7.4.14

Viżta fis-Sinagoga.




1.       Ftit jiem ilu sibtni ġewwa l-belt Spanjola ta’ Toledo għal-laqgħa tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Intern Ewropej, li kellha l-punti interessanti tagħha.  Waqt li kont hemm ġie ripetut lilna diversi drabi minn kelliema varji li f’perjodu partikolari kien hemm ko-eżistenza mill-iktar paċifika bejn il-Lhud, il-musulmani u l-insara.  Din ma kenitx l-ewwel darba li żort din il-belt u niftakarni nara l-influwenzi kbar f’dan ir-reġjun.  Fuq naħa l-insara biċ-ċelebrazzjoni ta’ id Domenico Theotokopoulus (1541-1614), magħruf aħjar bħala l-pittur “El Greco”, il-Grieg minn Kreta li għex ħajja sħiħa hemm bħalma aħna kellna lil Mattia Preti li baqa’ magħna sal-mewt, u fuq in-naħa l-oħra kulturi differenti fl-influwenzi varji fl-arti u fl-arkitettura.

2.       Niftakarni sentejn ilu nidħol ġewwa s-sinagoga Lhudija hemmhekk li llum hija miftuħa għall-pubbliku bħala mużew.  L-intern huwa kompletament differenti minn dak li għandhom u li wieħed soltu jsib f’pajjiżi oħra Ewropej.  Hemm fiha l-preżenza ta’ biċċiet li, mingħajr ma trid, ifakkruk fl-arkitettura Għarbija u Kristjana.  Il-fatt li kienu qed jgħixu f’daqqa f’dak iż-żmien wassal sabiex jieħdu minn ta’ xulxin.  Ġewwa din is-sinagoga ssib ukoll esebiti oġġetti li jeħduk lura fiż-żmien, sija f’dak li huma dokumenti, però l-iktar lejn dikjarazzjoni ċara li kien hemm ko-eżistenza paċifika li kienet qed tgħaqqad u mhux tifred.  Dan fih aktar importanza meta nżommu f’rasna li proprju f’dawk is-snin Toledo kienet il-belt kapitali tar-Renju Spanjol.

3.       Il-fatt li sibtni lura nerġa’ nara l-katidral u t-toroq bil-lejl ġiebli f’moħħi dak li għadu kif sar ġewwa Ruma ftit ġimgħat ilu meta l-Papa Benedittu XVI mar ġewwa s-sinagoga u ġie milqugħ minn diversi persuni.  Kien diġà mument solenni fih innifsu meta wieħed iżomm quddiem għajnejh li l-ewwel laqgħa ta’ dan il-livell seħħet erba’ u għoxrin sena ilu.  F’dak iż-żmien il-Papa Ġwanni Pawlu II, milqugħ mill-Kap tal-Lhud Toaff, kien iddikjara li kien qiegħed jiltaqa’ ma’ “ħutu l-kbar”.  Dak il-pass kien wieħed interessanti u barra min-normal proprju għax qata’ warajh prattika żbaljata li nibbtet għal tant ġenerazzjonijiet atti ta’ intolleranza u mibgħeda mill-Insara lejn il-Lhud.  Tant li l-istorja Ewropea hija mimlija b’atti li għandna nistħu minnhom.
4.       Ġwanni Pawlu II, bil-karattru tiegħu kisser ħafna tradizzjonijiet u ġieb rapport ta’ djalogu u dibattitu ħaj bejn iż-żewġ naħat.  Dan għamel ħafna ġid, aktar u aktar fl-isfond tal-feriti miftuħa tas-Shoah.  L-omiċidju ta’ tant Lhud fil-kampjiet ta’ konċentrament, it-teħid ta’ tant minnhom fis-16 ta’ Ottubru 1943 minn Ruma waqt li l-Italja kienet marret diġà ma’ l-Alleati però t-Tedeski kienu għadhom jikkontrollaw, ilkoll ikkargaw l-atmosfera.  Id-domanda li saret għal perjodu twil, il-ġebla li tagħlaq kull djalogu kienet proprju x’ħidma kienet qed issir mhux tant mid-diversi kattoliċi u monasteri fil-protezzjoni tal-Lhud mid-deportazzjoni, imma minn ħidmet Piju XII, li dak iż-żmien kien Papa.

5.       Fil-laqgħa li attenda għaliha nhar il-Ħadd 17 ta’ Jannar il-Papa Ratzinger, l-arja kienet mimlija tensjoni.  Ħafna persuni li kellhom il-familjari tagħhom maqtula ġew minn kullimkien, ibda minn Iżrael u kompli mill-Istati Uniti preparati għal dak li kellu jingħad.  Magħhom l-ogħla awtoritajiet ta’ l-Istat Taljan u l-Imam Musulman ġewwa Ruma.  Jidher li l-laqgħa kienet ilha ffissata, biss ħadet xejra iktar qawwija għax il-Papa attwali ħabbar ftit ilu li sija Ġwanni Pawlu II, kif ukoll Piju XII kienu qabdu sew it-triq sabiex jiġu dikjarati qaddisin.  Fid-dinja Lhudija din l-aħbar qajmet ċertu ferment li dan il-Papa (li huma jħossu li żamm ‘il bogħod milli jitkellem pubblikament kontra d-deportazzjoni u li deher li kien indifferenti u baqa’ fis-silenzju) kellu jiġi tant onorat.

6.       Benedittu XVI m’għandux il-kariżma, il-kalamita qawwija bħall-bnedmin li kellu ta’ qablu, imma għandu t-talenti tiegħu.  Fosthom hemm evidenti l-bżonn li jidħol aktar fil-fond u jispjega f’diskussjoni li ma tkunx nieqsa mill-intelliġenza u l-akkademija.  Għalkemm setgħet tieħu l-arja tant ikkargata, fir-realtà Benedittu rnexxielu mhux biss jirbaħ il-qlub ta’ dawk preżenti, imma anke jirreġistra pass ieħor ‘il quddiem f’dan ir-rapport importanti għad-dinja.  Kien hemm mumenti li ħadd ma seta’ jipprevedi, sewwasew l-effett tad-diskors li kien ser jingħad.

7.       Il-Papa sab ruħu konfrontat b’emozzjonijiet qawwija quddiem id-diskors ta’ Riccardo Pacifici, li familjari tiegħu nqatlu ġewwa Auschwitz.  Il-kommemorazzjoni ta’ dak il-mument ġiebet l-effett li diversi kkommwovew ruħhom.  Xorta waħda diskors Ratzinger għamel referenza għal dawk li kienu ndifferenti.  Għalkemm ma semma lil ħadd, dawk preżenti fehmu li qed jirreferi għal Piju XII.  Il-pożizzjoni tista’ tikkalma iktar però jibqa’ l-fatt li għad hemm pendenti t-talba ta’ diversi skulara sabiex ikun hemm aċċess għad-dokumentazzjoni sħiħa ta’ dawk iż-żminijiet.

8.       Il-pożizzjoni tal-Papa Tedesk hija għalhekk hawn ferm iktar unika u interessanti.  Ma hemmx dubju li ser jgħin sabiex din il-ferita, li ilha miftuħa dawn l-aħħar sitta u sittin sena, tingħalaq darba għal dejjem.  Aktar u aktar in vista tal-fatt li l-pass sabiex Piju XII jiġi dikjarat qaddis ser jitlob spjegazzjoni differenti proprju lil dawk li huma Lhud.  Ma naħsibx li hemm ħadd iktar propizju minnu.  Huwa hu li għandu jkompli u jista’ jissoda dan id-djalogu u jneħħi min-nofs barrieri u ostakoli bejn l-aħwa.  L-inkomprensjoni, il-preġudizzji, il-ħsibijiet żbaljati hemm bżonn li jkomplu jiġu eliminati.  Ċert li Benedittu XVI ser imexxi passi oħra fit-triq it-tajba li qabad ta’ qablu.


Artikolu li deher fil-31 ta Jannar 2010 fl-Illum.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...