14.7.16

Għas-servizz tas-sewwa.



1.      Proprju illum nfakkru il-mewt tal-Maġistrat palermitan Giovanni Falcone.  Kien proprju 25 sena ilu li ġie maqtul ġewwa Capaci, hu u numru ta’ persuni oħra miegħu huwa u sejjer mill-ajruplan li kien għadu kif niżel minn fuqu sabiex minn Ruma jgawdi ftit minn pajjiżu.  Kien permezz ta’ bomba ta’ nofs tunellata ta’ splussiv imqegħda taħt il-parti mit-triq li miet.  Qatluh il-bnedmin li jmexxu l-organizzazzjoni li aħna nsejħu “Mafja”, mentri kif huwa fehem u ċċara, huma parti minn dak li jsejħu “Cosa Nostra”.  Dan id-delitt fl-1992 laqat direttament mhux biss ‘l-Istat Taljan, imma lil dawk kollha fid-dinja li jħobbu s-sewwa u l-legalità.

Fuq quddiem
2.      Dan il-bniedem serva lil pajjiżu fl-iktar settur determinanti tiegħu.  Servih mhux biss bħala membru tal-ġudikatura, imma fis-sezzjoni li kienet dedikata u speċjalizzata biex tikkonfronta d-delitti u li din l-organizzazzjoni ħakmet u ħonqot is-soċjetà ċivili.  Kien parti minn dik iċ-ċellula li kienet il-moħħ li mexxiet il-kumbattiment intelliġenti kontra din il-forza tal-ħażen.  Falcone, flimkien ma’ oħrajn bħall-Maġistrati Rocco Chinnici, Paolo Borsellino, il-Ġeneral Carlo Alberto Dalla Chiesa kien fuq quddiemnett fil-ġlieda kontra l-illegalità, il-kriminalità organizzata.

Talenti partikolari
3.      Kellu l-merti partikolari tiegħu: l-ewwel, għax kien bniedem determinat, ċar fi ħsiebu, preparat jistudja, jimxi pass pass b’għaqal u ma jinxtarax.  It-tieni: għax kien jaf lil dawn il-bnedmin li kellu jikkuntrasta proprju għax kien imwieled fl-istess akkwati ta’ diversi kapijiet tal-istess organizzazzjoni.  It-tielet: għax kellu sens għoli ta’ patrijottiżmu u sagrifiċċju personali li mexxewh jiddedika ħajtu għal din il-ġlieda diretta, jinqata’ mill-ħbieb, mid-dinja biex dak li kellu jsir, iwettqu.

L-għadu tal-kriminalità
4.      Kien proprju dan kollu li wasslu sabiex jibda jifhem ferm iktar l-intern tal-organizzazzjoni Cosa Nostra, speċjalment permezz ta’ Tommaso Buscetta, li kien l-ewwel fost dawk li jissejħu “pentiti”.  L-ewwel li beda jitkellem wara li l-istess Cosa Nostra eliminatlu membri varji, inkluż ibnu ż-żgħir.  Buscetta beda t-triq sabiex numru ta’ kapijiet oħra jibdew jitkellmu, jikkollaboraw mal-Istat u jitilgħu jixhdu favur is-sewwa.  Proprju fuq dan li saru diversi proċessi kriminali, deskritti bħala “maxi”, proprju għax saru kontra 475 persuna f’daqqa.  Dawk kollha li kienu parti minn din l-organizzazzjoni li toħnoq lill-bnedmin u żżomm lura l-iżvilupp f’pajjiż li jixraqlu aħjar.  Kien minħabba dan li nbniet qorti apposta sabiex fiha jsiru dawn il-każijiet u sabiex is-sigurtà ta’ dawk li kienu qed iservu jiġu protetti minn attentati.

Triq kollha xewk
5.      Triqtu, flimkien ma’ oħrajn, ma kienet faċli assolutament xejn.  L-ewwel, għax għexu din il-ħajja fid-dell tal-biża’ kontinwa tal-mewt b’id oħrajn.  F’appuntament li diversi kienu jafu li jista’ jmisshom proprju minħabba l-fatt li kienu qegħdin jolqtu fil-laħam il-ħaj din l-organizzazzjoni kriminali li kienet u għadha tasal għal kollox.  Dan ma żammhomx lura.  Giovanni Falcone kien konxju tas-sogri, tar-riskji li kien għaddej minnhom.  Kien hemm diġà attentati għal ħajtu: bombi tqegħdu, pjani nkixfu.  It-tieni: għax diversi, għal raġunijiet varji tagħhom tkellmu kontra tiegħu.  Ikkalunjawh, kitbu kontra dak li kien qed jagħmel, għaddewh passjonijiet proprju għax ippruvaw jixħtu dellijiet fuq ħidmietu.  It-tajn li nxeħitlu bata biex neħħih, fi triq li ħallietu b’togħmiet morri.

Kumbattiment dirett
6.      Falcone xorta serva lil pajjiżu u lis-sewwa.  Kull min qiegħed parti mill-Ġustizzja u l-Intern fi Stat, min qiegħed parti mill-Ġudikatura u l-Korp Dixxiplinati għandu jagħraf sewwa li għandu fuqu piż ogħla minn ta’ ħaddieħor.  Jaf li jrid jikkumbatti personalment u direttament il-forza tal-banalità tal-ħażen u li jekk jonqos jew jinxtara jkun qiegħed iferi fil-qalba ta’ soċjetà organizzata fejn il-mertu u l-ġustizzja għandhom jirrenjaw.  Kull min irid jifhem iktar dak li wettaq u x’inhija fil-verità din l-organizzazzjoni għandu diversi kotba x’jaqra.  L-ewwel, u naħseb l-aħjar, l-intervista mill-iktar spjegattiva li kienet saritlu fil-ktieb “Cose di Cosa Nostra”.  Biss hemm oħrajn bħal “Chi ha paura muore ogni giorno” ta’ Giuseppe Ayala, jew “Per non morire di mafia” ta’ Pietro Grasso, jew ta’ oħtu Maria Falcone “Un Eroe Solo” jew, iktar interessanti dak ta’ Angelino Alfano “La Mafia Uccide d’Estate”.  Nassigurakom, kitbiet mimlija lezzjonijiet u konfort għal min jgħaddi minn esperjenzi fil-ġlieda favur il-ġustizzja u s-sewwa.

Memorja ma tintilifx
7.      Il-memorja ta’ Falcone ma tistax tintilef.  Jibqa’ mudell tal-bniedem li jrid iservi u jagħti ħajtu lill-proxxmu, lil dawk il-bnedmin li jaħdmu u jgħixu fl-onestà u fil-verità sabiex il-ġustizzja u l-legalità jirbħu fuq dak li m’huwiex.  Jibqa’ wkoll eżempju u konsolazzjoni għal min isib ruħu, diversi drabi, waħdu u abbandunat mill-oħrajn.  Nittamaw li aktar bnedmin isegwu l-eżempju tiegħu.


No comments:

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...