3.4.14

Id-dinja finanzjarja.



1.         Tibqa’ skantat kif numru ta’ membri parlamentari fuq in-naħa l-oħra tal-Kamra qishom ma jkunux dejjem parti mir-realtà li għaddejjin minnha diversi pajjiżi fl-Ewropa u fid-dinja.  Issa saret moda li niċħdu li s-sitwazzjoni finanzjarja internazzjonali tant hija diffiċli u li din qegħda jkollha konsegwenzi gravi ħafna.  Effetti li qed iżommu lura l-iżvilupp u l-proċess normali ta’ diversi setturi fid-dinja ekonomika li qed ikollhom sehem determinanti fuq il-ħajjiet tal-bnedmin.

2.         Biss f’pajjiżna għad għandna persuni li jaħsbu li aħna għandna l-poter ekonomiku li nistgħu ngħixu waħedna.  Iva, hawn min jilludi ruħu li jimmaġina li dak li jiġri f’pajjiżi oħra ma jseħħx ġewwa tagħna.  Dan huwa għal kollox żbaljat mhux biss li taħsbu, imma b’mod partikolari li tgħidu pubblikament.  Irridu naċċettaw li l-kriżi finanzjarja li laqtet l-Istati Uniti l-ewwel u wara oħrajn ġiet u l-konsegwenzi tagħha mhux faċli tneħħihom, ngħidu x’ngħidu politikament.

3.         Il-kriżi kellha effett interessanti fuq il-prezzijiet ta’ prodotti li għandna bżonn.  Iż-żejt prinċipalment li rajnieh, u anzi għadna qed narawh, jibdel il-ħin kollu l-prezz tiegħu.  Anki jekk għal xi xhur deher li niżel ‘l isfel ma’ dak li kien qabel, xorta waħda żamm prezz għoli.  Issa aktar minn qabel dan reġa’ tielgħa ‘l fuq.  Pożizzjoni li, ngħidu x’ngħidu, irridu naffrontaw sabiex inżommu l-ekonomija għaddejja quddiem il-fatt li s-servizzi li huma marbuta mal-konsum taż-żejt hemm ser jibqgħu.

4.         Għalhekk, min qiegħed jipprova jgħid li aħna nistgħu ninjoraw dak li għaddej fid-dinja huwa għal kollox żbaljat.  Jekk hemm min irid jidħak bil-poplu, jista’ jagħtih x’jifhem li din ir-realtà ma teżistix.  Inħoss li proprju fuq dan għandha tinbena jew tintilef il-kredibilità politika ta’ partit minn ieħor.  Huwa ċar li llum il-poplu qiegħed jifhem iktar li dak li aħna għandna quddiemna mhuwiex traskurabbli u ser jibqa’ jkollu l-konsegwenzi, li l-Gvern m’għandux tort għalih.

5.         Min qiegħed jiddikjara li dan l-istat tal-affarijiet huwa tort ta’ xi politiku partikolari fuq in-naħa tal-Gvern, huwa għal kollox żbaljat fil-fatti.  Dan l-elettorat tagħna qiegħed jifhmu u japprezzah.  Proprju għax isegwi dak li għaddej fl-Unjoni Ewropea u jaf li ħafna pajjiżi oħra għandhom mhux sempliċi kriżi, imma diżastri finanzjarji kbar.  Ħafna għandhom rati għolja ta’ persuni jfittxu għax-xogħol, bi kwantità kbira ta’ fabbriki li għalqu, u anke b’salarji li kellhom jitnaqqsu.

6.         Il-politika tal-Gvern għalhekk hija waħda tajba.  Dik li jirnexxilha taffronta l-problemi finanzjarji bil-miżuri li permezz tagħhom innaqqsu l-effetti negattivi u fl-istess ħin nassiguraw li x-xogħol jiġi protett.  Tul l-aħħar sena l-Ministeru tal-Finanzi rnexxielu jwettaq politika xejn faċli.  Waħda li permezz tagħha jirnexxilna ngħelbu d-diffikultajiet li għandna sabiex għada ngawdu mill-prudenza u l-attenzjoni ta’ dak li wettaqna.  Il-poplu dan japprezzah għax mhuwiex wieħed nieqes mill-intelliġenza.  Wieħed li jaf jagħżel min qed jidħak bih u min jgħidlu s-sewwa.



Artikolu li deher fl-Mument fl-1 ta Novembru 2009.

No comments:

IL-FURJANA – TRIQ ĠNIEN DANTE ALIGHERI – SIĠAR TAĊ-ĊITRU

17508. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-m...