4.2.20

AWSTRALJA – ĦIDMA DIPLOMATIKA




12424. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma diplomatika saret tul is-sena li għaddiet mal-Awstralja u x’servizzi qegħdin jingħataw mill-istess Kummissjoni Għolja u konsolati tagħna?

17/01/2020

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Infurmat li l-ħidma tal-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fl-Awstralja matul is-sena li għaddiet, maqsuma f’dawn is-sezzjonijiet, tittratta:

Bilaterali

·              Fl-2019, il-Kummissjoni Għolja f’Canberra kkorrispondiet bilateralment mal-istat tal-Commonwealth tal-Awstralja dwar bosta temi li jirrigwardaw il-welfare tal-membri tal-kommunita’ Maltija fl-Awstralja, kif ukoll iffaċilitat djalogu bejn entitajiet f’Malta u fl-Awstralja b’għanijiet kummerċjali.
·              Il-Kummissjoni Għolja f’Canberra għamlet rappreżentazzjonijiet diplomatiċi lill-Gvern Federali u Gvernijiet Statali dwar l-istat ta’ ftehim bilaterali eżistenti, kif ukoll fittxet tippromwovi skop sabiex jiġu esplorati ftehim prospettivi ta’ kooperazzjoni.
·              Matul l-2019, il-Kummissjoni Għolja f’Kanberra ħadet sehem attiv b’interess sabiex tisboq ir-relazzjoni bilaterali bejn l-Awstralja u l-Ewropa, fosthom f’diskussjonijiet dwar in-negozzjati tal-Unjoni Ewropea u l-Awstralja fuq Ftehim ta’ Kummerċ Liberu, kif ukoll fuq kooperazzjoni politika u settorjali.
·              Saret ħidma u taħdidiet f’format bilaterali u multilaterali mad-dipartimenti tal-Gvern Federali Awstralja, fuq drittijiet ta’ ħaddiema Maltin fuq viżi temporanji, semi-permanenti u permanenti li jfittxu prospetti ġodda fl-Awstralja.
·              Il-Kummissarju Għoli f’Kanberra, kif ukoll il-Konsli Ġenerali f’Melbourne u Sydney, ingħaqdu ikkommemoraw avvenimenti t’importanza nazzjonali fl-Awstralja – fosthom l-Australia Day, ANZAC Day u Remembrance Day. Il-Kummissjoni Għolja f’Kanberra wasslet s-solidarjeta’ ta’ Malta u l-Gvern Malti mal-Gvern u l-poplu Awstraljan f’mumenti fejn ċittadini Awstraljani tilfu ħajjithom traġikament, fl-attakk terroristiku fi Christchurch f’Marzu 2019; fl-eruzzjoni tal-vulkan f’Whatakari (White Island). Iktar riċentement, il-Kummissjoni Għolja esprimiet solidarjeta’ u sobgħa lill-Awstralja fl-istaġun tal-bushfires fl-aħħar nofs tal-2019, li ħalla rebgħa u telf ta’ ħajja u propjeta’ bla preċedent.

Kummerċjali u Promozzjoni ta’ Malta

·              Il-Kummissarju Għoli u Konsli Ġenerali f’Melbourne u Sydney kienu attivi mal-komunita’ ta’ intraprendituri Maltin fl-Awstralja kif ukoll raw li jippromwovu lill-Malta għan-negozju. Il-Konsli Ġenerali ingaġġaw b’mod regolari mar-rappreżentanti tal-Australian-Maltese Chamber of Commerce fl-istati rispettivi sabiex jmexxu skop għal aktar investiment f’Malta, bi prospettivi li tiżdied il-kooperazzjoni fin-negozju bejn intrapriżi Maltin u Awstraljani.
·              Fl-2019, il-Konsli Ġenerali u l-Kummissjoni Għolja ħadu l-opportunitajiet possibbli sabiex jipprovdu informazzjoni akkurata dwar investiment u espansjoni tan-negozju lejn xtut Maltin f’bosta setturi: mis-servizzi, għal-manifattura u fl-ekonomija diġitali.

Kulturali u Diaspora

·              Il-Kummissjoni Għolja f’Canberra kellha stall dwar Malta f’wieħed mill-avvenimenti tant mistennija fil-kapitali tal-Awstralja: in-National Multicultural Festival. L-istall ta’ Malta kien mtella’ fis-sezzjoni tal-Villaġġ tal-UE, li attira aktar nies minn kull edizzjoni li saret qabel. (16 ta’ Frar 2019). Il-Kummissjoni Għolja ipparteċipat ukoll fl-edizzjoni ta’ Windows to the World, mtellgħa mill-gvern fl-Australian Capital Territory, fejn tat informazzjoni siewja lill-pubbliku fuq vjaġġar lejn Malta bħala destinazzjoni t’Eċċellenza kif ukoll bħala lok għal avvanz akkademiku u professjonali.
·              Fl-2019, il-Kummissarju Għoli għamel żjara lill-kommunitajiet Maltin f’Melbourne u Sydney. Il-Konsli li wettqu ż-żjarat ta’ Consul-on-the-Move ħadu l-opportunitajiet biex jqattgħu ħin barra mill-appuntamenti mal-kommunitajiet Maltin mferrxin madwar l-Awstralja.
·              Il-Konslu Ġenerali f’Melbourne ipparteċipa f’bosta attivitajiet mtella’ mill-Kommunita’ Maltija fl-istat ta’ Victoria, fiċ-ċentru ta’ Melbourne kif ukoll fil-punent u fil-lvant tal-istat ta’ Victoria, fuq okkażjonijiet varji.
·              Ħidma mal-partijiet ikkonċernati fuq l-importanza u l-promozzjoni tat-tgħalim tal-lingwa Maltija fl-Awstralja issuktat mit-tlett uffiċċji, fl- 2019. Taħdidiet u laqgħat mal-iskejjel tal-Malti għadhom għaddejjin, bir-rappreżentanti tal-Gvern Malti fl-Awstralja joffru s-servizzi tagħhom sabiex jiffaċilitaw diskussjonijiet dwar il-futur tat-tagħlim tal-lingwa, storja u drawwiet Maltin.
·              Il-Konslu Ġenerali f’Sydney attenda bosta inizjattivi sabiex jintaqa’ mal-ġenerazzjoni Maltija-Awstraljana żgħażugħa fl-istat ta’ New South Wales: il-mexxejja tal-kommunita’ Maltija-Awstraljana tal-ġejjieni.
·              Il-Kummissarju Għoli f’Kanberra, il-Konsli Ġenerali f’Melbourne u f’Sydney, u d-Deputat Kummissarju Għoli ħadu sehem attiv biex jiffaċilitaw djalogu bejn membri u assoċjazzjonijiet Maltin fiż-żoni tal-ġurisdizzjoni rispettivi tagħhom.
·              Fit-28 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissarju Għoli ingħaqad ma’ bosta membri tal-komunita’ Maltija fi New South Wales u Victoria, sabiex jagħti tribut lil żewġ ANZACs Maltin li taw ħajjithom fl-ewwel Gwerra dinjija biswit suldati Awstraljani u minn New Zealand.

Konsolari

·              Fl-2019, l-uffiċċji fl-Awstralja ipproċessaw 1340 passaport u 431-il-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija.
·              F’dan il-perjodu saru ħames (5) żjarat ta’Consul-on-the-Move: żewġ żjarat fl-istat ta’ Queensland (fi Brisbane, Mackay u Cairns); u żjara waħda fl-istati ta’ Western Australia u South Australia, kif ukoll żjara f’Wellington, New Zealand.
·              Fl-2019, l-Kummissjoni Għolja f’Canberra tat assistenza lil erbgħa ċittadini Maltin li nsterqulhom il-passaporti tagħhom waqt btala f’dik il-parti tad-dinja.
·              Tul dan iż-żmien, il-Kummissjoni Għolja f’ Canberra kif ukoll il-Konsolati Ġenerali f’Melbourne u f’Sydney, ħadu sehem attiv f’laqgħat varji dwar koordinazzjoni konsolari ma’ rappreżentanti ta’ Stati Membri tal-UE fl-Awstralja u fil-Paċifiku, f’Working Groups dwar Working Holiday Visas, kif ukoll mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Kummerċ u l-Ministeru għal-Immigrazzjoni u Sigurta’ tal-fruntieri Awstraljani, fuq każijiet pendenti.
·              Il-ħidma sabiex jinstabu arranġamenti li jħarsu d-dinjita’ ta’ ċittadini Maltin li nstabu detenuti fl-Awstralja, issuktat.
·              Huwa stimat li t-tlett uffiċċji fl-Awstralja irċievew bejniethom medja ta’ 1050 telefonata fix-xahar għal rikjesti t’assistenza, informazzjoni dwar Malta u servizzi konsolari pprovduti mill-istess uffiċċji.

Oħrajn

·              F’Novembru 2019, il-Kummissjoni Għolja f’Kanberra kellha l-unur li tiffaċilita ż-żjara ta’ delegati ta’ livell għoli mill-Ministeru Għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali li pparteċipaw fil-laqgħa Ministerjali GEO Week 2019. Matul din iż-żjara, il-Kummissjoni Għolja għamlet mezz sabiex din iż-żjara tagħti frott siewi billi saru laqgħat fil-marġini ma’ dipartimenti korrispondenti mill-Gvern Awstraljan għat-taqsim ta’ prattiċi tajba. Il-Konslu Ġenerali f’Sydney iffaċilita’ laqgħat settorjali fl-istat ta’ New South Wales.

Seduta  292
28/01/2020

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...