22.2.17

Dun Ġużepp Zammit.


 
1.      Tul il-ġimgħat li għaddew attendejt għall-funeral ta’ saċerdot Bormliż, fejn bi pjaċir smajt il-priedka mill-isbaħ u studjata li niseġ in-neputi dirett tiegħu, it-Tereżjan Patri Juan Debono.  Dun Ġużepp Zammit, wara ħajja ddedikata totalment għas-saċerdozju, għadda għall-ħajja ta’ dejjem.  Ġie msejjaħ lejn il-pajjiż li dejjem għaraf li huwa ċittadin tiegħu.  Kien bniedem magħruf sewwa ġewwa pajjiżna, b’mod partikolari u anke uniku ġewwa din id-dinja Bormla.  Persuna li tul din l-eżistenza ma abbandunax, kienu x’kienu l-avversitajiet, il-missjoni tiegħu, anke speċjalment lejn l-aħħar snin meta kien ċar li l-forzi fiżiċi tiegħu kienu qed jonqsulu.

2.      Ta’ nisrani veru u eżemplari, minkejja li ħajtu qattagħha f’ħidma attiva u dinamika, meta daħal l-istaġun tax-xitwa aċċettah u għannqu b’imħabba.  Il-ġenerazzjoni tiegħi, dawk li tbaskatna flimkien il-Parroċċa u Santa Tereża jafu b’dan.  Minn mindu kont tifel żgħir niftakru jqaddes, iqarar u jservi.  Il-bniedem li bħal anġlu kustodju ħassejtu jarani nitla’ t-taraġ tal-preċett, tal-griżma u taż-żwieġ.  Ħafna drabi bi tbissima u ħafna iktar b’dik l-għaġġla distinta li kienet taħlita ta’ nervożiżmu, imħabba u eżekuzzjoni immedjata ta’ dak li kellu jsir.  Kien, fir-realtà, bniedem dixxiplinat miegħu nnifsu.  Iżomm il-ħin u kostanti.  Ma kellux burdati, dak li għandu jsir jitwettaq, imma fuq kollox isir b’ferħ.  Dik il-kwalità li tidentifikana li qisha qegħda tonqos fost l-insara.

3.      Niftakru għal snin twal, għall-ħabta ta’ nofsinhar, is-siegħa, tielgħa minn quddiem id-dar wara li jkun niżel minn tal-linja.  Dejjem bl-istess enerġija u determinazzjoni sabiex wara l-ħidma ta’ filgħodu jipprepara ruħu għal dik ta’ filgħaxija.  Ovvjament, wara li jkun niżżel ftit petrol essenzjali biex jibqa’ għaddej.  Kien iffukat f’dak li sejjer jagħmel.  Ma kienx ikun hemm attività reliġjuża fuq livell nazzjonali jew ġewwa beltu li ma kienx ikun preżenti għaliha.  Iktar u iktar meta miegħu kienu jservu saċerdoti oħra Bormliżi oriġinali, addottati u  naturalizzati bħal Dun Gustav Barbara, Dun Ġużepp Bonello, Dun Ġorġ Abela, Dun Joe Abela u Dun Victor Cilia.  Kien, flimkien magħhom, ta’ eżempju għal diversi, speċjalment dawk li iktar tard qabdu huma wkoll l-istess triq li kien daħal għaliha huwa.

4.      Ma kien ikkumplikat xejn.  Kien, però, persuna li jżomm ruħu aġġornat b’dak li kien ikun għaddej fid-dinja; ma taqbiżlux waħda.  Sija fil-knisja, kif ukoll f’dak tal-pajjiż.  Bniedem li ma qagħadx lura, imma żamm ruħu jaqra kotba varji biex jibqa’ jifhem id-don u l-misteru li kien ingħatalu jservi fih.  F’din il-missjoni unika li huwa ħa ħsieb iwettaq b’ħeġġa u fl-ispirtu tal-evanġelizzazzjoni kostanti.  Anki fl-avversità kien kapaċi jsir ir-raġġ tad-dawl u jispjega dak li qiegħed isir għaż-żmien li ġej.

5.      Waqt li kont qiegħed nipprova nispjega lili nnifsi Dun Ġużepp x’ifisser għalija, mingħajr ma ridt, proprju waqt li pajjiżna kien qiegħed jiċċelebra l-bidu tal-Presidenza Ewropea, reġa’ ġie f’moħħi l-librett mill-isbaħ ta’ San Ġwanni Pawlu II, “Dono e Mistero”.  Ktieb li diversi saċerdoti ta’ dik il-ġenerazzjoni, huwa inkluż, xtraw u qraw bil-qalb.  Ġew lura quddiem għajnejja l-kliem tal-bidu tiegħu, fejn il-Papa jgħid hekk:  “La storia della mia vocazione sacerdotale? La conosce soprattutto Dio. Nel suo strato più profondo, ogni vocazione sacerdotale è un grande mistero, è un dono che supera infinitamente l’uomo. Ognuno di noi sacerdoti lo sperimenta chiaramente in tutta la sua vita. Di fronte alla grandezza di questo dono sentiamo quanto siamo ad esso inadeguati.”

6.      Dan kollu huwa u kien minnu għalih.  Fl-umiltà u fis-servizz kontinwu u totali għall-proxxmu, Dun Ġużepp għamel ħafna ġid lil pajjiżna.  Servizz u ħidma li ħafna sfortunatament jinjoraw, jew agħar, jippruvaw iċekknu li però, jgħidu x’jgħidu hemm tibqa’.  Dan għax ulied il-Knisja Kattolika huma ċittadini eżemplari, li jagħtu u jiddedikaw ħajjithom kompletament għall-oħrajn, hu x’inhu l-istat tagħhom.  Dun Ġużepp Zammit kien u ser jibqa’ jiġi mfakkar proprju għal dan.  Kemm aħna fortunate li għandna aktar saċerdoti u reliġjużi li huma donaturi tal-eżistenza tagħhom lil ħajjet l-oħrajn.





No comments:

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...