14.3.16

L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern ma jwebbisx rasu u jimplimenta miżuri b'saħħithom fit-twaqqif mill-ġdid tat-Tribunal Industrijali.

Rapport N-Nazzjon Taghna.

Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici

L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern ma jkomplix iwebbes rasu u jisma' lill-Oppożizzjoni, lill-korpi u l-partijiet involuti li qed jappellaw lill-Gvern għal bidliet radikali u serji fit-twaqqif mill-ġdid tat-Tribunal Industrijali li bħalissa jinsab wieqaf quddiem sentenza Kostituzzjonali li stabbilit li t-Tribunal kif inhu llum ma jistax jibqa' jiffunzjona. L-Oppożizzjoni appellat għal miżuri permanenti u b'saħħithom, u mhux temporanji.

Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici, Kelliem dwar ix-Xogħol, Relazzjonijiet Industrijali u Drittijiet tal-Ħaddiema, saħaq fil-Parlament fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, li l-Oppożizzjoni trid liġi aħjar milli hi llum għax kif qed tiġi proposta fl-emendi mressqa, mhix aċċettabbli.
Fisser li anke korpi kostitwiti tkellmu kif dan l-Abbozz ta' Liġi kif imressaq mill-Gvern, sar fi spirtu ta' emerġenza, u li kif sar diġà, xi ħadd jista' jerġa' jattakkah fil-Qorti.

Appella biex illum, inħallu barra mid-dibattitu dwar ta' min hu t-tort b'rabta mas-sitwazzjoni li jinsab fiha dan it-Tribunal. Irrimarka li dan hu Tribunal li twaqqaf fl-1979 minn Karmenu Mifsud Bonnici, u wara li saru diskussjonijiet fl-2002, taħt ir-responsabbiltajiet ta' Lawrence Gonzi bħala Ministru f'dak iż-żmien, u meta kienu saru qabżiet ġodda fil-liġi. Fakkar li dakinhar, il-partijiet involuti fit-tmexxija ta' dan it-Tribunal ma ridux iċaqilqu t-Tribunal minn kif kien stutturat għaliex kien sar l-argument li jekk qed jaħdem, ma jinbidilx.

Saħaq ukoll li x-xenarju llum inbidel b'sentenza Kostituzzjonali għal kawża li ppreżentat il-General Workers' Union, u li l-union rebħet is-sena li għaddiet u li ġie dikjarat li t-Tribunal Industrijali mhux formulat skont il-Kostituzzjoni.

Quddiem din is-sitwazzjoni, Carm Mifsud Bonnici saħaq li hemm bżonn li niddiskutu l-Att sħiħ dwar il-Liġi Industrijali, u li l-miżuri jsiru malajr u ma jkunux kontra l-Kostituzzjoni. Ikkritika li l-emendi mressqa mill-Gvern ma sarux tajjeb għaliex saħaq li hemm bżonn li nidħlu aktar fil-fond hekk kif l-Oppożizzjoni lesta tikkopera biex l-emendi jsiru sew.

Spjega wkoll li l-partijiet soċjali li l-Oppożizzjoni tkellmet ukoll magħhom, ukoll ikkonfermaw li l-liġi kif proposta minn dan il-Gvern trid tinbidel.

“Din hi sitwazzjoni li ħadd m'għandu jaħrab minnha jew li jagħmel xi ħaġa ta' malajr u mbagħad naraw 'il quddiem”, saħaq Carm Mifsud Bonnici li spjega li kif proposta l-liġi mill-Gvern mhix qed tagħlaq il-partijiet kollha li l-Qorti tal-Appell stabbiliet. Filwaqt li qal li hu tajjeb li qed isiru diskussjonijiet mal-partijiet soċjali, irrimarka li d-diskussjonijiet għadhom ma mmatterjalizzawx f'xi ħaġa konkreta.

Fakkar li f'Ottubru li għadda, fid-dibattitu dwar il-Baġit, kien irrimarka li din is-sentenza mill-Imħallef Anna Felice tista' tkun ikkonfermata fl-Appell, u li tista' toħloq kriżi. Fakkar li kien ippropona li jibdew it-taħditiet fuq din il-liġi.

Ikkritika lill-Gvern li ma ħax din l-offerta u llum għandna stat ta' nkwiet għaliex it-Tribunal Industrijali hu wieqaf. Appella li kull ċaqliq li jsir fi ħdan dan it-Tribunal isir biss b'emendi li jirriflettu dak dikjarat fis-sentenza Kostituzzjonali.

Fil-waqt li reġa' offra l-id tal-Oppożizzjoni, Carm Mifsud Bonnici kkritika wkoll l-argument tal-Gvern li qed kontinwament  twasal il-messaġġ li l-Oppożizzjoni ma tistax titkellem dwar dawn l-emendi għax dawn ma sarux meta l-Oppożizzjoni kienet fil-Gvern.
Spjega li fl-amministrazzjoni preċedenti ma kienx hemm il-kunsens ta' kulħadd, filwaqt li llum dan il-Gvern ukoll qiegħed jistenna l-kunsens kemm ta' min iħaddem kif ukoll tal-unions.

Fakkar li l-Gvern ilu jaf mid-19 ta' Ġunju tas-sena l-oħra li seta' jiġi fis-sitwazzjoni tal-lum. Iżda llum, il-Gvern qed jiddefendi s-sitwazzjoni li jinsab fiha u jwaħħal fl-amministrazzjoni preċedenti f'sitwazzjoni ta' kawża li bdiet fl-2008 u spiċċat is-sena li għaddiet.

Id-Deputat Nazzjonalista saħaq li hu llum, li hemm din is-sentenza Kostituzzjonali, li bilfors irid ikun hemm leġiżlazzjoni emendata u li tkun tajba.

Wara djalogu mal-partijiet soċjali, l-Oppożizzjoni qed tipproponi li t-Tribunal Industrijali għandu jmur fuq linja li jitmexxa minn Maġistrat u żewġ persuni li jirrappreżentaw lil min iħaddem u lill-unions.

Quddiem is-sentenza tal-Qorti tal-Appell li attakkat erba' punti prinċipali, Carm Mifsud Bonnici qal li l-emendi kif saru llum mill-Gvern mhux qed jattakkaw fil-fond il-problema ta' tribunal indipendenti u imparzjali.

Il-ħatra ta' Maġistrat fuq dan it-tribunal jagħti fiduċja ta' imparzjalità tal-partijiet li jidhru quddiemu. Spjega wkoll li l-Oppożizzjoni qed tressaq il-kunċett ta' Tribunal Amministrattiv għaliex illum dan diġà għandu track record tajba, b'membru tal-ġudikatura u b'żewġ  membri oħra.

Saħaq li dak li qed jiġi propost mill-Gvern illum mhux sod u hemm bżonn li jsir aktar titjib. Dan quddiem sistema ġudizzjarja li tifhem li t-Tribunal Industrijali mhux qed jffunzjona, kwantità kbira ta' nies mhux qed jingħataw rimedju, u meta l-kwistjonijiet industrijali huma weqfin. Wissa li kif huma ffurmati l-emendi tal-Gvern, nistgħu nerġgħu nsibu ruħna fl-istess sitwazzjoni li xi ħadd jisfida l-Kostituzzjonali

Appella għal bżonn ta' struttura aktar qawwija lit-Tribunal Industrjiali fi żmien meta hemm kwistjonijiet li qed ibaqbqu bħalma huma l-inċertezza tal-ħaddiema fid-De La Rue, il-ħaddiema tal-Air Malta, u ħafna oħrajn li qegħdin fil-prekarjat.

Staqsa jekk il-Gvern hux lest li jibdel aktar mill-Abbozz ta' Liġi ppreżentat diġà fil-Parlament għax saħaq li dan hu l-mument opportun li jiġi assigurat li ma jkunx hemm dubju fuq min qed jippresiedi t-Tribunal, bil-Gvern ma jkollu ebda forma ta' id li jista' jbiddel in-nies fit-Tribunal fuq xi pressjoni li tista' ssirlu.

Jidher ċar, saħaq Carm Mifsud Bonnici, li skont l-emendi tal-Gvern, il-liġi tista' terġa' tiġi attakkata b'kawża kostituzzjonali li terġa' twaqqaf il-proċess kollu kemm hu. Dan mhu fl-interess ta' ħadd.

Saħaq li llum għandna opportunità tad-deheb biex nibdlu l-liġi b'mod radikali u b'mod tajjeb biex inwieġbu għas-sentenza Kostituzzjonal u biex jiġu indirizzati l-garanziji kontra l-pressjonijiet minn barra, il-kwistjoni ta' żmien u kif jinħatru l-membri tat-Tribunal.


Appella biex fi stadju ta' Kumitat dwar dan l-Abbozz ta' Liġi li qed jippreżenta l-Ministru Owen Bonnici, il-pożizzjoni tal-Gevrn tkun flessibbli biex naslu f'pożizzjoni li biha nassiguraw li ma jkollniex  il-biża' li l-liġi terġa' tiġi attakkata, jew għal darb'oħra mwaqqa' lura.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...