4.1.17

Sena ta’ Sfidi Partikolari.




1.     Proprju llum pajjiżna ser ikollu fuqu l-piż u r-responsabbiltà tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.  Ħdima għaliha fil-passat u għandna s-sodisfazzjon li narawha sseħħ quddiemna.  Ser ikun dan il-pajjiż li jrid jaffronta l-għeqiedi li tul dawn l-aħħar snin inġabru.  It-tmexxija, l-abbiltà fid-diversi setturi tal-politika u tal-amministrazzjoni ser jitqegħdu għal prova akbar.  Hija esperjenza unika li hija mimlija perikli politiċi.



Gvern imċarrat



2.     Għalhekk hemm ir-realtà li l-Gvern, bid-dimensjonijiet u l-limitazzjonijiet tiegħu, ser ikun imċarrat.  Imġebbed bejn il-problemi nazzjonali, li inevitabbilment iqumu, u dawl Ewropej.  Għax nagħrfu li deħlin għal baħar imqalleb li jista’ jara l-forza tal-irwiefen jiżdiedu sew.  Kemm aħna preparati għal dan, il-fatti ser ikunu l-prova finali.  Jekk għandniex bnedmin imbaskta u mħarrġa, il-futur ser jgħidilna.



Jiżloq fin-niexef



3.     Nittamaw li l-biżgħat ta’ xi wħud ma jseħħux.  Biss, tant hemm xi jsir u tant hemm linji ta’ komunikazzjoni twal li faċli li wieħed jiżloq fin-niexef.  Il-Gvern, jgħid x’jgħid, irid jammetti li għandu hawn żaqqu aktar ratba mis-soltu.  Ser ikun hemm min, fil-gazzetti u l-midja barranin, li jipprova jagħmel xalata mid-dnubiet venjali, u aktar u aktar minn dawk mortali.



Pressjoni politika



4.     Għalhekk nifhmu li l-pressjoni politika ser tkun ferm aktar għolja minn dik li hija diġà.  Ngħid dan għax hemm min forsi qiegħed jimmaġina li din hija xi forma ta’ passiġġata trankwilla.  Xi waħda mimlija b’opportunitajiet politiċi lifihom jittieħdu r-ritratti, jsiru l-konferenzi tal-aħbarijiet, fejn kulħadd ikun qiegħed jitbissem.  Is-sitwazzjoni ser tkun kompletament differenti u kull kelma li tingħad, kull mossa li ssir, kull laqgħa, jiġu studjati.



Id-dinamika qawwija



5.     Min kellu diġà l-esperjenza unika li jkun ministru fi ħdan il-kunsilli varji japprezza forsi ftit aktar.  Id-dinamika hija qawwija u kull min jippresjedi jsib ruħu mġebbed mal-irkejjen tal-Unjoni Ewropea.  U dan m’huwiex “sempliċement” il-Brexit Ingliża, imma hemm iktar li qiegħed ibaqbaq.  Ċert li l-partiti l-iktar viċin tal-lemin estrem ser ikomplu jilgħabu l-karti tagħhom, iktar u iktar jekk isibu li ma nistgħux inlaħħqu.



Attenzjoni kbira



6.     Iċ-ċirkostanzi huma proprju għalhekk ta’ attenzjoni kbira għalina li qegħdin fil-bankijiet tal-Oppożizzjoni.  Min jaħseb li ser noqogħdu nagħmlu xi ostakli jew tfixkil lill-Gvern qiegħed jiżbalja.  Bħall-każ tat-tarbija ta’ Salamun, m’aħniex lesti li narawha tinqasam.  Ser inżommu f’rasna li l-presidenza ħdimna u argumentajna favur tagħha meta kien hemm min ma ridhiex.  Anzi, kif kien hemm min fakkarni, li parti mill-proposta kuntrarja kienet bażata fuq il-ħsieb li m’aħniex kapaċi nilħqu l-livell u nwieġbu għas-sejħa.



Impona ruħu



7.     Ngħid dan minkejja l-fatt li fl-aħħar xhur tas-sena li għaddiet, il-Gvern ma tantx mexa bl-ingwanti mal-Oppożizzjoni.  Impona ruħu f’diversi ċirkostanzi, kien diffiċli, tkessaħ ukoll u anki jekk naqsitlu l-maġġoranza parlamentari, xorta ħa ħsieb li jkun hemm xamma evidenti ta’ arroganza politika.  Sinjali li ħadna ħsieb nosservaw u nassorbu fil-lewn tagħna.  Fejn il-lingwaġġ ma kienx proprju diplomatiku u anqas l-aġir ma kien qiegħed iħares fit-tul għal dak li ġej.



Id-demokrazija tibqa’ għaddejja



8.     L-id tal-kollaborazzjoni politika hemm xorta ser tkun.  Biss, ħidmietna fid-dmir tagħna li trid tibqa’ ssir.  Nittama li ħadd ma jippretendi li nagħmlu sitt xhur nistennew l-ewwel ta’ Lulju biex nagħmlu l-argumenti politiċi.  Il-pajjiż tagħna jrid jibqa’ għaddej normali.  Id-demokrazija trid tibqa’ titħaddem fl-organi sħaħ tagħha.  Il-Parlament jibqa’ jiltaqa’ regolarment.  L-interpellanzi jibqgħu jsiru, flimkien mal-interventi tagħna fil-Kamra u fil-Kumitati tagħha.



Il-Kungress tal-PPE



9.     Ir-responsabbiltà politika tagħna hemm kienet u ser tibqa’.  Hija sfida partikolari għalina żgur.  Fin-naħa tagħna anzi assigurajna, mertu tal-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu u l-ewro deputati tagħna, li jsir il-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew f’pajjiżna tul il-Presidenza.  Mument partikolari li fih innifsu biss jaf, kif nipprevedu, jkun determinanti għal pajjiżna.  Għax li ġġib daqshekk membri parlamentari Ewropej, kapijiet u uffiċjali ta’ partiti demokristjani f’daqqa fuq dawn il-gżejjer jiżblokka u jiffaċilita l-pożizzjonijiet li jittieħdu.



Pożizzjoni komuni



10.   Ir-riżultati tajba jew le ta’ dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena ma jibdewx u jispiċċaw hawn.  Dawn ser jibqgħu mwaħħlin magħna fis-snin li ġejjin.  Il-memorja istituzzjonali ma tantx hija ħanina jew taħfer.  Proprju għalhekk li f’din l-isfida partikolari, l-Oppożizzjoni tippretendi ferm aħjar mill-Gvern.  Tistenna żgur li għandha tiġi konsultata u aġġornata serjament fuq dak li jkun għaddej.  Li għalhekk, il-pożizzjonijiet politiċi li jittieħdu mill-Gvern ikunu komuni u mhux ta’ firda.



Kuruni tal-glorja



11.   Jista’ jkun hemm min jaħseb żbaljatament li dan m’għandux iwettqu.  Li għandu jibqa’ għaddej għal rasu għax jimmaġina li ser ikun mimli bil-kuruni tal-glorja fl-aħħar u li ma għandu jaqsamhom ma’ ħadd.  Imma l-esperjenzi politiċi ta’ oħrajn juru proprju l-kontra.  L-għaqal, il-prudenza jimbuttaw lejn iktar konverġenza, djalogu u trasparenza.  Kemm il-Gvern ser iwieġeb għall-okkażjoni f’din is-sena ta’ sfidi partikolari għad irridu naraw.  Mill-Oppożizzjoni nibqgħu nistennew u naraw, mingħajr ma nonqsu minn dak li l-poplu jistenna minna.  Ikun xi jkun, minn qalbi nawguralkom is-Sena t-Tajba, mimlija b’ħidma favur is-sewwa.




No comments:

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...