14.3.16

Kull ġurnata hija Jum il-Memorja


1.     Ftit jiem ilu waqafna sabiex infakkru l-Jum tal-Memorja, ix-Shoah.  Niftakru f’dak li ħutna Lhud għaddew minnu tul l-aħħar gwerra dinjija.  Għax it-trapass taż-żmien ma għandu, bla ebda mod, inessina minn dak li seħħ fil-kampijiet ta’ konċentrament nażisti varji.  Għax għalkemm għal certi eventi tad-dinja iservi biex inessi, ifejjaq u jirrikonċilja, dan ma jistax jgħodd għal dan il-ġenoċidju.

2.     L-atroċitajiet, is-sistema djabolika li biha sitt miljun persuna nqatlu, ma jistgħux ma jżommuniex nieqfu u nifhmu kemm iż-żerriegħa tax-xenofobija, tar-razziżmu u anti-semitiżmu hija sterili u perikoluża.  Dak li ġara fil-Ġermanja u fl-Italja huma eżempji ta’ kif popli twajba, ħawtiela, onesti bi prinċipji ta’ rettitudni, jispiċċaw jinħakmu minn mexxejja populisti, minn persuni fuq il-lemin estrem u japprovaw dak li ma għandhomx.  Sfortunatament diversi nħakmu minn dan.

3.     Hemm żerriegħa ta’ ħażen, li tinżera’ proprju minn punti żgħar, diskors żejjed, aġir żbaljat li jnibbet iktar il-quddiem l-irwiefen tal-mibgħeda.  Għalhekk, kull soċjetà demokratika għandha tibni fiha l-bilanċ bejn id-dritt tal-libertà tal-espressjoni u, fuq in-naħa l-oġra, l-penalizzazzjoni ta’ diskors li jsir biex isaħħan, ixewwex jew jinkoraġġixxi bnedmin oħra biex jaġixxu b’mod żbaljat fil-konfront ta’ minoranzi.  Il-libertà tal-espressjoni hija dritt li kollha għandna, però m’għandniex nużawha sabiex inkabbru mibgħeda kontra dawk li mhumiex parti  mis-sewwa.  Bħalma anqas ma għandna nippermettu li jsir diskors żbaljat fil-konfront tar-reliġjon.

4.     Hemm f’dan il-bżonn dejjem ta’ informazjoni u edukazzjoni.  Ħidma li l-midja f’pajjiżna hemm bżonn li tagħmel.  L-ewwel, b’iktar dokumentarji, diskussjonijiet u analiżi ta’ dak li seħħ taħt in-nażiżmu u l-faxxiżmu ta’ kemm kienu verament żbaljati u li ma għandhomx jiġu ripetuti.  Għax hemm bżonn li jiġu preżentati l-fatti b’mod ċar u li ma jħallix dubju f’ras ċerti nies li jitħawdu jew jinħakmu minn falsitajiet.

5.     It-tieni, li nibdew naraw iktar awto-dixxiplina u kontroll minn min jikteb u jirrapporta sabiex ma nagħmlux minn argument żbaljat wieħed li jista’ jkollu xi bażi, sempliċement għax għandna bżonn inbiegħu.  Il-liġijiet tagħna huma mekkaniżmu ta’ kontroll legali, biss huwa ferm iktar indikat li min juża d-dritt li jesprimi ruħu, ma jisparlax.  Iż-żerriegħa tal-mibgħeda razzjali trid tiġi miżmuma milli tieħu n-nifs, inkella tattakka d-demokrazija.  Għax huwa fl-interess tagħna li nkomplu ngawdu u nħaddmu l-mekkaniżmi kostituzzjonali li għandna mingħajr ma nitilfuhom.  L-esperjenza tat-Tieni Gwerra Mondjali għandha tfakkarna li d-diskors intolleranti ġieb fix-xejn id-demokrazija, qered diversi ħajjiet u ġieb miegħu straġi sħiħa.

6.     Li nfakkru x-Shoah huwa essenzjali sabiex nifhmu dak li għaddew minnu ħutna l-Lhud, però wkoll sabiex nifhmu x’inhuma l-elementi essenzjali ta’ sistema demokratika b’saħħitha.  Essenzjali u attwali anki llum li nkunu magħquda kontra dan l-aġir anti-uman li jiżra’ biss il-banalità tal-ħażen.  Għax għalkemm għadew is-snin għandna xorta obbligu morali u legali li nkomplu nfakkru.  Jekk irridu iktar sewwa u verità rridu niftakru li kull ġurnata hija Jum il-Memorja.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...