12.1.17

Prudenza u Determinazzjoni.


 
1.    F’dawn il-jiem xitwin, in-natura tieqaf tistriħ tiġbor il-forzi tagħha.  Ħafna huma dawk is-siġar li jinżgħu mill-weraq tagħhom jistennew, anki bl-għajnuna ta’ żabra, il-bidla fl-istaġun.  Temp kiesaħ importanti.  Daqshekk ieħor ix-xita abbundanti.  Hemm ċiklu naturali li jrid, u anzi għandu jiġi rispettat.  Il-politika għandha minn dan ukoll.  Partit jidħol fl-istaġuni huwa wkoll.  Huwa proċess normali għalina wkoll.

Dedikazzjoni

2.    Hemm l-istaġun tal-Gvern u hemm dak tal-Oppożizzjoni.  It-tnejn huma għas-servizz tal-poplu.  It-tnejn huma importanti biex isaħħu, jibnu u jibdlu s-soċjetà.  Il-mument tal-Oppożizzjoni huwa wieħed li jitlob attenzjoni, preparazzjoni, rivalutazzjoni u awto-kritika.  Dak tal-Gvern ħwejjeġ oħra.  It-tnejn huma impenjattivi.  It-tnejn jesiġu dedikazzjoni kontinwa fil-ħin u fil-ħidma li trid issir sabiex wieħed jistenna l-istaġun tal-frott.

Proċess progressiv

3.    Fil-politika lokali dawn ir-regoli, għal min irid jeħodhom, jgħoddu sew.  Tul din il-leġislatura, li issa ser immissu mar-raba’ sena tagħha, dan qiegħed isir.  Proċess progressiv li jerġa’ jibni u jissoda.  Iktar u iktar fejn użajna l-prudenza u l-perseveranza biex nibqgħu persuni rilevanti.  Nibqgħu nwasslu l-messaġġ ta’ alternattiva kredibbli u li huwa differenti.  Wieħed li jrid ikompli jasal b’attenzjoni u bil-metodu t-tajjeb.  Mhux biss b’linja strateġika imma l-iktar, u fundamentalment, għax hekk hija l-linja t-tajba.

Vox populi

4.    Tul dawn ix-xhur din il-ħidma akkumulat sew.  Hija tressqet quddiem l-elettorat u permezz tagħha l-partit reġa’ żied fil-kunsensi tiegħu.  L-iktar fejn, bl-użu tar-raġuni, saru l-argumenti li għalihom il-Gvern m’għandux tweġibiet.  Anzi, iktar minn hekk, fejn ħareġ il-kuntrast bejn dak li l-partit fil-Gvern kien qiegħed jgħid fl-Oppożizzjoni u dak li huwa issa jwettaq f’ħidmietu.  Anki jekk nemmen li diversi qegħdin joqogħdu lura u jwieġbu l-kontra, fit-telefonati tal-Vox Populi l-indikazzjonijiet huma ċari.

Prudenza

5.    Hemm min żbaljatament jaħseb li l-politika ġewwa pajjiżna trid issir b’ħafna xenati, melodrama, reazzjonijiet sproporzjonati, rabji u għajjat.  Biss l-esperjenza turi proprju l-kontra.  Il-maġġoranza li minn elezzjoni għal oħra trid tinbena tiġi minn analiżi attenta, loġika u persważiva.  Kif jgħidu f’pajjiżna: ir-raġuni ma tridx forza.  Lezzjoni li trid tinżamm quddiemna għax hemm dejjem mumenti meta wieħed ikun ittantat imur il-kontra.  Proprju fuq hekk, kif jgħid il-persunaġġ ta’ William Shakespeare: “The better part of valour is discretion”.

L-appoġġ żdied

6.    Il-politika għandha f’dan tibqa’ ssir mill-politiċi.  Meta jafdaw ruħhom f’ħaddieħor, speċjalment min ma jkun qiegħed jorqod u jqum mal-poplu, jitilfu triqathom.  Mhux faċli tagħraf dan, imma d-diskrezzjoni tagħtik abbiltajiet aqwa biex tagħżel.  Proprju dan li sarrafna tajjeb biex il-Partit Nazzjonalista żied fl-appoġġ.  Żiedu għal żewġ raġunijiet prinċipali: l-ewwel għax il-Gvern tgeżwer wisq fl-arroganza bil-maġġoranza li għandu; u t-tieni għax hemm bżonn bidla fil-metodu politiku li jġib l-affarijiet  lura għas-sewwa.

Id-dgħajfa

7.    Hemm f’dan min jipperċepixxi żbaljatament li hemm xi forma ta’ dgħjufija.  Forsi jkun imħajjar jaħseb li l-politika t-tajba trid issegwi l-estremiżmi tal-lemin jew tax-xellug biex tkun b’saħħitha.  Biss, dan m’huwiex il-każ u dejjem nikkonsla mad-“dgħajfa” f’numru ta’ lezzjonijiet tal-ħajja.  L-ewwel, li min jaħseb li huwa b’saħħtu jkun fil-fatt dgħajjef u min dgħajjef ikun b’saħħtu.  It-tieni, f’dak li Aristotli kien qal: “The weak are always anxious for justice and equality.  The strong pay no heed to either”.  It-tielet, missierna San Pawl, fl-ittra lill-Korintin li fl-avversitajiet, fil-persekuzzjonijiet: “When I am weak I am strong”.

L-għeruq

8.    Qegħdin verament fix-xitwa, proprju fil-mument fejn l-għeruq demokristjani tagħna jissudawna.  Nistgħu nidhru minn barra li bħalissa m’għandniex weraq jew frott imdendel.  Biss, dan m’huwiex dgħjufija.  Huwa anzi mument ta’ preparazzjoni.  Jista’ jkun hemm min ikerraħna jew jipprova jċekkinna, biss l-art hija fertili ħafna għalina.  Proprju għax m’aħniex fl-ardità jew fl-isterilità tal-liberaliżmu u l-konservattiviżmu li bqajna forza progressiva favur il-ġustizzja soċjali.  Proprju għax bqajna partit bi prinċipji, li għadna kalamita qawwija għall-kunsensi elettorali.

Xemx tal-ġustizzja

9.    Meta nħarsu lura ma nistgħux ma naċċettawx li l-prudenza u d-determinazzjoni wassluna diġà parti mit-triq tagħna.  Jonqosna aktar ħidma attenta u bażata fuq l-għeruq tagħna.  Biss, dan ma jfissirx li progress ma sarx; anqas li m’aħniex telgħin lura fis-siġġijiet parlamentari.  Ifisser li qegħdin niġru t-tellieqa t-tajba lejn ix-xemx tal-ġustizzja.  Fix-xhur li ġejjin, dan sejrin inkomplu nwettquh.  Ikun żball min minna b’xi mod jaqta’ qalbu u daqshekk ieħor min jiġġudikana fuq id-“dgħjufija” tagħna.  Konvinti biss proprju fuq l-esperjenza passata li min jaħseb li huwa b’saħħtu huwa dgħajjef u min hu dgħajjef huwa b’saħħtu.


No comments:

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...