċ-ċertezza.  U hekk ġara miegħu.  Ma kienx elitista u preċiżament, anzi, kien iben il-poplu ħaddiem.  Wild il-proletarjat, li jifhem il-problemi u d-diffikultajiet li l-klassijiet soċjali jmissu magħhom.  Kien bena, biċċa biċċa, ġabra ta’ bnedmin li ħadmu miegħu. Daqqa jaqblu, daqqa le.  Imma ladarba tittieħed deċiżjoni, wieħed kien jimxi magħha.  Mhux monarkija, imma demokrazija ħajja.

15 t’Ottubru 1879

5.     Meta kien fil-Parlament beda, biċċa biċċa, jieqaf lil Dom Mintoff, dak iż-żmien fl-aħjar tal-potenza politika tiegħu fit-tieni leġislatura.  Anki jekk kien hemm kampanja sistematika kontra tiegħu li tipprova ċċekknu.  Li tipprova tpinġih, jum wara jum, b’nuċċali kbir u qisu xi tarbija politika quddiem “il-ġgant”.  Mhux biss, imma kien hemm vuċi ta’ propaganda qawwija dominanti.  Dak iż-żmien ikkontrollata, immanipulata u toħnoq dak kollu li mhuwiex parti mill-Gvern.  Xorta kien effettiv kontra kull kurrent.  Proprju għalhekk li, fil-15 t’Ottubru 1979, daħlu f’daru u farrkuha.  Riedu jintimidawh, u miegħu lill-Partit kollu.  Seta’ telaq.  Seta’, quddiem dan żarma, imma baqa’ hemm, jaħdem.

12 ta’ Diċembru 1981

6.     Kontra dak li kienu qed jaħsbu.  Kontra kull kurrent.  Fi stat fejn il-Gvern kien iqassam il-ħin kollu.  Fl-Elezzjoni Ġenerali tal-1981, il-Partit Nazzjonalista, immexxi minnu, għeleb u rebaħ il-maġġoranza tal-qlub tal-Maltin.  114,132 votant, 51% tal-poplu, kienu ddikjaraw li jridu Gvern ġdid.  Kif nafu, imma, id-distretti kienu maħduma biex min huwa fil-gvern ikollu iktar siġġijiet, b’maġġoranza ta’ tlieta: 34-31.  Dan kien mument ieħor iebes ħafna ta’ prova qawwija.  Anki jekk kienu kissrulu daru, xorta kien ġie kontestat internament u esternament.  Kien hemm ġabra ta’ persuni li kienu influwenti fl-opinjoni pubblika, fil-gazzetti, li kellhom il-ħsieb li l-linja demokratika tiegħu ma kinetx biżżejjed.  Kien hemm dawk fosthom li kienu jinvokaw vjolenza għall-vjolenza tal-Istat.

9 ta’ Mejju 1987

7.     Wara l-itwal leġislatura: ħames snin u ħames xhur.  Wara bidla fil-Mexxej tal-Partit Laburista.  Wara kampanja twila, li bdiet bil-bojkott tal-Parlament u kompliet b’Mass Meetings kull nhar ta’ Ħadd.  Li ħaditna lkoll iż-Żejtun, niġu attakkati bil-gass tad-dmugħ skadut u bil-ġabra ta’ vjolenti li l-Laburiżmu ta’ dak iż-żmien kien, sfortunatament, ikkoltiva.  Li kellha l-mewt ta’ dak iż-żagħżugħ twajjeb u mill-iktar innoċenti, Raymond Caruana.  F’dan il-maltemp politiku estern u intern, baqa’ jżomm il-boxxla interna tiegħu.  Baqa’ jesiġi li d-demokrazija tieħu l-perkors tagħha.  Sabiex isiru l-emendi Kostituzzjonali li bihom il-maġġoranza fil-voti ġiet garantita f’dik parlamentari.

Prim Ministru (1981-1996)

8.     Ma kienx faċli f’dik it-tieni leġislatura fl-Oppożizzjoni, għax il-Partit Laburista għamel minn kollox sabiex iżid u jġib lura għandu l-voti li kien tilef.  Ma rnexxilux, minkejja l-pjaċiri kbar li saru, speċjalment lejn l-aħħar tal-leġislatura.  Imma l-maġġoranza, minkejja kull tentazzjoni, hemm baqgħet.  Ġiet konfermata wara triq twila u diffiċli.  Niftakar sew jum l-għadd tal-voti.  Niftakru wkoll dieħel f’Kastilja jieħu l-ġurament, b’ġabra ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu telgħu ħdejh jiftħu l-folla li kienet bdiet tħoss l-arja tal-liberazzjoni minn dittatura twila ta’ ħmistax-il sena.  Pass pass bdiet il-bidla fil-poter.  Ma kien faċli xejn għalih, imma rnexxilu jibdel.

Prim Ministru (1998-2004)

9.     Għadda minn diversi mumenti iebsa hawn ukoll.  Lura fl-Oppożizzjoni kien hemm min ried il-‘bidla’.  Kien hemm min ħaseb li issa kellu jitlaq.  Imma żamm sod il-Partit, u taħt il-linja tiegħu reġa’ ġieb maġġoranza f’elettorat fejn il-vot kien beda jsir iktar likwidu minn qabel.  Il-missjoni hemm kienet lura għat-tbatija li ġġib maġġoranza tal-poplu li jivvutaw favur id-dħul tagħna bħala membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea.  Irnexxilu bl-għaqal tiegħu.  Irnexxilu jġib kunsens sabiex illum il-pajjiż qiegħed igawdi minn legat uniku.

Wirt uniku

10.   Pajjiżna għandu ħafna x’jgħid dwar Eddie Fenech Adami.  Ċertament, kull persuna tiġi bl-esperjenza tagħha fil-ħajja tad-dinja, imma huwa ħaqqu rispett u tifħir kbir.  Insellmulu u nawgurawlu, f’dan il-mument, għal iktar snin snin magħna.




No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...