7.3.17

D-Demokrazija Hija l-Aqwa Sistema.


 
1.      Nhar l-Erbgħa li għaddew tlaqna warajna l-karnival u bdejna żmien ir-Randan Imqaddes.  Stajt ninnota numru sew ta’ Maltin u Għawdxin li ma ħallewx il-jum jgħaddi.  Diversi attendew għall-funzjonijiet reliġjużi.  Il-knejjes ta’ pajjiżna kienu, fil-maġġor parti tagħhom, mimlija tajjeb.  Imfittxija minn persuni ta’ rieda tajba li jippruvaw jagħrfu iktar l-iskop tal-ħajja tagħhom, u fl-istess ħin iqegħdu lilhom infushom għas-servizz tas-sewwa.  Li, fuq kollox, jirrealizzaw li trab konna, aħna, u għad nerġgħu nsiru f’dan il-passaġġ tal-eżistenza umana tagħna.



Nies tal-affari tagħhom



2.      It-temporanjetà tal-ħajja tibgħat, għal ħafna, messaġġi varji.  Iktar għarfien f’dak li qiegħed isir u kemm wieħed għandu jkun attent u bilanċjat biex ma jorbotx lilu nnifsu ma’ ħwejjeġ din id-dinja fix-xejn.  Fuq in-naħa l-oħra hemm dawk li għadhom, b’xi mod, ulied il-materjaliżmu marxista li jaġixxu differenti.  Fir-realtà però, f’dawn il-gżejjer, uliedha huma nies tal-affari tagħhom.  Bnedmin li jħaddnu l-onestà u jimmiraw lejn is-sempliċità u l-essenzjal f’din il-ħajja.  Fejn il-kumplikazzjonijiet, it-taħwid, it-tgħawwiġ m’huwiex bażikament parti minn dak kollu li aħna.



Demokrazija, ekonomija



3.      F’dan, wieħed jifhem iktar kemm irridu nkunu attenti u diretti f’dak li jirrappreżentaw l-istituzzjonijiet demokratiċi u s-sistemi ekonomiċi li nħaddnu.  Dawn, għalkemm addattaw għal ċirkostanzi varji, m’humiex limitati għas-servizz tal-magħżula.  Dawn m’humiex hemm għal dawk li “kapaċi”, minħabba l-konnessjonijiet politiċi varji tagħhom, japprofittaw ruħhom.  Huma għas-servizz ta’ kull ċittadin f’dawn il-gżejjer.  Ma hemmx dubju li d-demokrazija hija l-aqwa sistema li tagħti dinjità, libertà u ġustizzja lill-bnedmin.  Biss, trid titħaddem mhux bil-pezzi bukkuni, imma fis-sħiħ tagħha.  Min qiegħed fil-poter għandu d-dmir li jagħmel dak li jaqbel lill-poplu, u mhux dak li jaqbel lilu nnifsu.  M’għandux jaħbilu, jew jidħak bih.  Anqas ma għandu jkun inġust u jimxi bil-preferenzi klijentelari.



Tqassim inġust



4.      Anki s-sistema ekonomika tagħna, li hija mudell kapitalista, ma tista’ tiġi mħaddma għall-ftit.  Ma hemmx dubju li din hija l-aħjar sistema li trendi l-iktar ġid.  Għandha, però, dawn l-elementi essenzjali.  L-ewwel, li hija “newtrali” u tiddependi mill-qafas tal-liġijiet li topera fihom.  It-tieni, wieħed irid jassigura li, fit-tħaddim tagħha, min huwa parti mill-produzzjoni ma jiġix sfruttat, imma rispettat fil-ħidma tiegħu.  It-tielet, u l-iktar importanti, li jkun hemm it-tqassim ġust tal-ġid li jirnexxilha toħloq.  Min qiegħed fil-poter ma jistax jinjora dan u jabdika mir-responsabbiltà tiegħu li jikkontrolla.  Illum għandna diversi persuni fil-klassi tal-ħaddiem li qegħdin jiġu sfruttati u għandna l-konsegwenza li dan qed iġib tqassim inġust tal-ġid ekonomiku.



Limiti ta’ deċenza



5.      Sfortunatament, kif qed naraw u nisimgħu, hemm ċaħda min-naħa tal-amministrazzjoni dwar dan in-nuuqas kollu.  Il-pagi f’pajjiżna jixhdu preċiż dan l-abbuż.  Għandna, fil-fatt, parti mis-settur privat li qegħda tħaddem lill-ħaddiem fil-prekarjat u bl-inqas salarju u kundizzjonijiet li għalihom xejn ma huwa jsir mill-Gvern biex jiġu kkontrollati u l-ħaddiem protett.  U terġa’, fis-settur pubbliku għandna żewġ skandli abbużivi u distruttivi.  L-ewwel, ġabra ta’ ħaddiemu jitħallsu taħt skema fl-agħar forma ta’ sfruttament immexxija bil-kunsens tal-Gvern minn union tal-ħaddiem.  It-tieni, b’kuntrast, xmara twila ta’ kuntratti tax-xogħol lil dawk li huma magħżula, li jaqbżu kull limitu ta’ deċenza.



Tkissir skandaluż



6.      Dan huwa poplu li fi l-maġġor parti tiegħu jrid u qiegħed jaħdem għas-sewwa.  Jipprova jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum bis-sewwa u jħossu insulentat u mkasbar meta jara li ħaddieħor qiegħed jingħata pagi qawwija u huwa, minflok, iduq il-pett taż-żarbun.  Hawn inġustizzja skandaluża li għaliha ma hemmx reazzjoni, anzi tolleranza assoluta.  Dan qiegħed iġib tkissir fit-tessut soċjo-ekonomiku tagħna.  Kif għallem il-Papa Franġisku reċentement: “In the papers there are so many scandals and there is also the great publicity of scandals.  And with the scandals there is destruction”.



Widnejn torox



7.      Dan huwa li qiegħed idejjaq lill-poplu llum.  Dawn l-iskandli kbar li huma kollha frott tat-tħaddim żbaljat tad-demokrazija u tas-sistema ekonomika tagħna.  Dan huwa l-messaġġ dirett, ċar u sempliċi li qiegħed jiġi ndirizzat lejn il-poteri temporanji tal-lum.  Messaġġi li għalkemm jingħadu sew, qed jaqgħu fuq widnejn torox.  Anzi, biex jiżdied l-oltraġġ, qed naraw minflok min jipprova jibbumbarda b’kontromessaġġi komplikati, inutili u li jippruvaw biss jieħdu l-attenzjoni minn dan l-istat tal-affarijiet.  Nifhmu li l-Gvern għandu vantaġġi qawwija fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni għax jikkmanda u għandu l-mezzi finanzjarji.  Biss, dan m’għandux il-poter li jaqleb il-ħażin f’sewwa, l-inġust f’ġust, il-gideb f’verità u l-iskandli f’normalità.



Sempliċità mhux kumplikazzjoni



8.      Hemm varjetà ta’ kif taljena ‘l-poplu.  Hemm, anzi, mezzi sofistikati ħafna llum.  Imma wara li jkunu nstemgħu l-messaġġi.  Wara li jkun hemm l-impatt medjatiku li Marshall McLuhan jiddeskrivi fil-kliem: “The medium is the message”, xorta l-bnedmin ta’ din l-art ifittxu s-sempliċità u mhux dak li huwa kumplikat.  Ifittxu, kif qegħdin, biex jagħrblu sewwasew x’qiegħed isir mill-Gvern tal-ġurnata u jifhmu l-impatt negattiv tiegħu.  Għad għandna soċjetà li, fil-maġġoranza tagħha, tfittex dak li huwa veru u mhux dak li jippresta ruħu ta’ hekk.  Għandna bnedmin iffurmati tajjeb, li jafu li dak li dawk li huma l-iskandli attwali huma distruttivi.  Proprju għalhekk li l-fiduċja tagħna tibqa’ fil-bnedmin ta’ rieda tajba li jikkomponu din is-soċjetà għax kapaċi jfittxu u jsibu l-verità

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...