28.6.16

MCAST - STUDENTI FUQ APPRENTISTAT





26317. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-istudenti fl-MCAST li qegħdin fuq apprentistat bi ħlas? Jista’ jindika wkoll  kemm qed jitħallsu l-apprentisti kors b’kors u possibilment f’liema kumpaniji huma posted?  Jista’ jindika wkoll kemm huwa l-ammont ta’ sigħat ta’ taħriġ fix-xahar hu mistenni li jkun hemm u jekk il-kundizzjonijiet ġewx mibdula?



20/06/2016



  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ninsab infurmat li t-total ta’ studenti fl-MCAST li qegħdin fuq apprentistat bi ħlas huwa 834 li huma maqsumin f’132 apprentist fuq programmi tal-livell 3 u 702 apprentisti fuq programmi tal-livell 4.



Il-kumpaniji u l-industriji jagħtu kontribut finanzjarju skont il-leġislazzjoni preżenti ta’ €49.97 fil-ġimgħa matul l-ewwel sena kollha, €52.20 fil-ġimgħa matul it-tieni u €75.87 fil-ġimgħa matul t-tielet sena tal-apprentistat rispettivament. Dan il-kontribut jibqa’ jingħata anki meta l-istudenti ma jkunux fuq il-post tax-xogħol u jkunu qed jattendu l-MCAST għall-istudji tagħhom. Barra minn hekk l-istudenti apprentisti jingħataw l-stipendju sħiħ mill-Gvern bħall-istudenti l-oħra kollha post-sekondarji matul is-sentejn tal-kors. Bid-differenza ta’ studenti post-sekondarji l-oħra, mis-sajf tas-sena l-oħra l-istudenti qed jibqgħu jingħataw l-istipendju anki matul is-sajf tal-ewwel u tat-tieni sena.



Matul is-sena skolastika l-istudenti apprentisti jaħdmu total ta’ 64 siegħa fix-xahar. Matul ix-xhur tas-sajf l-istudenti apprentisti jaħdmu 160 siegħa fix-xahar, maqsumin fuq 40 siegħa fil-ġimgħa.



Il-kundizzjonijiet huma skont il-liġi preżenti.



It-total ta’ kumpaniji u entitajiet li qed iħaddmu studenti apprentisti huwa 417.



Seduta  409

27/06/2016

No comments:

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...