18.9.17

Tnax-il sena ilu


 
1.      Irid ikun Papa ġdid li, taħt il-papat tiegħu tinħareġ enċiklika, biex is-soċjetà tagħna llum terġa’ tiftakar li jeżistu numru ta’ enċikliċi mimlija għerf.  F’dawn l-ittri ċirkolari, miktuba biex imorru minn post għall-ieħor, hemm minjiera li hija miftuħa għall-bnedmin ta’ rieda tajba.  Kif kien qal il-Qaddis Ġwanni XXIII fil-kitba tiegħu Mater et Magistra, “Omm u għalliema tal-ġnus kollha, il-Knisja Universali ġiet imwaqqfa minn Ġesù Kristu biex kulħadd, fiż-żminijiet kollha, jersaq fi ħdanha, isib fiha l-ħajja sħiħa u garanzija tas-salvazzjoni”, u jkompli: “Il-Kristjaneżmu huwa, għaldaqshekk għaqda tal-art mas-sema, f’dak lijħares il-bniedem fil-bini tiegħu, ruħ u ġisem, moħħ u rieda, u lilu jistieden biex jgħolli moħħu ‘l fuq mill-ħwejjeġ ta’ kuljum tal-ħajja ta’ din l-art lejn il-kobor tal-ħajja ta’ dejjem, li tkun twettiq il-ferħ, il-paċi li ma jintemmx”.

2.      Mhus biss fis-soċjetà, imma anki ġewwa l-Knisja.  Ilni ma nisma’ priedka l-Ħadd, jew għal dawk il-ftit li jippruvaw matul il-ġimgħa, fejn xi waħda mid-diversi enċikliċi jissemmew.  Jista’ jkun li qiegħed immur għall-quddies fejn dan ma jsirx, però l-verità hija li qed jintesew.  Il-fatt li Papa partikolari, kif kien il-Qaddis Ġwanni Pawlu II, ikun attiv ħafna fl-enċikliċi u ieħor inqas m’għandux ifisser li taħt wieħed jissemmew u taħt l-ieħor le.  Dan iktar u iktar meta l-maġġoranza tagħhom fihom sens u sustanza li t-trapass taż-żmien ma jintmissx, anzi jissoda.  Dan huwa rilevanti aktar għalija, bniedem fil-politika, li nħares u nifli dawk l-enċikliċi li jissejħu “soċjali”.

3.      Dawn l-enċikliċi huma gwidi u pedamenti sodi għal min irid jipprova jkun strument għas-sewwa fis-soċjetà għall-proxxmu.  Għal min irid jgħin biex wieħed jibni ordni soċjali ġust.  Il-konfront tal-bniedem, fil-jiem preżenti, mal-ħajja pubblika u għal ġewwa fiha, proprju għaol dak li jidħol għaliha b’interess altruwista u passjoni jitlob li jkollu dawn l-għodda għad-dispożizzjoni tiegħu.  Proprju f’din il-linja li bnedmin bħali jkompu, kuljum, ifittxu li jixorbu minn dan l-ilma frisk u ħaj.  Proprju f’dan li sibtni erġajt naqra u nifli dak li l-Papa Benedittu XVI kien kiteb tnax-il sena ilu, fil-25 ta’ Diċembru 2005.

4.      Kitbet dan il-Papa għandha l-kwalità partikolari li aktar ma taqraha, iktar issib fiha.  Anzi aħjar, aktar ma taqra l-istess kitba, iktar issib x’tifhem u kif ukoll gwida.  Fil-librerija, li dan is-sajf kelli l-ħin nipprova norganizza mill-ġdid, sibt li għandi numru tajjeb ta’ kitbietu.  Kotba varji li kważi kull wieħed qrajt darbtejn u li ċert li ħafna bħali għażlu, fil-ħin tagħhom, li jippruvaw jassorbu.  Biss wieħed irid jaċċetta li hawn, f’dan l-artikolu, fuq l-enċikliċi qed nitkellmu, u mhux il-volumi l-oħra.  Benedittu XVI, fit-tmien snin tiegħu ta s-siġill lil tlett ittri partikolari: l-ewwel Deus Caritas est, it-tieni Spe Salvi u t-tielet Caritas in Veritate.  Mhux ser inżid Lumen Fidi, li ħarġet taħt Franġisku, għalkemm huwa magħruf li kien kważi lestiha hu.

5.      F’dan erġajt mort lura lejn il-paragrafi 28 u 29 ta’ dik l-ewwel enċiklika u ħarist lejhom illum.  Sibtni nagħraf punti ġodda.  Sibtni nifhem li, b’dak id-dokument, il-Knisja kienet qed titkellem minn lenti differenti li aħna l-politiċi mdorrija biha.  Fi ftit sentenzi, il-pożizzjoni minn naħa tal-Knisja u mhux minn dik ta’ partit demokratiku Kristjan hija iktar ċara.  L-ewwel: il-Knisja m’għandhiex tieħu fuqha l-battalji politiċi sabiex is-soċjetà tkun iktar ġusta.  Dik hija f’idejn il-politiċi nsara.  It-tieni: m’għandhiex tkun flok, u anqas ma hija l-Istat.  It-tielet: m’għandhiex tibqa’ fil-ġenb fil-ġlieda għas-sewwa u l-ġustizzja.  Ir-raba’: trid tagħti sehemha b’argumenti razzjonali u tqajjem lill-bniedem fl-aspett spiritwali biex jaħdem aħjar għall-ġustizzja.

6.      Il-Papa b’dan ried, u għadi jrid jagħti lura d-dinjità sħiħa li l-politika jixirqilha.  Għax l-ordni ġust fis-soċjetà u fl-Istat, kif jgħid huwa, jibqa’ l-missjoni u r-responsabbiltà ċentrali tal-politika.  Biss, ġustament, f’din il-linja jfakkarna direttament u mill-ġdid f’kitbet Santu Wistin li “Remota itaque iustitia sunt regna nisi magna latrocinia” (Jekk il-ġustizzja mhix rispettata, x’inhuma l-Istati jekk mhux ġabriet kbar ta’ ħallelin).  Sabiex dan ma jseħħx hemm, l-ewwel, il-bżonn li l-Knisja tgħallem u tibqa’ fi proċess li hija stess titgħallem; it-tieni, li tfiehem f’dan li, b’mod partikolari, kull min qiegħed fil-politika jgħaddi minn proċess ta’ tisfija, purifikazzjoni tal-ħsieb imnebbħa mill-fidi lejn ir-realtà.

7.      F’dan hemm is-servizz li l-Knisja tgħaddi lill-bniedem f’kull ġenerazzjoni u li qatt ma tista’ tgħid li wettqet kompletament, anzi li huwa impenn kostanti lejn ir-realiżmu nisrani.  Għax, kif ingħad, billi l-politika hija attività tal-bniedem, hemm bżonn li tiġi rfinata, purifikata u mgħollija ‘l fuq lejn il-ġustizzja u l-karità.  Għalhekk hija kollaboratriċi tal-Istat u m’hijiex sostitut tiegħu.  Iktar u iktar meta l-fatti juru li l-Knisja, bl-esperjenza twila tagħha fis-sekli, hija esperta fl-umanità.  F’dan, kjarament jitħaddan il-prinċipju tas-sussidjarjetà tant fundamentali għall-politika demokratika Kristjana.  Abbażi ta’ liema tiġi affermata l-importanza tal-bniedem u tal-korpi soċjali l-oħra fil-ħajja tas-soċjetà, li għas-servizz tagħhom għandu jkun hemm l-istituzzjonijiet demokratiċi f’kull forma u livell.

8.      F’dan kollu wieħed jifhem iktar is-sehem, il-funzjon u l-missjoni tal-Knisja, speċjalment permezz tal-enċikliċi soċjali varji, sabiex tgħallem.  Tħares lejn dak li huwa ġust, tajjeb u li jaqbel man-natura ta’ kull bniedem fis-sejħa tiegħu li jkun strument għas-sewwa.  Tgħallem, teduka lill-oħrajn u tassigura li hi u l-politiċi jedukaw iktar ruħhom.  F’dan joħorġu domandi, punti ta’ dibattitu, ideat, proposti li jixprunaw lejn proġetti fejn il-bniedem ma jitlifx id-dinjità tiegħu u jibqa’ strument għall-ġustizzja u l-karità.  Proprju għalhekk tajjeb li wieħed imur lura lejn l-enċikliċi soċjali.  Proprju għalhekk li hemm bżonn li nibdew nisimgħu mill-ġdid x’jgħidu.  Għax il-bniedem għandu bżonn ta’ ideat għalih ġodda.  Għandu bżonn jingħata direzzjoni u assistenza sabiex ikun strument li jġib ordni ġust fis-soċjetà.
     

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...