21.7.13

Is-serjetà u l-verità ħarġu mit-tieqa.



1.         Nhar l-Erbgħa għalaqna s-seduti parlamentari għas-sajf li qegħdin diġà fih.  Nibdew f’Ottubru b’xahrejn u nofs bejn perjodu u ieħor.  L-aġġornament huwa fost l-itwal li qatt kellna.  Dan żgur f’kuntrast ma’ dak li konna smajna.  Kienu qalulna li tant kienu preparati, tant kellhom “road maps”, tant pjani u miżuri li ser idaħħlu malajr malajr.  Issa, minflok, bdejna naraw id-differenza bejn dak li qalu u dak li qed iwettqu.  Kuntrast ikbar meta nikkunsidraw kemm kienu tkażaw bina għax sena minnhom kellna aġġornament li kien itwal minn tas-soltu.  Il-poplu qiegħed issa jibda jmiss u jqis dak li jingħad u dak li jsir effettivament mill-Gvern.  Iqis is-serjetà tiegħu u kemm jorbot lilu nnifsu li jgħid il-verità.

2.         Huwa ċar għal diversi li l-Gvern, fl-abbundanza ta’ ministri li għandu, qed jibgħat messaġġi mħallta.  Fuq naħa jidher li hemm min minn fosthom li qiegħed jipprova serjament ifendi ‘l quddiem u oħrajn li huma kompletament mitlufa.  F’ċertu sens, dan l-aġġornament twil huwa riżultat tal-fatt li l-Partit Nazzjonalista f’dawn ix-xhur irnexxilu jkun dak li mmira għalih.  Irnexxilu jkun Oppożizzjoni b’saħħitha.  Kważi kull ġimgħa, il-bank tal-Oppożizzjoni ġieb lin-naħa tal-Gvern f’diffikultà.  Id-domandi parlamentari sari u laqtu f’ħafna miri.  Id-dibattiti, l-aġġornamenti kienu effettivi.  Il-Gvern sab ruħu, f’ħafna mumenti, f’sitwazzjonijiet diffiċli u kumplikati li ma ħariġx tajjeb minnhom.

3.         Ma’ kull jum li jgħaddi minn din il-leġislatura hemm proċess inevitabbli li l-Gvern irid iwieġeb għal dak li qed iwettaq u ma jibqax jinħeba wara dak li suppost sab ħażin.  Il-pajjiż fir-realtà għadu qiegħed jifhem dan it-tibdil fix-xenarju.  Għadu qiegħed jibda jinduna li s-serjetà u l-verità, li tant smajna bihom, m’humiex proprju hemm.  Ġew meħuda diversi deċiżjonijiet li kienu żbaljati u bagħtu messaġġi xejn tajba f’setturi varji.  Il-fatt li ċ-Ċivil f’ħabta u sabta nqaleb ta’ taħt fuq ma niżel tajjeb xejn.  It-tneħħija tal-Kap taċ-Ċivil, li serva b’intelliġenza, flimkien ma’ dik tas-Segretarji Permanenti li servew huma wkoll lill-poplu kollu kien assolutament żbaljat.  Bħal ma kien dak li tneħħew diversi Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi fix-xejn.

4.         L-Istat Malti, f’ħakka t’għajn tilef mill-kontinwità u l-esperjenza tagħhom li huma tant neċessarji sabiex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem.  Mhux biss, imma ntbagħat barra u ġewwa l-istess Ċivil il-messaġġ ċar li tista’ timxi ‘l quddiem fil-karriera mhux skont l-abbiltà tiegħek, imma skont l-opinjoni politika.  Dan rajnieh f’diversi setturi.  Trasferimenti varji, mingħajr spjegazzjoni salv dik li dak li jkun m’huwiex tal-qalba.  Kollox sar mingħajr ebda forma ta’ mistħija, anzi sar bis-saħħa u bl-arroganza ta’ min iħossu invinċibbli fil-poter.  Ta’ min iħossu li għandu dritt li jwettaq azzjonijiet bħal dawn fuq oħrajn għax il-poplu tah mandat elettorali qawwi.  Għandu l-poter tal-Istat u jista’ jeżerċitah kif irid u kif jogħġbu.

5.         Il-poplu jinnota dan kollu.  Qiegħed jinduna li d-diskors li ngħad qabel fil-kampanja elettorali kien biss paraventu.  Hemm diġà min għażel li jkun parti minn dik il-maġġoranza li ntlaqat direttament minn dan l-aġir.  Dan it-timbru li jmur kontra kull serjetà governattiva, kontra kif wieħed għandu jmexxi poplu sħiħ ‘il quddiem issibu anke fejn ma tippretendix.  Fil-fatt, tul il-ġimgħa, aħna mill-Oppożizzjoni vvutajna kontra liġi li ser tippermetti li numru ta’ membri parlamentari tal-Gvern li ma laħqux ministri jinħatru f’postijiet li m’għandhomx ikunu maħtura fihom.

6.         Għaddew f’dawn il-jiem liġi malajr malajr sabiex issa membru parlamentari tal-Gvern ikunu jistgħu jaħtruh f’numru ta’ kumitati bħal dak tal-Kunsill tal-Ilsien Malti, jew f’dak tal-Artiġjanat.  Dawn huma kumitati maħtura bil-liġi u li huma magħmula għal dawk li jifhmu verament fis-suġġett u intenzjonati sabiex iġibu s-soċjetà ċivili fihom.  Issa minflok, ser jiżżattu fihom membri parlamentari.  Il-Gvern, mingħajr ebda forma ta’ mistħija, irid jara kif ser jippremja lil dawk li ma ħadux rigal u sab dan bħala mezz.  L-istess qiegħed, sfortunatament, iseħħ b’iktar gravità fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.  Ma’ kull ġurnata qegħdin niskopru li minn Kastilja ħadu deċiżjoni ħażina oħra u jkunu ħatru lil min m’għandux isib ruħu ambaxxatur.  L-impatt ta’ dawn l-esperimenti ser iservu biex nitilfu fl-esperjenza, fis-serjetà u fl-abbiltajiet ta’ diversi li servew fil-Korp Diplomatiku b’tant attenzjoni għal pajjiżna.

7.         Il-pajjiż kien qed jippretendi ferm aħjar minnhom.  Nittamaw li dawn l-għaxar ġimgħat sħaħ ta’ aġġornament iservu sabiex il-Gvern jaħsibha sew, jindem u jinduna li tul dawn l-erba’ xhur irnexxielu jixħet barra mit-tieqa s-serjetà u l-verità u jibdel egħmilu.



No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...