18.7.16

Perseveranza akbar.


 
1.      Kull Gvern jipprova jirreaġixxi għall-problemi soċjali li s-soċjetà tiegħu tkun qegħda tara.  Xi drabi jsiru miżuri li ma jirċevux attenzjoni pubblika li jkunu rnexxew.  Oħrajn naraw ħafna daqq ta’ trombi għal dak li finalment jibqa’, minkejja kull intenzjoni, ma jirnexxix.  Hemm f’dan dawk id-dożi li jitressqu b’aġġettivi superlattivi, f’mumenti bombastiċi li jkunu jridu jsolvu l-kumplikazzjonijiet bis-sempliċi dikjarazzjonijiet.  Il-ħajja turik li jekk is-soluzzjoni ma tkunx tajba, maħduma, armata u kalkulata kif għandha, allura ma tirnexxix, minkejja dak li wieħed jista’ jixtieq.

Il-prekarjat
2.      Ilna snin nisimgħu fuq kemm hawn ħaddiema Maltin u Għawdxin jaħdmu f’kundizzjonijiet ħżiena.  Ilna ngħidu li hawn bżonn ta’ miżuri biex dan ma jibqax iktar jew jonqos drastikament.  Il-partit li hawn bħalissa fil-poter għamilha parti mill-kampanja elettorali tiegħu.  Tant kienet qawwija li ħafna li kienu u għadhom fil-prekarjat fehmu li appena jinbidel il-partit li jmexxi ser isiru mill-ewwel tal-fiss.  Ser jiġu mpjegati mhux fuq bażi ta’ part-time, imma full-time b’salarju adegwat u aqwa.  Anki dawk li kellhom xogħol full-time, ingħataw x’jifhmu li bit-tibdil ser ikollhom qabża kbira fis-salarju tagħhom “daqs tal-Ewropa”.

Baqa’ ma seħħx
3.      Minkejja kull dikjarazzjoni u miżura li ġiet meħuda, il-pożizzjoni fl-impjiegi prekarji baqgħet magħna.  Hemm min jgħid li naqset, hemm min isostni li għadha l-istess, jekk mhux aggravat ukoll.  Hawn verżjonijiet differenti fuq in-numru.  Biss, minn dak li qed naraw għandna madwar 60,000 persuna li huma mpjegati part-time, sija fejn l-impjieg tagħhom huwa dak tad-dħul prinċipali, kif ukoll fejn huwa sekondarju għal ma’ wieħed full-time ma naqsux, imma żdiedu.  Anzi naraw li hemm ukoll min jitħajjar jiftaħar kemm sejrin ‘il quddiem għax l-impjieg part-time jiżdied qiegħed.  Dan kollu apparti mill-kunsiderazzjonijiet ta’ nisa li ġew għad-dinja tax-xogħol u l-impjieg tagħhom baqa’ part-time.

Dawk li tilfu x-xogħol
4.      Għal dawk li tilfu x-xogħol hemm realtà oħra.  Hemm min sab xogħol ieħor, biss ma sabx neċessarjament wieħed b’salarju aqwa jew kundizzjonijiet aħjar.  Fuq dan, tul il-ġimgħa li għaddiet ħarġet l-istatistika minn tweġiba għal domanda parlamentari li ressaqt: dik li tul din il-leġislatura kien hemm 11,941 ħaddiem li jew tilfu l-impjieg tagħhom għax twaqqfu mix-xogħol jew għaliex l-entità li magħha jaħdmu għalqet.  Għal dan ingħadli li kien hemm żieda ta’ 14,071 impjieg full-time u 3,533 impjieg part-time.  Biss, f’dan il-proċess ta’ numri u figuri ħadd ma ħa l-kejl ta’ jekk kemm-il darba kien hemm avvanz fil-kwalità tax-xogħol, jew jekk kien hemm min kien impjegat full-time u spiċċa part-time.

Iktar jew inqas sfruttament
5.      Kien hemm il-kampanja għaddejja fil-leġislatura l-oħra li l-problema hija li hawn ħafna ħaddiema sfruttati u l-Gvern m’huwiex jieħu passi kontra min iħaddimhom.  Ingħad li hemm bżonn black listing ta’ dawk li jinqabdu jagħmlu hekk.  Għalhekk l-argument tkompla li ladarba jidħol mekkaniżmu ta’ kontroll, jispiċċa wkoll il-prekarjat.  Dan il-Gvern preżenti għalhekk ħabbar, u hekk għamel kważi sena u nofs ilu, li kien ser iġib fis-seħħ Tribunal għal Sanzjonijiet Kummerċjali. Tant kienu konvinti li saħansitra f’Marzu 2015 saret konferenza tal-aħbarijiet ġewwa Kastilja fejn ġie dikjarat li huwa “Sinjal b’Saħħtu Kontra l-Prekarjat”.  Biss, wara dawn ix-xhur kollha, ir-riżultati huma ineżistenti.

Ebda każ
6.      Hemm, il-Prim Ministru ġie rappurtat li qal: “Minn issa ‘l quddiem kumpanija mhux biss titlef il-kuntratt li jkollha mal-Gvern iżda ma tkunx tista’ tieħu sehem f’kuntratti oħra ta’ servizz mal-Gvern għal perjodu stabbilit.  Dr Muscat qal li min jinqabad jippersisti fil-prekarjat se jkun blacklisted minn sitt xhur sa sentejn u hekk jitlef il-kuntratt li jkollumal-Gvern u ma jkunx jista’ jipparteċipa f’kuntratti oħra.  B’dan il-mod il-Gvern qed jibgħat sinjal b’saħħtu immens biex jiġġieled il-prekarjat.”  Diversi kienu impressjonati.  Smajt min qalli u faħħarli dan.  Ħafna ħasbu li kienet instabet is-soluzzjoni b’dan is-“sinjal b’saħħtu immens”.  Tul l-istess ġimgħa, il-pożizzjoni nbidlet u dan wara domanda parlamentari oħra, li fiha staqsejt għal iktar informazzjoni dwar ħidmet dan it-tribunal.  Hemm ingħadli li l-istess żamm għaxar seduti minn mindu ġie appuntat fil-31 ta’ Mejju 2015 u sa issa ma ġie mressaq ebda każ quddiemu.

Il-fatti jitkellmu
7.      Jekk aċċettajna l-argument li tressqilna li dan it-tribunal kien ser jeqred il-prekarjat naħseb li l lum għandna ngħidu li konna żbaljati.  Minn din it-tweġiba parlamentari l-fatti qed juru li l-ġlieda kontra l-prekarjat mhix qegħda ssir kif għandha.  Trid aktar.  Għax ħadd ma jemmen li m’għandniex ħaddiema jaħdmu f’dawn il-kundizzjonijiet.  Daqshekk ieħor anqas ma hija wisq spjegabbli kif anqas każ wieħed ma deher quddiem dan it-tribunal.  Ir-realtà hija differenti u hemm lokg ħal iktar ħidma li trid issir.  Hemm bżonn sforzi kbar, perseveranza iktar qawwija mill-istituzzjonijiet li permezz tagħhom il-prekarjat jonqos u l-livell tal-għixien ta’ diversi ħaddiema jitla’ ‘l fuq.



No comments:

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...