23.7.08

Il-Polonja tilfet patrijota

1. Fid-dinja moderna fejn il-ħajja hija okkupata u dominata mill-mezzi ġodda, nisimgħu f’numru ta’ drabi bl-aħbar li persuni tilfu ħajjithom traġikament. Minkejja li għandna nkunu drajna, xorta waħda, ibda minni, nibqgħu niddejqu u nieħdu qatgħa meta nisimgħu b’aħbarijiet simili. Stramba iktar għalija li ma nistax norbot ħajja ta’ bniedem fil-letteratura, fil-politika, fil-liġi, fit-teoloġija, fl-istorja ma’ mewta simili. Għadni ma naċċettax li Albert Camus, Thomas Merton, Antoine de Saint Exupéry u Alexander Dubček fost diversi oħrajn, li raw ħajja mimlija tant b’ideat u b’kitba b’pedament kulturali jispiċċaw il-kapitolu tagħhom f’din id-dinja b’dan il-mod.

2. Hekk ħassejtni għal darb’oħra tul din il-ġimgħa bl-aħbar tal-mewt verament traġika ta’ Bronislaw Geremek. Geremek kien persuna mill-iktar ġentili, intelliġenti, storiku bin l-art ġentili u twajba tal-Polonja. Bniedem li mpenja ruħu ma’ diversi oħrajn sabiex il-ħakma komunista tintemm. Kien hu, għal ħafna żmien, li mexxa id f’id ma’ Lech Walesa sabiex il-moviment Solidarnosc jieħu u jagħti l-libertà u l-ġustizzja. Ir-rabta ta’ pajjiżna ma’ dak huwa marbut b’tant qawwa għax proprju fil-jum meta fit-13 ta’ Diċembru 1981 il-Ġeneral Wojciech Jaruzelski daħal sabiex bil-militar jerġa’ “jirrestawra” r-rivoluzzjoni Soċjalista, aħna konna qed naraw il-ġurament ta’ Gvern li ma kellux il-maġġoranza tal-poplu warajh.

3. Il-Professur Geremek kien wieħed minn dawk li ser iħalli warajh patrimonju ta’ aġir pożittiv. Wieħed li permezz tiegħu nbidel drastikament ix-xenarju politiku għal dak il-poplu nobbli u nisrani. Illum, mertu f’parti kbira tiegħu, il-pajjiż daħal membru tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, tan-NATO u ta’ l-Unjoni Ewropea. Żgur li ħadd ħlief uħud żgħar kienu jittamaw jew joħolmu fl-1981 li dan seta’ jseħħ. Però l-ħidma pożittiva tiegħu, anki fil-mumenti meta taħt dak ir-reġim spiċċa l-ħabs arrestat għall-ideat politiċi tiegħu, tibqa’ mniżżla fl-istorja. Għax il-bniedem li ħabb il-libertà għall-oħrajn sab ruħu mċaħħad minnha.

4. Kelli okkażjoni li niltaqa’ miegħu darbtejn f’ħajti. Biss naħseb li l-aqwa kienet meta kont attendejt għall-konferenza li tiġbor id-demokraziji ġewwa Varsavja li saret fis-26/27 ta’ Ġunju 2000. Ikolli ngħid kien l-ogħla mument għalih li, f’karriera politika li sabitu jokkupa l-post ta’ Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin, kellu s-sodisfazzjon jara d-demokraziji anzjani, żagħżugħa u li għadhom qed jissudaw jinġabru f’pajjiżu. Kien hemm sens ta’ rivendikazzjoni qawwija f’diskorsu x’ħin elenka b’mod mill-iktar ċar li l-Polonja kellha għal żmien twil f’qalbha sentimenti demokratiċi qabel it-Tieni Gwerra Mondjali. Kull min imur lura lejn dik id-dikjarazzjoni jara ġabra ta’ prinċipji li jiffurmaw kważi bażi ġdida għal dan is-seklu.

5. Ma nistax ngħid li kont naqbel mal-ħsibijiet kollha tiegħu. Bażikament jibqa’ liberali mhux demokristjan, però dan ma jfissirx li ma nistax ma nsellimlux għall-mod determinanti li bih biddel it-triq pollakka. Anzi, għandi nirrikonoxxi li kien vuċi għal-libertà mhux biss f’pajjiżu, iżda kull fejn kien jara li hemm ċaħda. L-aħħar diskorsi tiegħu fuq is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe jixirqu attenzjoni partikolari. Għax kien politiku onest, rett, leali. Kellu dak is-sens ta’ missjoni favur kull kalpestar tad-drittijiet umani. Baqa’ għalhekk idealista, forsi f’mumenti utopiku wkoll. Bniedem li jrid jissielet mhux bil-forza, iżda bir-raġuni. Għax ir-raġuni ma tridx forza u l-forza ma għandhiex bżonn tar-raġuni.

6. Bronek, kif kienu jafuh sħabu, miet traġikament huwa u jaqbeż karozza bil-vettura Mercedes antika li kellu f’Poznan, milli stajt nifhem huwa u sejjer lejn laqgħa tal-Parlament. Kellu 76 sena, però baqa’ attiv politikament u intellettwalment sa l-aħħar. Il-Polonja tilfet patrijott, biċċa oħra mill-istorja iebsa tas-soċjaliżmu Sovjet telqet. Ġenerazzjoni li batiet sew – waħda li tat eżempju lill-oħrajn. Ismu jinżel ma’ l-eroj l-oħra bħal ma huma dak ta’ Alexander Dubček, il-patrijott Ċekoslovakk li huwa wkoll tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku. Ma hemmx dubju li jibqa’ eżempju. Wieħed li juri li r-raġuni verament ma trid forza ta’ xejn.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...