28.7.13

Lejn il-futur tas-soċjetà.



1.             Irridu naċċettaw li s-soċjetajiet Ewropej u Afrikani għaddejjin minn bidliet li qegħdin imissuna l-ħin kollu.  Il-preżenza ta’ bnedmin influwenzati b’ideat differenti.  Dik ta’ politiċi li jservu f’soċjetà li wħud jaħsbu li jifhmuha u ta’ oħrajn li qegħdin sempliċement jinjorawha.  Ta’ bnedmin li jridu jikkontribwixxu, imma joqogħdu lura għax iħossu li s-soċjetà hija f’idejn il-medja li hija, fil-perċezzjoni tagħhom, ostili għall-ideat differenti minn tagħhom.  Kif ukoll ta’ bnedmin li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet komplikati li mhux dejjem joħroġ l-ordni minnhom, anzi l-kaos huwa l-ordni tal-jum.

2.             Fil-mument partikolari tal-lum jidher iktar ċar li s-soċjetà qegħda ssib ruħha mingħajr direzzjoni vera.  Ma hemmx viżjoni sħiħa li qegħda tħares fit-tul, imma waħda li tgħix il-ġurnata.  Il-bżonn ta’ tqegħid ta’ pedamenti ġodda, differenti, li jieħdu strutturi li kapaċi jirreżistu s-sejħiet tas-soċjetajiet futuri huma non-eżistenti u, jekk isiru, qed isiru mingħajr ħsieb imma b’kumbinazzjoni.  Hemm, iktar minn żminijiet oħra, sejħa għal iktar ħsieb, iktar riflessjoni fil-fond fuq dak kollu li hemm lok li jsir fil-futur tagħna.  L-ispazju li kien disponibbli f’diversi soċjetajiet demokratiċi għall-akkademiċi, għall-ħassieba, għall-persuni li jridu jagħtu lura mill-esperjenzi varja li l-ħajja basktithom fihom kważi sparixxa.

3.             Il-preżenza ta’ dawn il-persuni li jwasslu messaġġ fis-soċjetà qiegħed jintilef.  Anzi, l-pożizzjoni tagħhom qegħda iktar u iktar tkompli tiġi injorata mill-klassi politika.  Hemm illum ostilità għal dawk li jridu jirriflettu fuq dak li huwa għaddej.  Il-klima politika fis-soċjetà tagħna hija dik li tħares b’suspett u tavversa dawk li jridu jaraw fit-tul, ta’ dawk li jridu jaħsbu għas-servizz tal-oħrajn.  Il-Gvern tal-jum qiegħed jibgħat hemm barra l-messaġġ ċar li huma m’għandux, b’xi mod, jiġi avversat ladarba għandu maġġoranza ta’ disgħa siġġijiet u daqshekk voti warajh.  Il-poter għal uħud, tant qiegħed f’rashom li jfisser li huma dejjem għandhom raġun.  Min jissogra jkun differenti jrid jipprepara ruħu għal aġir żbaljat kontrih.

4.             Il-fatti huma li għaż-żmien li ġe, mhux ser ikollna min qiegħed fil-poter li jagħti każ, li jrid jisma’ u anzi jkabbar bnedmin li jaħsbu għax jistgħu jkunu kontra dak li qed iwettqu huma.  Dan jixħet fuqna obbligu ikbar.  Bħala partit fl-Oppożizzjoni rridu nħarsu li nwettqu din il-ħidma.  Nassigurawha b’dover u bi pjaċir lejn il-proċess li jeħodna lejn il-verità u soċjetà, li jassigura li min jinsab minn taħt jitla’ ‘l fuq.  Il-Partit Nazzjonalista, ma ninsewx, huwa dak il-wieħed li rnexxielu jibdel is-soċjetà proprju għax għal perjodu twil jisma’ u jikkultiva l-ħsieb, l-akkademja ta’ dawk li forsi llum narawhom eċċentriċi, biss għada pitgħada, nirringrazzjawhom.  Il-proċess ta’ ħsieb ma jistax jiġi limitat f’viżjoni utilitarista, imma jrid jitħalla jimrah.

5.             Hemm ħafna punti x’wieħed jirrifletti fuqhom, proprju  għax il-gvernijiet passati wettqu ħafna.  Biss, dak li sar hemm bżonn li nerġgħu, aħna stess, inħarsu lejn u narawh f’dimensjonijiet storiċi, oġġettivi  u billi naraw l-effett soċjali tiegħu.  F’dan il-mument nistqarr li iktar ma ngħarbel, ma naħseb iktar nara li l-partit, minkejja l-isforzi tiegħi ‘il-kontra, xaqleb lejn il-lemin u abbanduna l-għaqal taċ-ċentru fl-aħħar perjodu tiegħu.  Kemm għandi raġun fuq dan, ma nafx, imma hemm bżonn diskussjoni fejn iktar bnedmin ta’ ħsieb jersqu sabiex jagħmlu dan.  Il-bniedem fil-ħajja, iktar ma jkun ċar f’dak li għandu  jwettaq, tant aħjar.  Il-mewġa llum hija waħda li trid taħkem lilna lkoll li naġixxu mingħajr ma naħsbu, mingħajr ma nħarsu ‘l quddiem, mingħajr ma nqisu l-prinċipji etiċi li fuqhom qed nibbażaw l-azzjoni.

6.             Il-jiem li għaddew erġajna missejna u rajna quddiem wiċċna realtà li ninjoraw.  Il-preżenza tal-Papa Franġisku fil-Brażil qegħda tħabbat ma’ bibien tas-soċjetajiet Ewropej li jridu jaljenaw rashom, jinqatgħu mir-responsabbiltajiet tagħhom u jaħsbu biss fil-bżonnijiet tagħhom.  Dan il-bniedem, Jorge Bergoglio, jiġi mimli bl-użu tar-raġuni għas-sewwa.  Miegħu, ftit qablu, ġew Josef Ratzinger u Karol Woytila.  Bnedmin li qraw, studjaw u servew bl-esperjenzi tagħhom, imma fuq kollox, kienu katalisti ta’ ħsieb.  Kif tħares lejn il-bniedem, il-valur tiegħu, x’soċjetà għandna, x’waħda għandu jkollna.  Huma stess terġa’, influwenzati minn bnedmin oħra qabilhom u magħhom.  Dak li jgħidu, dak li qalu, jingħad bis-sens, b’viżjoni, b’direzzjoni li wieħed jista’ jinjora jew jilludi ruħu li m’huwiex applikabbli, però l-ħsieb huwa fond u rilevanti għal min irid soċjetà futura aqwa.

7.             Ngħid li diversi, f’din is-soċjetà tagħna, kapaċi jikkontribwissu.  Jersqu ‘l quddiem b’ideat li jċaqilqu lejn direzzjonijiet li fuqhom aħna fil-politika nistgħu nipparteċipaw u nsiru protagonisti ta’ sustanza.  Ngħid li għandna obbligu fuqna, bħala Partit Nazzjonalista li ħabb dejjem l-edukazzjoni sħiħa tal-bnedmin, li nimxu f’din id-direzzjoni.  F’dawn is-snin fl-Oppożizzjoni hemm bżonn ngħarfu iktar kemm irridu nkunu preparati għal żmien ieħor.  M’għandniex naqgħu fil-linja li qiegħed fiha l-Gvern bħalissa, dik li jkun kontinwament wieħed reazzjonarju.  Irridu nkunu dawk li jħaru ‘l quddiem billi ngħarfu r-realtà preżenti u futura u nfasslu linji ta’ tibdil li bihom nassiguraw iktar demokrazija, dinjità lejn il-bniedem, tqassim aħjar tal-ġid u, fuq kollox, li min huwa minn taħt jitla’ iktar ‘il fuq.



No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...