26.1.17

Opra Unika.


 
1.      M’huwiex xi anniversarju partikolari li jmexxini nikteb dan l-artikolu.  Dan huwa biss rikonoxximent umli għal ħidmet bniedem, saċerdot li tul ħajtu stinka u ħalla warajh wirt uniku, li però nsibu minsi wisq minna.  Forsi l-jiem, forsi l-ftit ħin ta’ mistrieħ jerġgħu jġibu wħud bħali biex jaqraw mill-ġdid siltiet mill-aqwa u l-isbaħ ktieb, li l-bniedem għandu: il-Bibbja.  Iktar u iktar għalina li għandna żewġ traduzzjonijiet mimlija b’attenzjoni li jqegħdulna l-pjaċir li naqrawhom, nifluhom u nqabbluhom.

2.      Insibni ninġibed l-iktar lejn ħidmet il-Professur Pietru Pawl Saydon, li kien huwa li, waħdu u mingħajr għajnuna, witta t-triq.  Li kien hu li bl-għerf u bl-istudju li daħal għalih, qaleb għal-lingwa tagħna mit-testi oriġinali miktuba bil-Lhudi, Grieg u Aramajk it-testmenti.  Mhux mil-Latin, anki jekk kien jippossjedi din il-lingwa tant tajjeb.  Opra unika li, ħafna drabi, waqt li qed naqraw ninsew nagħtu ġieħ lil dan il-bniedem umli, ċar, dirett, mogħti għall-istudju u li kien ta’ ftit kliem.  Kitba li ħadet iż-żmien tagħha, issir fil-kwiet f’dik id-dar li kellu f’Bengħisa maqtugħa mid-dinja mingħajr qanpiena, mingħajr telefon jew radju.

3.      Kien uniku, u daqshekk ieħor kitbietu.  Il-Bibbja ta’ Saydon, li s-Soċjetà tal-MUSEUM ħadet ħsieb li tagħtiha d-dawl pubbliku, fiha valuri partikolari.  L-ewwel, hija l-frott ta’ bniedem li kien espert fis-suġġett.  Filologu rikonoxxut b’diversi artikoli speċjalizzati dwar l-Iskrittura Mqaddsa.  Li attenda diversi laqgħat internazzjonali.  Li kellu wkoll it-teoriji oriġinali tiegħu, bħal dik magħrufa bħala l-“iscroll theory” li tispjega kif inħolqu ċerti traspożizzjonijiet f’ċerti kotba, fosthom Isaija u Ġeremija.

4.      It-tieni, għandha espożizzjoni unika b’kelmtejn spjegattivi qabel kull kapitolu u b’noti f’qiegħ il-paġna, speċjalment f’dawk tal-Ittri ta’ San Pawl, li t-tnejn jgħinu ferm lill-qarrej biex jifhmu t-test fejn dan m’huwiex proprju ħafif.  It-tielet, huwa kontribut dirett lejn il-lingwa tagħna għax wera li l-lingwa tippresta ruħha, li fiha għażel kliem preċiżi u li, terġa’, kabbar b’neoloġiżmi bi kliem ġdid imfassal diversi drabi fuq għerq ta’ kelma Għarbija.  Ir-raba’, it-traduzzjoni fiha nfisha hija ġawhra ta’ stil letterarju u lingwistiku.

5.      Dan m’huwiex, kif għidt, anniversarju.  Huwa, però, l-ewwel rikonoxximent għal ħidmet dan il-bniedem.  Kif ukoll ta’ persuni bħalna li ddedikaw ħajjithom għall-istudju li llum il-ġurnata għad għandna l-bżonn tagħhom.  Il-Professur Saydon kien jaf jitkellem bi ħmistax-il lingwa, fosthom l-Isvediż, in-Norveġiż u l-Kopti.  Kien jonfoq ġidu fix-xiri ta’ kotba u ġurnali li bihom jassigura li qiegħed aġġornat.  Kien mimli b’imħabba għal-lingwa tagħna li mbotta t-twaqqif tal-Għaqda tal-Malti u l-ħruġ tal-“Leħen il-Malti”.

6.      It-tieni, huwa rikonoxximent tal-bżonn preżenti li jkollna iktar studenti li jitħajru jistudjaw il-lingwi varji, speċjalment il-Grieq u l-Latin.  Ta’ għarfien aqwa li l-lingwa tagħna, il-kultura li nħaddnu u li m’għandniex inżarmawha jew nitilfuha.  Ta’ aċċettazzjoni li għandna diversi teżori jistennew li jiġu mikxufa.  Tal-bżonn li nħajru aktar bnedmin jixtru, jissellfu u jaqraw dak li għandna għad-dispożizzjoni tagħna.  Tal-utilità li niflu mill-ġdid dan l-iskular qaddis.

7.      Għax kif fil-Ktieb tal-Qwiel insibu tant tajjeb, u tradott mill-Profs. Pietru Pawl Saydon: “Il-kburija tal-bniedem iċċekknu, iżda min jiċċekken, ikollu ġieħ”.  Minn qalbi, f’dan l-ewwel artikolu tas-sena, nawguralkom l-isbaħ xewqat ta’ Sena Ġdida mimlija b’qari miżgħud b’sens u sustanza.

No comments:

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...