19.9.17

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jerġa’ jissaħħaħ


 
Il-Partit Nazzjonalista għadu b’saħħtu u qiegħed ikompli jissaħħaħ kuljum. Joseph Muscat jiżbalja jekk jaħseb li se jsib Oppożizzjoni dgħajfa. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal dan waqt attività politika waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza fuq il-Fosos tal-Floriana.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jerġa’ jingħaqad u ħabbar li aktar kmieni llum beda l-proċess ta’ tranżizzjoni fit-tmexxija. Huwa rringrazzja lil Chris Said tad-disponibilità immedjata li wera biex jiddiskuti t-triq ‘il quddiem sabiex il-Partit Nazzjonalista jkompli jiġi flimkien u jissaħħaħ.

Adrian Delia qal li llum il-Partit Nazzjonalista kellu rebħa oħra meta l-Imħallef Mizzi aċċetta t-talba li s-smiegħ dwar il-każ tar-rekuża jsir fil-miftuħ. Huwa qal li maħniex ngħixu f’pajjiż normali meta jkollu jkun il-Kap tal-Oppożizzjoni personalment li jagħmel rikors il-Qorti biex issir investigazzjoni fuq allegazzjonijiet serji kontra l-għola uffiċjali tal-Gvern. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil Jason Azzopardi tal-preparazzjoni serja tiegħu f’dan il-każ ta’ importanza nazzjonali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li f’pajjiżna llum hemm l-għatx għal politiċi li jħossu bħan-nies u joffrulhom tama. Politika qrib in-nies ma tfissirx biss li l-politiċi jgħixu fil-viċin man-nies, iżda li jinvolvu l-ideat tagħhom fit-tfassil tal-politika, qal Adrian Delia. Huwa qal li l-aġġornament politiku tal-Partit Nazzjonalista ma jistax jinjora l-fehmiet u l-ħsibijiet li joħorġu mill-esperjenza ta’ kuljum tan-nies.

Vuċi li tasal għand il-poplu kollu

Il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista m’għandux ikun biss għan-Nazzjonalisti, qal Adrian Delia iżda l-vuċi tal-partit trid tasal għand il-poplu kollu sabiex aktar nies jiġu konvinti li l-politika tal-Partit Nazzjonalista hija l-aħjar waħda. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hemm ħtieġa għal aktar dibattitu politiku fuq il-mezzi tax-xandir.

Adrian Delia qal li tul dawn l-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista għadda minn ristrutturar finanzjarju u, minkejja li s-sitwazzjoni issa hija stabbli, l-isfidi għadhom jeżistu. Huwa qal li jrid isir investiment biex tinbidel il-media minn mezz ta’ komunikazzjoni tal-massa għal wieħed strateġiku individwali. Permezz tal-media, il-Partit Nazzjonalista jrid jasal għand in-nies b’mod effettiv billi juża l-aktar teknoloġija moderna.

Huwa żied li hemm pjanijiet biex l-investiment isir ukoll fir-riżorsi umani speċjalment b’taħriġ kemm għal persuni li diġà jaħdmu kif ukoll għal persuni ġodda. Adrian Delia semma’ kif fil-viżjoni tiegħu il-kamra tal-aħbarijiet għandha tiffoka aktar fuq ġurnaliżmu investigattiv ta’ kwalità.

Partit Nazzjonalista aktar inklussiv

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa qiegħed iħares ‘il quddiem dwar kif in-nies, u b’mod partikolari l-ġenerazzjonijiet il-ġodda, qed jaċċessaw l-informazzjoni. Huwa fakkar ukoll li fi ftit snin oħra ż-żgħażagħ ta’ sittax-il sena se jkunu qiegħdin jivvutaw ukoll u għalhekk huwa mportanti li l-media tal-Partit Nazzjonalista taħseb minn issa għall-mezzi ta’ informazzjoni li se jkunu qed jużaw iż-żgħażagħ fis-snin li ġejjin.

Adrian Delia qal li huwa jrid mhux sempliċiment li jkun hemm aktar żgħażagħ fil-Partit Nazzjonalista iżda li l-partit jerġa’ jsir żagħżugħ mill-ġdid. Huwa qal li lest jagħti liż-żgħażagħ il-poter li jesperimentaw u jwettqu l-politika huma stess.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li, bl-istess mod, il-kumitati sezzjonali għandhom rwol akbar x’jagħmlu fit-tfassil politiku. Huwa żied li l-membri tal-kumitati sezzjonali huma strumentali sabiex aktar nies iwasslu l-esperjenza tal-ħajja ta’ kuljum tagħhom fil-politika.

Fl-aħħar erba’ snin il-Partit Nazzjonalista irnexxielu jibdel il-proċessi interni biex ikun aktar inklussiv, qal Adrian Delia, u fakkar li l-elezzjoni tas-16 ta’ Settembru kienet waħda storika għaliex kienet l-ewwel darba li d-deċiżjoni importanti dwar Kap ta’ partit politiku kienet fdata f’idejn ħmistax-il elf persuna.

Adrian Delia qal li huwa sinjal tajjeb li l-media Laburista qiegħda diġà tattakkah għaliex huma skomdi bih. Huwa qal li l-istqarrija tal-Partit Laburista aktar kmieni llum turi li l-partit negattiv huwa fil-fatt dak immexxi minn Joseph Muscat.

18.09.17

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...