28.6.16

Appuntamenti mad-destin.





1.      F’pajjiżna l-politika tul din l-aħħar ġimgħa ħadet pass lura.  Ħafna ntilfu jsegwu l-logħobta l-ballun.  Għad hawn interess kbir u l-partiti qegħdin jiġu segwiti b’attenzjoni.  Biss, barra minn xtutna għaddej bħalissa konfront nazzjonali qawwi ġewwa r-Renju Unit, pajjiż viċin tagħna.  Il-poplu ta’ dawk il-gżejjer irid jiddeċiedi tul din il-ġimgħa li ġejja jekk huwiex ser jibqa’ membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea jew jaqbadx it-triq biex joħroġ minnha.  Huwa appuntament li ilu ġej u sejjer.  Diversi tkellmu qabel dwaru, oħrajn injorawh.  Biss, dan il-Gvern preżenti rabat lilu nnifsu li jżomm referendum sabiex il-kwistjoni tinqata’.  Hekk ser isir. 

Impressjonijiet

2.      Ġewwa dan il-pajjiż kien hemm, għal ħafna snin, dan il-ballun politiku għaddej.  Minn meta l-Partit Konservattiv iddeċieda li jidħol fl-Unjoni taħt Ted Heath, dak iż-żmien Prim Ministru, qamu kwistjonijiet varji.  Il-ħsieb kien u baqa’ għaddej li ċedew wisq mis-sovranità nazzjonali tagħhom.  Għalhekk, gvernijiet Laburisti u Konservattivi sussegwenti sabu ruħhom igergru dwar din id-deċiżjoni u diversi drabi wegħdu, mingħajr suċċess, li jerġgħu jinnegozjaw mill-ġdid dak li kien sar.  Is-sitwazzjoni kienet iktar aggravata bil-messaġġ politiku li wħud kienu jibagħtu li kollox huwa dettat kontra tagħhom.  L-ispirtu Ewropew f’numru ta’ drabi tħalla barra minnhom u politiċi ħallew l-impressjonijiet varji ta’ għaqda negattiva.

Iċ-ċirkostanzi jinbidlu

3.      Bl-aħħar Trattat ta’ Lisbona, fuq insistenza ta’ pajjiżi membri daħal għall-ewwel darba l-Artikolu Numru 50 li jippermetti lit-tmienja u għoxrin membru li joħorġu mill-Unjoni Ewropea.  Issa għalhekk hemm min qiegħed iħares li jara jekk, u kif jista’ jħaddem dan il-mekkaniżmu legali.  Mhix faċli mill-aspett legali, wisq inqas minn dak soċjali u ekonomiku.  Sfortunatament, minn dak li qiegħed jingħad jidher ċar li ħafna f’dak il-poplu għadu ma fehemx kemm hemm rabtiet u vantaġġi li mhux faċli għalihom li jħollu.  Ser, kif jgħidu, joħroġ id-demm jekk dan il-pajjiż finalment hekk jiddeċiedi.  Iċ-ċirkostanzi ser jinbidlu, però żgur li mhux għall-aħjar għalihom.  Illum hemm ir-realtà li min huwa Ewropew ma jistax jgħix barra mill-Unjoni.

Il-passat jilħaq il-preżent

4.      Forsi wkoll l-affarijiet huma iktar kumplikati għax barra ċertu ostilità bla sens imsaħħna minn numru ta’ politiċi tul is-snin, għandek ukoll il-ħsieb u l-memorji tal-imperu li f’uħud għadhom ma marrux.  Il-poter imperjali, u dak iż-żmien mondjali, spiċċa fir-realtà darba għal dejjem mat-tmiem tat-Tieni Gwerra Mondjali u ma jistax jinġieb lura.  Imma wħud għadhom jimmaġinaw li l-ixkiel għal dan mhix ir-realtà imma l-Unjoni Ewropea.  Hemm ukoll ċertu antagoniżmi u inkomprensjonijiet ġejjin mis-sekli ta’ konflitti oħra.  Is-saħħa politika fl-Unjoni li għandhom Franza u l-Ġermanja tidher li hija wkoll ma tantx tintlaqa’ proprju tajjeb f’dawk li jew ikkumbattewhom jew illiberawhom.  Hemm f’hekk nostalġija xejn ċara tal-passat.

Antipatiji u simpatiji

5.      It-tmexxija politika Ewropea għandha naturalment ir-responsabbiltajiet tagħha.  Tul dawn is-snin ta’ aġir mhux dejjem pożittiv da parti tal-klassi politika Ingliża kien hemm ħafna inkomprensjoni.  Forsi l-pożizzjoni tagħna ta’ poplu Ewropew li kien għal sekli taħt l-Imperu tagħtina iktar konoxxenza minn oħrajn.  Stajt nara kemm il-darba joħorġu biżgħat żejda.  F’ħafna mumenti konna iktar membri sħaħ aħna li dħalna tard.  F’oħrajn kien hemm wisq riservi u l-ħsieb li qegħdin fl-Unjoni però għadhom għal rashom huwa f’ras ħafna.  Mis-sigurtà għall-ekonomija, il-viżjoni kienet differenti.  Biss, l-antipatiji u simpatiji Ewropej kienu dejjem ħajjin  u attivi biex iżommu lura progressi oħra li setgħu jsiru.

Kumplikazzjonijiet

6.      F’dan ir-referendum hemm kumplikazzjonijiet politiċi wkoll.  L-iktar għax il-ġlieda jekk jibqgħux jew joħorġux tidher li ġejja minn ħdan il-Partit Konservattiv Ingliż.  Il-kwistjonijiet u l-pożizzjonijiet passati ma ntilfux u b’dan anzi qegħdin jirrankaw.  Fuq naħa għandna l-Prim Ministru David Cameron jikkumbatti sabiex jibqgħu, u fuq l-oħra Michael Gove, Ministru tal-Ġustizzja u Boris Johnson li jridu joħorġu.  Ir-riżultat ser ikollu għalhekk, l-ewwel, effett tiegħu fuq min imexxi l-pajjiż.  Rebħa għal dawk li jridu jibqħu jżommu lil Cameron f’postu; telfa ġġib bidla fil-kap tal-Partit Konservattiv.

Effetti għalihom

7.      Jekk jirbaħ il-“le” jew l-“iva” xorta ser ikun hemm effetti soċjo-ekonomiċi fuq dak il-pajjiż.  Preżentement hemm l-iktar qbil ġenerali fost diversi li jifhemu fis-settur ekonomiku li ħruġ ser iġib biss ħsara.  L-ewwel, telf tal-pożizzjoni u l-influwenza tagħha fuq il-kapitolu.  It-tieni, tħassir tal-vantaġġi ekonomiċi u soċjali li hemm bħalissa.  Kummerċ iktar veloċi, inqas piżijiet u taxxi, u fuq l-oħra tnaqqis fil-libertà tal-moviment tal-persuni.  It-tielet, telf tal-avvanzi legali li qed iġibu t-tmienja u għoxrin pajjiż bl-istess regoli legali fuq diversi kwistjonijiet li jiggarantixxu ordni u stabilità.  Ir-raba’, għax meta wieħed joħroġ, bl-istess Trattat ta’ Lisbona ma jkunx jista’ jinnegozja ftehim ġdid u anzi jrid jaċċetta dak li l-Unjoni tiddeċiedi.

Effetti għalina

8.      Kull darba li ministri minn dak il-pajjiż  kienu pro-Ewropej pajjiżna ggwadanja.  Fil-politika tagħna rari ttraskurajna li nagħtu appoġġ u sostenn lir-Renju Unit.  Għalina, aktar ma jkun b’saħħtu ġewwa iktar aħjar.  Li jkun barra narawh jitlef l-influwenza politika vera u jkun qiegħed jeskludi lilu nnifsu minn dak li fi ħdan l-Unjoni jista’ jsib koperazzjoni dwaru.  Aħna għandna rabtiet kummerċjali u soċjali qawwija.  Ħruġ iġib inċertezza u kumplikazzjonijiet li ser inaqqsu mis-saħħa ekonomika tagħna.  Aħna nifhmu li f’dan kollu hemm realtà li wieħed ma jistax jaħrab minnha.  L-Unjoni Ewropea hija b’saħħitha, u mhix sejra titlef fl-influwenza sħiħa tagħha.  Kif għamilha ċara ministru Norveġiż, pajjiż li mhuwiex fl-Unjoni: “If you want to run Europe, you must be in Europe.  If you want to be run by Europe, feel free to join Norway.”  Bħallum ġimgħa nkunu nafu lejn x’wassal dan l-appuntament mad-destin.


No comments:

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...