25.7.13

IL-POLITIKA: XJENZA.

Reċensjoni minn Charles Magro

IL-POLITIKA: XJENZA

(Carm Mifsud Bonnici: IL-POLITIKA TAS-SEWWA.  Pubblikazzjoni 2013.)


            Bħala parti mill-kampanja elettorali li wasslet għall-Elezzjoni Ġenerali tad-9 ta’ Marzu 2013 l-Onor. Dr. Carm Mifsud Bonnici, LL.D., MP, stampa u qassam ktieb li jagħti ħarsa intelliġenti lejn il-mod li bih il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ħadem biex żviluppa u saħħaħ it-tessut demokratiku f’Pajjiżna.

            Il-ktieb fih ġabra ta’ artikli li l-istess Dr. Carm Mifsud Bonnici kiteb matul iż-żmien fil-gazzetti “Il-Mument” u “Illum”.  L-artiklu l-aktar antik imur lura għat-30 ta’ Awwissu 2009; filwaqt li dak li hu l-aktar riċenti hu dak tat-22 ta’ Lulju 2012.

            Fuqhiex kiteb f’dawn l-artikli Dr. Carm?  Il-kontenut ta’ dawn l-artikli hu bħal ilma ġieri frisk għal dawk li xebgħu bil-politika kif jifhmuha l-partitarji akkaniti; dik il-politika partiġġjana li taħdem biss għall-voti biex tirbaħ l-elezzjoni, u l-Partit, hu liema hu, jieħu l-poter f’idejh.

            Il-politika tas-sewwa mhix hekk.  Dawn l-artikli jinfurmawna fuq kif titħaddem ix-xjenza politika għall-ġid tal-Pajjiż u għas-servizz tal-poplu; kollu, mhux tal-partitarji tal-qalba biss.

            Meta Dr. Carm kiteb fuq il-Partit Nazzjonalista (“Il-Partit Ċar Kien U Jibqa’” – “Il-Mument”, 26 ta’ Ġunju 2011) kiteb li l-PN hu apprezzat għax għandu prinċipji li jiggwidawh.  Il-PN għażel li jħaddan il-valur demokratiku u l-valur nisrani, u fit-tħaddim ta’ dawn il-valuri dejjem kien ċar, u kollox juri li ‘l quddiem dejjem hekk se jibqa’.  L-ex-Prim Ministru, Dr. Lawrence Gonzi, LL.D., MP, wera li anki llum il-Pajjiż jista’ jitmexxa b’suċċessi kbar mingħajr ma jbiegħ il-prinċipji.

            Il-PN la hu liberali, kif sfortunatament iriduh li jkun xi nies li m’għandhom ebda sens ta’ responsabbiltà, u anqas konservattiv.  F’artiklu ieħor (“Responsabbiltà u Libertà” – “Il-Mument”, 1 ta’ Lulju 2011) Dr Mifsud Bonnici jgħid li ħafna mill-inkwiet dinji hu ġej minnn żbilanċ bejn ir-responsabbiltà u l-libertà.  B’bilanċ pożittiv bejn ir-responsabbiltà u l-libertà jkunu assigurati l-ġid, il-ġustizzja u s-solidarjetà.

            Lill-ex-Prim Ministru, Dr. Lawrence Gonzi, isejjaħlu “Kaptan tajjeb fil-maltemp” (“Fil-Maltemp il-Kaptan it-Tajjeb” – “Il-Mument”, 8 ta’ Jannar 2012).  L-għan tal-politika għall-Amministrazzjoni Nazzjonalista preċedenti kien biforkali: (i) l-ekonomija tibqa’ tikber u tiġġenera x-xogħol; (ii) il-pakkett soċjali ma jonqosx biex tingħata l-għajnuna lil kulmin ikun jeħtieġha.

            Li l-PN laħaq dawn l-għanijiet anqas l-avversarji politiċi ma jiċħduh.  U dan l-artiklu jagħtina bħala raġunijiet prinċipali l-attenzjoni, l-applikazzjoni u l-perseveranza tal-ex-Prim Ministru Nazzjonalista.  Dr. Lawrence Gonzi hu politiku kapaċi li għaraf minn qabel is-sinjali taż-żminijiet u ħa d-deċiżjonijiet meħtieġa bil-għaqal kollu.  Kien sod f’dawn id-deċiżjonijiet għax bħala politiku nisrani hu dejjem iggwidat minn sejħat partikolari skont it-twemmin nisrani li jħaddan.
            Dr. Gonzi għandu virtujiet oħra, bħas-sabar u l-paċenzja, li kienu essenzjali biex ħareġ bl-unuri kollha kemm fi kwistjonijiet internazzjonali, kif ukoll fl-inkwiet intern, lokali.  U l-ġid li ħareġ mill-politika li ħaddem gawda minnu l-Pajjiż kollu.

            F’artikli oħra l-Onor. Carm Mifsud Bonnici jelenka l-ħidma li saret, bla ħafna daqq ta’ trombi, għas-sostenn tad-demokrazija f’Pajjiżna, mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern meta hu kien Ministru ta’ dan id-Dekasteru.  Din hi ħidma li kienet tindirizza lis-soċjetà Maltija kollha kemm hi, u li toffri bażi biex is-soċjetà Maltija tibqa’ ttejjeb il-livell tal-għixien tagħha.  Dr. Carm qagħad attent biex fit-tfassil tal-Liġijiet ma jkun hemm xejn li jmur kontra r-regoli tal-ħajja; kontra n-natura umana.

            Biex jissaħħaħ it-tessut demokratiku tal-Pajjiż il-PN waqqaf l-Uffiċċju tal-Ombudsman, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, u l-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni.  Saru emendi għal ċerti Liġijiet biex jiżdiedu t-trasparenza u d-demokrazija (“It-Tessut Demokratiku” – “Il-Mument”, 23 ta’ Mejju 2010).  Bħala Ministru għall-Ġustizzja u l-Intern, Dr Mifsud Bonniċi ta sehem sħiħ f’dan ir-rigward.  Waqqaf b’Liġi ċ-Ċentru tal-Medjazzjoni.  Ħadem ukoll bla heda biex ġiet fis-seħħ il-Liġi tal-Ġustizzja Riparatriċi.

            Ħadem ħafna ukoll fil-qasam tal-Immigrazzjoni Irregolari (“Is-Settur tal-Immigrazzjoni” – “Illum”, 15 ta’ April 2012).  Taħt l-amministrazzjoni tiegħu saru avvanzi kbar f’ħafna punti għall-ġid tal-immigranti u tal-poplu Malti wkoll.  Malta ffirmat il-Patt tal-Immigrazzjoni u l-Ażil, li permezz tiegħu ġie mwaqqaf l-Uffiċċju tal-Ażil u ppustjat f’Malta.  Il-politika li ħaddem l-Onor. Mifsud Bonnici kienet tinkludi kemm ripatrijazzjoni kif ukoll integrazzjoni, biex hekk din l-isfida kienet tkun tista’ tittraduċi ruħha f’opportunità.  Kienu diversi l-pajjiżi li fehmu din il-politika u għenu lil Malta billi ħadu għadd ta’ immigranti irregolari fit-territorju tagħhom biex jibdew ħajja ġdida.

            Meta wieħed jaqra u jixtarr sewwa l-artikli li hawn miġbura f’dan il-ktieb ikun qed jeduka ruħu dwar politika tas-sewwa; dik il-politika li l-poplu jeħtieġ biex ikun jista’ jiffaċċja l-isfidi b’suċċess.  U dan jiswih ġid għall-arrikkiment tal-personalità tiegħu.  Imma wkoll iservih bħala għodda biex jagħraf min huma l-politiċi ppreparati li jeħtieġ il-pajjiż, li huma kapaċi jifhmu dak li jkun qed iseħħ madwarhom u jsibu s-soluzzjonijiet li, għalkemm kultant ma jidhrux sbieħ, ikunu d-deċiżjonijiet li jkun jeħtieġ il-pajjiż.


(N.B. L-Onor. Dr. Carm Mifsud Bonnici qiegħed għadd ta’ kopji ta’ dan il-ktieb fil-ħanut tal-PIN, il-Blata l-Bajda.  Min jixtieq kopja jista’ jakkwistaha minhemm, u kull donazzjoni li tingħata tmur għall-Partit Nazzjonalista).

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...