23.2.20

Statistika veru jew tal-ingann?




1.     F’dan il-mument partikolari, il-pożizzjoni politika ta’ pajjiżna tista’ tkun aħjar.  Imma wieħed irid jifhem li t-tlett xhur li għamilna, l-ewwel naraw il-Gvern ta’ Muscat jaqa’; u t-tieni, nistennew min ser jieħu t-tmun ħallew, u għadhom qed iħallu, l-effett tagħhom.  Ngħid dan fid-dawl ta’ fatti mill-iktar ċari li qed naraw.  Il-kuntrarju ta’ dak li s-soltu jseħħ.  Għax gvern, ladarba elett, jieħu fuqu li jkompli ħafna minn dak li jkun ħalla ta’ qablu.  Jippreserva, ikompli jmexxi, jżid, u fejn jidhirlu jbiddel.  Mhux biss, imma jassigura, fuq kollox, li l-programm soċjali ta’ ġustizzja soċjali jipprova jrendih f’kull parti tas-soċjetà.  Dan kollu batta lura.

Morna lura

2.     Laqatni diskors tul il-ġimgħa ta’ deputat Laburista proprju fuq dan.  Il-bżonn li wieħed jieħu ħsieb diversi postijiet li ġew, sfortunatament, abbandunati.  Fil-ħin tiegħu għamel elenku ta’ siti abbandunati.  L-intenzjoni tiegħu kienet ċertament li jiġbed l-attenzjoni ta’ min huwa nkarigat sabiex jittieħdu l-miżuri neċessarji.  Dmir ta’ kull deputat, imma f’dawn l-aħħar seba’ snin ma tnatx kien hemm, min-naħa tal-Gvern, li jissugraw jgħidu l-verità.  Imma issa hemm pass lura lejn forma ta’ “normalità”, li fiha hemm min issa qiegħed jifhem li jista’ jerġa’ jibda jitkellem għax il-“kontrollur” spiċċalu t-terminu tiegħu.

Delimara

3.     Id-deputat semma’, fost l-oħrajn, iż-żona ta’ Delimara.  Waħda li fiha, Gvern Nazzjonalista kien biddel b’ħidma tajba l-post f’ak li huwa magħruf bħala ‘Xrobb l-Għaġin Nature Park’.  Waħda li fha l-Fortizza ta’ Delimara, taħt l-istess Gvern, inġiebet lura f’idejn l-Istat.  Waħda li fiha, il-magħrufa “Lighthouse tal-Kalanka” ingħatat ħajja ġdida.  Huwa semma dak li ħafna jaraw.  Telqa ġenerali u stat ta’ abbandun fiż-żona.  Dak li kellu jinbidel komplessivament għall-aħjar mill-passi li ttieħdu minn Gvern Nazzjonalista, dan il-Gvern Laburista telaq.  Telqu għar-raġunijiet tiegħu, imma ċertament huwa indikazzjoni ta’ tmermir tal-istat tal-affarijiet.  Mhux biss, imma nuqqas ta’ ħeġġa, għax anki l-Fortizza ta’ Delimara, b’dawn il-flus li qed jingaħad li hemm fil-kaxxa ta’ Malta xorta, wara seba’ snin, ma ġietx restawrata jew infetħet għall-pubbliku.

Postijiet oħra

4.     Mhux qed nagħmel il-każ biss minn dan il-post.  Fil-pajjiż hemm żoni oħra mitluqa u abbandunati.  L-iktar li jolqtuk huma dawk li ħafna jaraw, jum wara jum, b’għajnejhom.  Jarawhom u ma jseġħux il-passi biex jiġu rranġati u utilizzati tajjeb, bħal per eżempju wkoll il-ground f’Bormla msemmi għall-mibki Peppi Delceppo.  Proġetti li saru mill-Gvern ta’ qabel, li ġew imħollija jaslu fejn huma llum, mitluqa.  Trid tagħmel domandi parlamentari u diskorsi biex forsi jiċċaqilqu.  Imma l-attitudni ġenerali tindika li ġew illaxkati kontrolli, mekkaniżmi interni, u sens ta’ dmir fit-twettiq ta’ dak li għandu jseħħ.

Ordni u disordni

5.     Is-sens tad-dmir li kull gvern għandu jkollu fil-konfront tat-twettiq ta’ ħidmietu mal-pajjiż qiegħed ikompli jintilef.  Din il-ġimgħa wkoll, il-pajjiż waqaf jisma’ x’seħħ ġewwa l-Korp tal-Pulizija.  Issa li l-għatu qed ikompli jitneħħa, qed joħorġu iktar każijiet skandalużi.  Issa hemm iktar li qed jaraw li jistgħu jikxfu u jkun hemm riżultati.  Imma fir-realtà, kollox juri li l-Istat, taħt il-Gvern Laburista ta’ Muscat, kien mimli b’tajn tal-korruzzjoni li l-iktar iwaħħal.  Ħadd ma emmen li dan każ uniku, ta’ darba.  Ħafna huma iktar konvinti li l-pajjiż kellu, u għad għandu, linja ġenerali li tmur fid-direzzjoni kuntrarja għas-sewwa.  Il-kontroll intern kontra t-tentazzjonijiet intilef.  Bħal ma ntilfet ukoll il-preparazzjoni tal-Istat fis-settur, dejjem iktar qawwi, tal-immigrazzjoni irregolari.  Hawn, kull ma kien hemm ġie żarmat, u għadna ferm lura.  Ix-xhur li ġejjin ser jagħtuna iktar pariri.

Ġustizzja Soċjali

6.     Fl-istess dibattitu parlamentari sar diskors tajjeb ħafna tad-deputata Nazzjonalista Maria Deguara dwar il-pożizzjoni soċjali li diversi anzjani u bnedmin fis-soċjetà jinsabu fihom.  Elenkat numru ta’ problemi din id-deputata, li hija magħrufa għas-serjetà tagħha.  Punti marbuta ma’ kif l-anzjani tagħna qed ikollhom diffikultà, meta jimirdu, sabiex ilaħħqu mal-ħajja.  Kif l-aħħar Performance Audit – Community Care for Older Persons tal-Awditur Ġenerali tħalla fuq l-ixkaffa, bil-konsegwenza li t-trattament li huma intitolati għalih mhumiex qed jeħduh.  Tkellmet dwar kemm is-servizzi mediċi għal dawk l-iktar fil-bżonn qed imorru lura, bil-kumplikazzjonijiet tal-isptarijiet tagħna li qed trasferiti lill-Vitals u Steward b’dejn nazzjonali qawwi.  Punti oħra ta’ telqa ġenerali tal-pajjiż.

Pożizzjoni Soċjali

7.     Il-pajjiż għandu ħafna fi ħdanu li qegħdin ibatu sew.  Dawn qegħdin, sfortunatament, jiġu njorati minn Gvern li kien moħħu fi ħwejjeġ oħra.  Dan joħroġ ċar ħafna mill-EU-SILC 2018 Report.  Rapport analizzat u pubblikat fis-7 ta’ Awissu 2019, seba’ xhur ilu.  Minnu joħorġu numru ta’ punti.  L-ewwel: li 22% ta’ dawk li qegħdin fir-riskju, jew fil-faqar, jinsabu prinċipalment fl-ewwel u t-tieni distrett elettorali, msemmija Southern Harbour.  It-tieni: li żdiedu, mis-sena li għaddiet, dawk li ma jistgħux iżommu darhom sħuna, u dan 7.6% - 35,692 persuna.  It-tieni: li 7%, kważi 12,000 persuna ma jistgħux ilaħħqu mal-ħlasijiet tal-kera ta’ darhom.  It-tielet: li għandek 5.7% - 26,688 persuna li ma jifilħux jieklu tajjeb minħabba ż-żieda fl-għoli tal-ħajja.  Ir-raba’: li l-maġġoranza ta’ dawn huma anzjani jew pensjonanti.  Punti oħra li jimmeritaw attenzjoni urġenti u indikaturi ta’ telqiet varji.

Statistika

8.     Dan kollu huwa, jew jista’ jkun, parti minn ġbir ta’ statistika korretta u neċessarja għal min irid imexxi ‘l quddiem pajjiż.  Biss, hemm aljenazzjonijiet oħra.  Fosthom, dak li rajna din il-ġimgħa meta l-poplu ġie mistoqsi: l-ewwel, jekk huwiex tajjeb li l-Gvern Laburista m’għadux, fil-ġenn assolut tiegħu, li jneħħi l-fjuri minn quddiem il-Monument tal-Assedju l-Kbir; it-tieni: jekk huwiex tajjeb li rriżenja l-Kummissarju tal-Pulizija li kienu xebgħu jindaħlulu f’xogħlu; u tielet: jekk huwiex tajjeb li Ministru kompetenti tirriżenja għax żewġha siefer ma’ min ma kellux isiefer.  It-tweġibiet huma ovvji ħafna.  Naturalment, il-kredtu ħadu l-Prim Ministru attwali, li qiegħed fil-honeymoon tiegħu.

Imma li kieku

9.     Imma li kieku flok dawn id-domandi ovvji li jwasslu, f’kull każ, għar-riżultati li rajna, saru oħrajn, kien ikollna rating fil-popolarità differenti.  U oħra.  Kieku l-poplu ġie mistoqsi: l-ewwel, jekk huwiex japprova, jew jikkundannaw dawk li wettaq il-Gvern Laburista ta’ Muscat fil-korruzzjoni organizzata tiegħu?  Jew, it-tieni: x’jidhirlu mill-fatt li l-Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien involut ma’ min allegatament wettaq delitt daqshekk gravi u tal-waħx?  Jew it-tielet: jekk taqblux li Prim Ministru ta’ pajjiż jirċievi arloġġi u mbejjed ta’ valur f’rigali?  Jew ir-raba’: jekk kemm-il darba s-soċjetà hix tlaħħaq mal-għoli tal-ħajja, partikolarment il-pensjonanti u persuni vulnerabbli?  Inkella, l-ħames: jekk il-Korp tal-Pulizija tmexxiex ‘il quddiem f’dawn is-seba’ snin jew le?  Jew, is-sitta: kif il-bnedmin qed jiffaċċjaw l-għoli sproporzjonat fil-kirjiet li qed jaraw il-futur tagħhom?  Jew, is-seba’: jekk jaqblux li l-Istat biegħ l-isptarijiet lil Vitals u Stewards u jrid, kull sena, jgħaddi miljuni li tagħhom m’huwa jieħu lura xejn?

Kompletament differenti

10.   Ċertament, ir-riżultat kien ikun differenti.  Ferm iktar ġust u li jersaq sabiex wieħed jaffronta l-problemi veri fis-soċjetà.  L-argumenti politiċi ta’ sustanza jsiru fil-konfront tar-realtà, mhux tal-irrealtà.  Isir fil-konfront tal-problemi li hawn u jekk, wara, iż-żewġ partiti humiex jaffrontawhom jew jaħirbu minnhom.  Bħalissa, fil-pajjiż hawn telqa ġenerali, li ġejja mill-effett ta’ Gvern li kien inkompetenti u ppemetta ruħu jiġi maħkum mill-korruzzjoni qawwija u diżorganizzazzjoni organizzata.  Wieħed li kien iktar moħħu fil-ħakma tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, iktar milli li jgħid il-verità.  Ħafna kienu jaħsblu li qegħdin viċin l-ogħla smewwiet.  Illum jagħrfu li huma qed ixommu sew it-tajn li ninsabu fih.  Għalhekk nibqa’ nippreferi l-istatistika tal-verità, u mhux dik tan-nuqqas tagħha: l-ingann.


No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...