18.7.16

Prijoritajiet.






1.      Ftit jiem ilu din il-gazzetta, bħal pajjiżna, tilfet kontributur u fuq kollox bniedem ta’ valur.  Ċert li diversi oħra bħali sejrin iħossu n-nuqqas ta’ Charles Magro.  Kien u ilu wieħed minn dawk il-pedestalli li fuqhom stajna, ħarġa wara ħarġa, naqraw kitbietu.  Kien jaf x’inhuwa jgħid u kien determinat li ma joqgħodx lura imma li jibqa’, sakemm jista’, jikteb.  F’dawn l-aħħar snin kellna b’mod mill-iktar ċar artikoli li kienu jirriflettu dak li huwa tbaskat fih fis-snin twal ta’ servizz onest li ta lis-soċjetà tagħna.  Kont tieqaf taqrah għax taf li kien ikun mimli sens.

F’kull livell
2.      Għalkemm ċittadin tar-raħal ta’ San Pietru, Birżebbuġia, huwa l-iktar assoċjat mal-Fgura u l-Madonna tal-Karmnu.  Kien bniedem li għalkemm involut intellettwalment, poeta, rumanzier, ma żammx ruħu fil-livell ‘il bgħid mill-poplu.  Uża t-talenti tiegħu mhux biss bħala segretarju tal-Għaqda tal-Poeti jew fiċ-Circolo Dante Alighieri, imma wkoll bħala editur tal-“Leħen il-Fgura”.  Kiteb u kkontribwixxa bi mħabba u ġenerożità sija f’pubblikazzjonijiet nazzjonali, imma wkoll dawk lokali.  Responsabbli ta’ żewġ kotba, waħda dwar l-istorja tal-Parroċċa tal-Fgura u l-oħra dwar l-Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu fejn hemm mhux biss ġbir storiku tal-ħajja soċjali, kulturali u reliġjuża unika tal-Fgura, imma diversi osservazzjonijiet u riflessjonijiet.

Attent għall-ħaddiem
3.      Meta kont niltaqa’ ma’ Charles, dejjem ħassejtni li qiegħed niltaqa’ ma’ bniedem li huwa f’paċi miegħu nnifsu u ma’ dak li huwa.  Kelli x-xorti narah f’diversi ċirkostanzi.  F’numru minnhom inżilna lura flimkien mill-Belt fejn id-diskussjoni kienet tkun fuq kollox, imma fil-fond.  Kien jaqra u attent għal dak li huwa għaddej f’pajjiżna u barra.  Kien pjaċir titkellem miegħu u kien għalija forza ta’ influwenza pożittiva.  Fir-realtà, huwa ma ċaħad qatt għeruqu.  Baqa’ komdu miegħu nnifsu u b’qalb tħabbat għal dawk li kienu l-iktar ‘l isfel fis-soċjetà.  Serva f’dan fil-Unions ta’ pajjiżna fit-tul.  Għamel dan bħala xejn inqas minn Segretarju Ġenerali tas-CMTU.  Ipproteġa, iddefenda u influwenza sabiex il-ħaddiem, f’kull stat, jitla’ iktar ‘il fuq.

Tal-familja
4.      Kien eżemplari fil-ħajja personali tiegħu.  Impenjat favur il-familja tradizzjonali mingħajr għamad żbaljat.  Kien miftuħ għall-ideat ġodda, biss il-boxxla tat-tagħlim nisrani qatt ma sab raġuni biex jabbandunaha fil-viżjoni tiegħu.  Kien kommess biex jgħin lil min kellu diffikultà u kelma tajba kien jaf jgħaddiha bil-mod inimitabbli tiegħu.  Il-familja kienet garanzija ta’ soċjetà b’saħħitha.  Ta’ waħda onesta fejn il-verità u l-ġustizzja jitkattru.  Dan iktar u iktar fih valur meta wieħed jikkonsidra li għalkemm ħajtu kienet esposta għall-attenzjoni pubblika, mhux biss minħabba l-impenji tal-għażliet tiegħu, imma wkoll għax oħt martu kienet miżżewġa lill-mibki Dr Jimmy Farrugia, deputat li serva fit-tul fil-Parlament tagħna.  Kien konxju minn dik ir-responsabbiltà, li kien iġorrha wkoll fix-xhieda li ried jagħti.

Prattiku
5.      Kien ċar ħafna fi ħsibijietu.  Iħares fit-tul u jifhem dak li huwa ġej.  Kapaċi janalizza u jikkonkludi.  Talenti li servewh fid-diversi pożizzjonijiet, għaqdiet u kumitati li serva fihom.  Jifhem dak li l-membri l-oħra qegħdin jgħidu u, fl-istess ħin, jagħraf iwassalhom għall-konklużjoni.  F’dan kien mill-iktar prattiku u dirett.  Kien fejn kien, irnexxilu jġib oħrajn flimkien u, l-iktar, li jsir il-progress neċessarju u mistenni minnhom.  Kien iżomm il-punt, il-pożizzjoni tiegħu mingħajr ma jkun riġidu fuq naħa, u mingħajr ma jitlef il-prinċipji li kien jemmen fihom.  F’dan dejjem għenu l-karattru ġentili u determinat tiegħu.  Jitkellem u jiddiskuti ma’ kulħadd mingħajr preġudizzji jew kumplikazzjonijiet żejda.

L-aħħar artikolu

6.      Is-Sibt filgħodu tal-25 ta’ Ġunju nġbarna fil-Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Fgura biex insellmulu għall-aħħar darba.  Kemm hemm sens u sustanza fir-Reliġjon Kattolika f’kull kelma li tingħad tul il-funeral.  Il-kliem li smajt baqgħu f’widinti l-għada meta ġie f’idejja l-artikolu li deher fil-“Leħen is-Sewwa”.  L-artikolu “Prijoritajiet” fih ħafna osservazzjonijiet li minnhom ngħid li qalbu kienet qegħda tħebbru.  Fih hemm riflessjonijiet dwar il-bniedem, il-ħajja u l-għażliet tiegħu.  Huwa qal: “Meta ffaċċjat b’dawn l-għażliet il-bniedem jista’ jagħmel għażla tajba jew ħażina.  Għażla tajba taf timlih bil-kalma u s-serħan tal-moħħ biex, bl-għajnuna ta’ Alla, ikun jista’ jippjana ħajja li tagħtih sodisfazzjon (anki minn din id-dinja) u li minnha jgawdi hu, dawk ta’ madwaru u dawk kollha li darba jew oħra jkollhom kuntatt miegħu.”

Preżenti għall-festi
7.      Fil-ħajja ftit huma dawk l-affarijiet li jiġru b’sempliċi kumbinazzjoni.  Is-sejħa tiegħu lura għand il-Missier hekk ukoll.  Għax għall-ewwel darba f’ħafna snin ser ikun hemm iċ-ċelebrazzjoni tal-Festi tal-Madonna tal-Karmnu u huwa mhux ser ikun preżenti fiżikament għalihom.  Kif nafu, ix-xahar ta’ Lulju huwa dak li fih il-Komunità Karmelitana tiċċelebra bil-kbir.  Din id-darba Charles ser ikun preżenti għal dawk ferm u ferm isbaħ fis-sema pajjiżu.  Anzi, issa ser jara iktar armar sabiħ, jisma’ mużika aqwa u tifhir li qatt widnet il-bniedem ma fehem dwar il-Patruna tiegħu u tiegħi.  Ċert li diġà qiegħed fil-post li kien ippreparat għaliha minnHa.



                

1 comment:

Carmel Camilleri said...

Kien ragel onest, ta'integrita, u serjeta li ftit issib bhalu. Tlift habib ta' veru.