14.3.16

Kwistjoni ta’ valuri.



1.     Nisma’ u naqra mingħand persuni varji fuq il-valuri tas-soċjetà u fuq tagħhom.  F’pajjiż fejn il-maġġoranza hija magħmula minn bnedmin twajba u minn dik ir-rieda ħafna drabi jaħsbu li qed jisimgħu dak li ma jkunux.  Jaħsbu li meta xi ħadd jitkellem dwar valuri qiegħed jirreferi għal dawk insara.  Ir-realtà hija kompletament il-kontra.  Il-problema hija wkoll li ħadd ma jistaqsi lil dak u lill-ieħor x’tip ta’ valuri jħaddan.

2.     Għax hemm min jaħseb li bħalma r-regoli, il-liġijiet tal-pajjiż jistgħu jbiddlu b’maġġoranza parlamentari, daqshekk ieħor jistgħu jinbidlu l-valuri u l-kodiċijiet ta’ etika.  Hemm ordni fid-dinja, hemm esperjenza umana twila li turi biċ-ċar x’sarraf u ma sarrafx għa-tajjeb li ħafna jinjoraw.  Jaħsbu li jistgħu jivvintaw dak li ilu ppruvat bħala żbaljat u jerġgħu jmorru lura għalih.  Jimxu lura, mingħalihom li sejrin ‘il quddiem fil-progress mentri marru lura fir-rigress.

3.     Hemm min f’dan jimmaġina li għandu jġib ruħu fil-poter b’kemm ikollu voti, kunsensi u maġġoranzi warajh.  Iktar ma jkollhom, uħud mingħajr esperjenza jħossuhom li jistgħu jimponu, jimxu bl-id tal-arroganza u ma jagħtux każ.  Ma jħarsux warajhom biex jagħtu rendikont ta’ dak li qegħdin jagħmlu bil-mandat elettorali li ngħataw.  Min huwa fil-poter demokratiku jrid jifhem li dak kollu li jwettaq, dak li jagħmel u dak li ser jipprospetta jrid ikun kemm jista’ jkun trasparenti.

4.     L-esperjenza politika u parlamentari hija f’dan element essenzjali.  Argument sod kontra t-teknokrazija hija proprja din.  Li min jiġi maħur f’karigi ministerjali ma jkollux għarfien tal-istituzzjonijiet demokratiċi u anqas ma jkun sensittiv biżżejjed għal dak li l-elettorat irid.  L-esperjenza turi kontinwament li min jiġi minn barra jispiċċa jieħu l-gambetti li huwa stess ma jagħrafx.  Jidħol fihom mingħajr ma jirrealizza proprju għax ir-responsabbiltà politika tieħu l-ħin tagħha biex timmatura f’moħħ il-bnedmin.

5.     Il-valuri nsara f’dan ħallew il-marka tagħhom fis-sistema demokratika u politika tal-Unjoni Ewropea.  Ftit huma dawk li jistgħu jargumentaw il-kontra.  Biex sistema timxi hemm bżonn li jkollha f’qalbha u f’moħħha l-onestà, il-verità, is-serjetà, l-integrità, il-ħniena u l-ġustizzja.  Meta tarmi jew tiskarta partijiet minn dan it-tessut demokratiku allura l-affarijiet imorru lura.  Mhux biss, imma l-istess poplu, l-elettorat isemma’ leħnu l-kontra.

6.     Hemm min jimxi mal-linja li l-votant flus f’idejh irid.  Li jekk l-ekonomija tkun sejra tajjeb, allura tista’ tagħmel li trid għax kull persuna ser tibqa’ siekta.  Mentri l-esperjenza politika turi li l-pajjiż iħares lejn ir-rettitudni morali.  Iħares li jkolu bnedmin li jista’ jafda bil-kaxxa u bl-eventi tal-pajjiż.  Mexxejja li, anki jekk kellhom diversi avversitajiet ekonomiċi, baqgħu retti u dritti, baqgħu rispettati.  Il-valuri nsara f’dan jgħallmu u jagħtu direzzjoni.

7.     Ngħid dan għax dan il-Gvern mill-mument li ġie mqiegħed fis-siġġu tal-poter beda jimxi bis-sistema tal-pjaċiri, tal-klijenteliżmu, tal-preferenzi esaġerati.  Flok serva u qiegħed lilu nnifsu bħala strument ta’ sewwa u ġustizzja mar għal affarijiet oħra.  Biex mingħalih iżid il-kunsensi politiċi b’atti li huma fihom infushom ħżiena proprju għax jagħtu lil min ma ħaqqux dak li huwa ta’ oħrajn.  Biss, ladarba tibda tibqa’ sejjer.  Ladarba titwieled fuq is-sieq il-ħażina tibqa’ hemm.

8.     Dan huwa li qiegħed jiġri issa wara tlett snin ta’ dan il-Gvern ġdid, progressiv u movimentat.  Illum wara nofsinhar, fuq it-taraġ ta’ Kastilja, ser tiġi organizzata attività li tipprova tibgħat il-messaġġ li l-atti żbaljati li qed naraw, ta’ korruzzjoni, għandhom jieqfu immedjatament.  Din mhix waħda tal-partit imma hija nazzjonali.  Hija sejħa għall-bnedmin ta’ rieda tajba li ma jridux li l-pajjiż, ikun min ikun fil-Gvern, imexxi kif qiegħed.  Sejħa għas-sewwa sabiex il-fiduċja fit-tmexxija tal-pajjiż minn politiċi tkun hekk – waħda bażata u ispirata fuq il-valuri nsara.  Għax hija dejjem, fl-aħħar mill-aħħar, kwistjoni ta’ valuri.




No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...