5.9.17

Don Primo Mazzolari


 
1.      Il-bniedem numru ta’ drabi jagħżel fejn ser iservi, drabi oħra jiġi lilu magħżul, biċ-ċirkostanzi, b’ħidmet bnedmin oħra.  Ħafna oħrajn isibu taħlita bejn it-tnejn.  Jixtiequ jmorru naħa u jsibu ruħhom meħuda naħa oħra.  Jixtiequ li d-direzzjoni tkun naħa, mentri jsibu ruħhom jimxu f’toroq opposti u differenti minn dak li riedu.  Il-bniedem jaf li jista’ jagħżel li jservi u jista’ li jisserva bl-oħrajn.  Meta jaqbad il-linja li jkun għas-servizz tal-proxxmu jsir jaf li ħajtu tinbidel, tikber, tissaħħaħ u titkattar.  Però hija ħajja mikxufa għall-elementi umani u mhix għall-irdoss wara ħajt tas-sejjieħ.

2.      Tul il-ġimgħat li għaddew, il-Papa Franġisku mar f’Bozzolo, raħal żgħir taħt Mantova fl-Italja, jonora l-memorja ta’ saċerdot uniku li ċert li ftit jafu bih, Don Primo Mazzolari.  Imwieled żewġ sekli ilu, fit-13 ta’ Jannar 1890 u ġie nieqes fit-12 ta’ April 1959.  Serva ħajtu kollha bħala kappillan ta’ dan ir-raħal ċkejkuni.  Hemm kiteb diversi kotba, kien preżenti għall-poplu, anti-faxxista, parti mill-moviment partiġġjan u, fuq kollox, vuċi favur dawk l-iżjed l-isfel fis-soċjetà.  Mhux mifhum minn uħud, senjatament għal perjodu partikolari, anke mill-istess Knisja.  Imma maż-żmien ġie apprezzat ferm iktar milli wieħed jista’ jaħseb.  Il-Papa Pawlu VI, li jibqa’ għalija dawl uniku, kien qal dwaru: “Camminava avanti con un passo troppo lungo e spesso noi non gli si poteva tener dietro.  E così ha sofferto lui e abbiamo sofferto anche noi.  È il destino dei profeti”.

3.      Kien, f’ħafna, profeta għal żminijietu.  Seta’ jħares il-bgħid minn ħafna u fit-tul.  Kif qal il-Papa Franġisku, kienet profezija li seħħet fl-imħabba lejn żmienu, li jorbot ħajtu mal-bnedmin li kien jiltaqa’ magħhom li jaqbad kull okkażjoni u opportunità biex ixandar il-ħniena ta’ Alla.

4.      Kien f’dan il-bniedem għas-servizz tal-bniedem.  Għax għaraf li jrid jimxi barra mill-knisja fejn kien iservi.  Għax jekk il-poplu ma kienx qiegħed jidħol fl-għatba tagħha, allura kellu jieħu ħsieb jara għala, jfittex ir-raġunijiet u l-bżonnijiet.  Imur hu fejn hemm il-proxxmu biex jifhem u jiġbdu lejh.  Għax in-neċessitajiet materjali umani huma fihom infushom huma wkoll strumenti għas-sewwa.  Fejn wieħed iħares ‘il quddiem billi jagħraf il-problemi tal-preżent.  Hekk kien hu.  Bniedem miftuħ u ta’ eżempju, sija fil-kamp strettament spiritwali, kif ukoll f’dak soċjali u politiku.  Kien hu li rrifjuta jkanta t-Te Deum meta attentat fuq ħajjet Mussolini falla.  Kien hu li proprju minħabba l-ideat demokristjani spiċċa l-bniedem li sparaw fuqu l-faxxisti.  Għax min huwa nisrani ma jistax ikun faxxist.

5.      Don Primo Mazzolari sirt naf bih meta fl-1986, waqt li kont preżenti għall-Kungress tad-Demokrazija Kristjana Taljana f’Ruma kont xtrajt librett fejn kien hemm miġbura numru ta’ ideat politiċi tiegħu bl-isem “Note Politiche 1945-1948”.  Kont qrajtu u influwenzani.  Għarfien li kabbart meta, fortunatament, iltqajt mal-mibki maħbub Kapuċċin William Axiaq.  Patri William kellu l-kollezzjoni sħiħa ta’ kitbet Mazzoolari, stivati wieħed wara l-ieħor preċiżi fuq xkafef li kelli suspett li saru apposta għal dawn il-kotba.

6.      Mingħandu ssellift u stajt naqra u nifhem ferm iktar kif saċerdot jista’ jkun għas-servizz tal-proxxmu mingħajr ma jispiċċa parti mill-politika partiġġjana.  Fil-ktieb “Lettere al mio parroco” jibda billi jistaqsih hekk: “Dovrò anche occuparmi di politica?  Non si spaventi.  Il mio parroco non si dovrà occupare di politica, ma dovrà giudicare la politica quando verrà davanti alla sua coscienza di Cristiano e di pastore.  Non giudicherà il particolare, l’accessorio, la tecnica; ma l’ispirazione, la finalità, l’onestà del mezzo cadono sotto la coscienza Cristiana di cui il parroco è un eco e una difesa”.

7.      Meta taqra dan tifhem iktar kemm ħidmet il-bniedem fis-saċerdozju tibqa’ waħda rilevanti u bżonnjuża fis-soċjetà moderna tagħna.  Waħda li tispirana u tiggwidana fid-diffikultajiet u l-kumplikazzjonijiet li aħna, li qed nippruvaw nimxu t-triq, insibu.  Don Primo Mazzolari jibqa’ uniku.  Ħalla marka warajh għal bnedmin tal-ġenerazzjoni tiegħu.  Ħasra li f’dinja dominata minn ideat anti-Kristjani, il-vuċi u l-ideat tiegħu ma jinġabrux u jiġu apprezzati mill-ġdid.


No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...