23.2.20

AMBAXXATA TA’ MALTA FIL-FEDERAZZJONI RUSSA - ĦIDMA




12443. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret mill-Ambaxxata ta’ Malta ġewwa l-Federazzjoni Russa tul is-sena li għaddiet?

17/01/2020

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Nirringrazzja lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija li għamel fuq il-ħidma tal-Ambaxxata ta’ Malta f’ Moska tul is-sena li għaddiet.

Minkejja s-sitwazzjoni predominenti fir-reġjun, l-Ambaxxata ta’ Malta f’Moska taħdem bla waqfien sabiex ir-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi jkomplu jitjiebu f’ għadd ta’ oqsma possibbli.

Għaldaqstant, kienu bosta l-inizzjattivi li din l-Ambaxxata ħadet f’ din l-aħħar sena sabiex tgħolli l-profil ta’ Malta fir-Russja f’ oqsma differenti:
-              Politiċi;
-              Konsolari;
-              Promozzjoni ta’ Malta fil-qasam tal-kummerċ u negozju;
-              Kultura u Edukazzjoni.

Il-hidma li saret mill-Ambaxxata ta’ Malta ġewwa l-Federazzjoni Russa tul is-sena li għaddiet hija kif gej:

Politika

·              Ir-Russja hu pajjiż importanti ħafna fl-iżvilupp politiku, kemm bilateralment kif ukoll multilateralment. Is-sena li għaddiet l-Ambaxxata żiedet il-kuntatti tagħha ma’ ħafna entitajiet u awtoritajiet Russi, kif ukoll ipparteċipat f’ għadd ta’ laqgħat u briefings organizzati mill-ogħla awtoritajiet Russi u Ambaxxati ta’ pajjiżi oħra fuq temi li huma relatati mal-Federazzjoni Russa u r-reġjun

·              Inizjattivi politiċi konkreti f’dan il-perjodu jinkludu fost oħrajn:
-              Iż-Żjara f’ Moska, mill-eks Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Onor. Carmelo Abela f’ Awwissu 2019

-              Il-parteċipazzjoni tal-ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti l-Onor Anġlu Farrugia f’ Forum li ddiskuta l-parlamentariżmu f’ Lulju tal-2019;

·              L-Ambaxxata tat  l-assitenza meħtieġa fiż-żjarat tad-dinjitarji Maltin li żaru r-Russja matul l-2019 sabiex jipparteċipaw f’diversi avvenimenti.

·              Apparti hekk, ta’ min isemmi li f’ Ġunju tas-sena l-oħra seħħew il-konsultazzjonijiet politiċi f’ Moska. Għal dawn it-taħdidiet, uffiċjali għolja mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kienu f’ Moska, flimkien mal-Ambaxxatur Malti f’ Moska.

Konsolari

Birth registration / Reġistrazzjoni tat-twelid
7
Citizenship application / Applikazzjoni taċ-Ċittadinanza
3
Legalisation of documents / Legalizzazzjoni ta’ dokumenti
115
Declaration on oath / Dikjarazzjoni bil-ġurament
2
Passport applications / Applikazzjonijiet tal-passaport
63
Emergency Travel Documents / Dokumenti ta' Vjaġġar f'Emerġenza maħruġ kemm lil Maltin kif ukoll lil refuġjati
1

·              F’ din l-aħħar sena l-Ambaxxata ta’ Malta fir-Russja kienet xhieda ta’ żieda sostanzjali fin-numri ta’ Maltin li jżuru ir-Russja u kif ukoll, ta’ Russi li jżuru Malta.  In-numru ta’ turisti Russi lejn Malta, li kien naqas sostanzjalment wara il-kriżi tar-Rublu fl-2015 u l-2016, reġa’ qed jiżdied. Matul l-2019, il-Konsulat Malti f’ Moska ħareġ ‘il fuq minn tmint elef Viża (skont il-Visa Management System). Dawn kienu Viżas li primarjament kienu għall-skopijiet ta’ turiżmu, kif ukoll għall-studenti Russi li xtaqu jistudjaw f’ Malta. L-applikanti għall-Viżas kienu ġejjin minn diversi reġjuni fil-Federazzjoni Russa.

·              Iż-żieda fil-viżas mhux biss dovut għall-iżvilupp pożittiv fl-ekonomija Russa, imma wkoll riżultat tax-xogħol kontinwu tal-Ambaxxata u l-Konsulat biex tippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni eċċellenti turistika. Is-suq Russu huwa miġbud biex iżur pajjiżi Mediterranji għall-btajjel, bħal Greċja, Ċipru, it-Turkija, Spanja u t-Tuneżija. Dawn huma wħud mill-kompetituri tagħna ewlenin fejn jidħol it-turiżmu.

·              Il-Konsolat ta’ Malta f’Moska, flimkien ma’ l-aġenti sussidjarji li jiffaċilitaw is-servizzi tal-viżas (VFS), ħoloq sistema effettiva li twassal għall-ħrug tal-viżas turistiċi f’madwar tlett ijiem, irrespettivament mill-lokalita’ tal-applikant.

·              Il-Konsli Onorarji f’ xi bliet Russi wkoll jaħdmu bla heda biex jippromwovu lil Malta u jattiraw iktar turisti lejn gżiritna. Matul l-2019 saru għadd t’ attivitajiet, speċjalment mill-Konslu Onorarju f’ Nizhniy Novgorod fejn sar il-promozzjoni ta’ Malta.

Promozzjoni ta’ Malta fil-qasam tal-kummerċ u negozju

·              L-Ambaxxatur Malti f’ Moska kompla bil-ħidma tiegħu biex jippromwovi lil Malta bħala pajjiż eċċellenti għall-investiment. Is-sanzzjonijiet imponuti fuq ir-Russja fl-2014 servew ta’ xkiel biex ikun hemm iktar titjib f’ dan il-qassam. Minkejja dan l-Ambaxxatur, u uffiċjali oħra mill-ambaxxata ta’ spiss jattendu fieri u attivitajiet dwar negozju u kummerċ. Mhux darba jew tnejn li l-Ambaxxatur Malti ta intervisti fuq rivisiti, gazzetti u stazzjonijiet televiżivi stabbiliti Russi dwar Malta bħala pajjiż ideali biex tinvesti fih.

·              Għadd ta’ negozjanti Maltin qed jiġu mħajra biex jinvestu fir-Russja. Fil-qasam tal-ospitalità Malta diġa sabet sieqa, b’ lukanda ewlenija f’ San Pietruburgu. F’ oqsma oħra huwa mistenni li jkun hemm titjib sostanzjali fiż-żmien li ġej.

Kultura u Edukazzjoni

·              F’ suq bħal dak Russu, ma jistax jonqos li nsemmu il-qasam kulturali u edukattiv. Ir-Russja hu pajjiż għani ferm fejn tidħol edukazzjoni u kultura. Matul l-2019, l-Ambaxxata stabbiliet kuntatti b’ saħħithom mal-librerija għal Letteratura Barranija. Tant hu hekk, li matul iż-żjara tal-Onor. Carmelo Abela, il-Ministru żar il-librerija u għall-ewwel darba ppreżenta kotba bil-Malti miktuba minn awturi Maltin. Illum għandna l-unur ngħidu li f’ din il-librerija prestiġjuża wieħed isib kotba bil-Malti. L-ambaxxata bħalissa għaddejja bl-isforzi tagħha biex tkompli ssaħħaħ l-attività tagħha ma’ din il-librerija fl-2019.

·              L-Ambaxxata tagħna f’ Moska, ibbenifikat mill-Fond tad-Diplomazija Kulturali f’ April 2019 fejn il-kitarrista Simon Schembri ta kunċert fit-Tsaritsyno. Mhux hekk biss, imma kellu wkoll l-opportunità li jagħti masterclasses lil studenti Russi. Fl-2019 ġiet inawgurata wkoll l-eżibizzjoni tal-pittura ta’ Katrina l-Kbira, b’ kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta. Il-pittura ġiet eżebita fit-Tsaritsyno u laqgħet numru konsiderovoli ta’ viżitaturi. L-orkestra Filarmonika ta’ Malta kienet f’ Moska wkoll fl-2019, flimkien mat-tenur ta’ fama mondjali Joseph Calleja

·              Fil-kamp edukattiv l-Ambaxxata qed tiskopri oqsma fejn jista’ jkun hemm iktar skambji, fosthom fil-qasam tat-taħriġ fl-ispazju.  Fl-2019, kien hemm ukoll kuntatti mal-Akkademja Diplomatika, u l-MGIMO.

·              Bħalissa hemm għadd ta’ ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi li għad iridu jiġu maqbula u ffirmati fiż-żmien li ġej. Dawn huma ftehim fl-oqsma tal-isport, iż-żgħażagħ, il-kultura u l-kummerċ.

Seduta  295
04/02/2020

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...