7.4.14

Il-Prim Ministru jkompli jiggverna bit-teatrini u n-nofs veritajiet.



Il-mod kif il-Prim Ministru kontinwament jgħawweġ il-fatti u jippreżenta nofs veritajiet juri kemm verament jaħseb li jista’ jgħaddi lin-nies biż-żmien il-ħin kollu u ta’ kemm qed jiggverna bit-teatrini. 

Fid-diskors politiku tiegħu fiż-Żurrieq dalgħodu, il-Prim Ministru ppersista bit-teatrini tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Bord tal-MEPA li tapprova permess biex il-Freeport tieħu l-funzjoni ta’ tarzna billi twettaq manutenzjoni fuq ir-riggijiet taż-żejt. Il-Prim Ministru jridna nemmnu li ma kienx jaf b’din l-applikazzjoni meta l-Freeport hu mmexxi minn persuni politikament appuntati minnu u meta ftit ġranet ilu bgħat ittra lill-Bord tal-MEPA qabel is-smiegħ tal-permess tal-power station il-ġdida biex jesprimi l-pożizzjoni tiegħu bl-aktar mod ċar u jikkundizzjona l-vot tal-membri tal-Bord. 

Il-Prim Ministru Muscat dalgħodu ppersista bit-tgħawwiġ tal-fatti meta qal li se jiżgura li f’pajjiżna t-tfal ma jinżammux fiċ-ċentri ta’ detenzjoni. Din il-politika ilha tiġi mwettqa żmien twil f’pajjiżna, u dwarha jeżisti kunsens wiesa’, u allura din il-proposta mhi xejn għajr mezz kif il-Prim Ministru jgħatti n-nuqqas tiegħu li jikseb riżultati konkreti fis-settur tal-immigrazzjoni irregolari.

Anke dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma l-Prim Ministru qiegħed jippersisti fit-tgħawwiġ tal-fatti u fit-teatrini. Il-Prim Ministru Muscat illum qiegħed f’pożizzjoni li jista’ jnaqqas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma minħabba t-titjib fl-effiċjenza permezz tal-estensjoni tal-power station ta’ Delimara u dalwaqt permezz tal-interconnector, u żgur mhux minħabba l-power station il-ġdida li għadha fuq il-karta. 

Ħaġa li żgur m’għadux jista’ jgħaddi lin-nies biż-żmien dwarha l-Prim Ministru Muscat hija l-qasam tax-xogħol. Il-Prim Ministru Muscat illum wera l-ewwel sinjali li l-problema tal-qgħad qed taħrablu minn idejh, u li mhux joħloq biżżejjed xogħol għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin, problema serja li ilha evidenti biż-żieda persistenti fir-rata tal-qgħad xahar wara l-ieħor. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...