4.4.14

Kun il-kontra



1.         L-Imperatur Ruman Marku Awrelju kien magħruf fost l-oħrajn għall-Meditazzjonijiet.  Ġabra ta’ ħsibijiet verament sbieħ miġbura fi ktejjeb, u li nkitbu bejn is-snin 161 sal-181 wara Kristu. Ideat li għadhom rilevanti sallum.  Min jaqrahom żgur li jibqa’ jirrifletti fuqhom.  Ktieb riċenti ta’ ċertu Frank McLynn jifliħ ferm iktar fid-dettall u huwa studju verament eżawrjenti għal min iħobb is-suġġett.  F’dan il-ktieb laqatni dak li qal fuq dan l-Imperatur li  ġie mgħallem il-Latin, però kiteb dawn l-meditazzjonijiet bil-Grieg.

2.         Jislet proprju fuq dawn numru ta’ d-differenzi li ħarġu mit-tradizzjonijiet varji tal-oriġinal.  Hemm dik partikolari, li f’verżjoni tinqaleb: “Not becoming like your enemy is the best revenge”; inkella “The noblest form of retribution is not to become an imitation”.  Laqtitni għax fiha doża sabiħa ta’ valuri Nsara li jaħirbu mid-dottrina li tesiġi għajn għal għajn dik mibnija fuq il-kunċett tat-tpattija.  Il-messaġġ ta’ Marku Awrelju huwa dan: timitax l-azzjonijiet il-ħżiena li jservulek.  La fuq min għamilhomlok u wisq inqas fuq terzi li ma għandhom x’jaqsmu xejn.

3.         Dan il-messaġġ miktub minn bniedem li għalkemm ma kienx nisrani, però żgur li nfluwenza ruħu minn dak il-messaġġ, naħseb li huwa tajjeb li jitqiegħed għad-dawl.  Tajjeb li napprezzaw u nikkunsidraw li mill-esperjenza umana ta’ diversi bnedmin li ġew u marru qabilna raw u fehmu li li taħfer u li tipprova taġixxi billi tagħti s-sewwa u tiċħad il-velenu, fil-verità tħalli riżultati aqwa.  Dik li tifhem li meta tinżel għal-livell baxx ta’ ħaddieħor ma tkun qed tirrettifika xejn imma tkun qed tixħet iktar ħtija fuqek innifsek.  Li huwa għalhekk tassew  interessanti hu li din il-persuna, minkejja l-fatt li ma kienx segwaċi nisrani, xorta kellu l-għerf li jirrikonoxxi l-valur li dan fih.

4.         F’dan il-Ħadd għadna qegħdin ingawdu s-sabiħ taċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Milied.  Il-festa nnifisha, it-tradizzjonijiet kollha, jwassluna sabiex ngħarfu li mat-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu nbidlet id-dinja.  Inbidlet fil-viżjoni tal-ħajja, fl-aġir u komportament rett ta’ kull persuna umana fil-konfront ta’ l-oħrajn.  Daħlet għal kull min irid isegwi l-aqwa mod ta’ kif tista’ tgħix u tqiegħed lilek innifsek għas-servizz ta’ l-oħrajn.  Messaġġ kontaġjuż li sfortunetament uħud minna mhux dejjem inkunu konvinti mija fil-mija minnu.

5.         Ħafna jaħsbu li biex tiġi apprezzat, biex tafferma ruħek fis-soċjetà u fil-familja trid twettaq jew tpatti bil-ħażin.  Jimmaġinaw li s-sewwa, l-maħfra, l-umiltà, il-paċenzja huma sinjali ta’ dgħjufija.  Biss quddiemhom għandhom l-eżempji ta’ sekli ta’ bnedmin  diversi li b’ħidmiethom jippruvaw proprju l-kontra.  Għax fiha kif dan l-Imperatur Ruman li kien imdorri jidħol fil-kamp tal-battalja, li kkmanda pieni ta’ mewt u ħruxija, flok jippriedka l-mibgħeda, l-ħdura u l-velenu, jmur il-kontra.  Naħseb li l-meditazzjonijiet għandhom bżonn ta’ iktar riflessjoni minn dawk li, kif saret il-moda, jiddikjaraw ruħhom bħala liberali jew atei.

6.         Hemm patrimonju ta’ valuri li qegħdin għad-disposizzjoni tal-bnedmin ta’ rieda tajba.  Dik il-persuna umana li qed tfittex il-verità.  Dik li m’għandhiex biża’ li tiskopri li kellha tort, li għandha l-umiltà li diversi filosofi, ibda minn Sokrate, jimbuttaw għaliha sabiex tasal għal ħajja aħjar.  L-ispirtu tal-Milied, il-messaġġ ta’ Sidna Ġesù Kristu huwa proprju dan: segwi s-sewwa, fittex li tagħmel il-ġid u timitax l-eżempji l-ħżiena.  Mur il-kontra ta’ dak li uħud fid-dinja jimbuttaw għalih.  Segwi s-sewwa għax ħadd ma jagħti pariri aqwa minn Dak li ħalaqna. 


7.         Minn qalbi nawguralkom is-Sena t-Tajba.

Dan l-artikolu deher fil-Mument fis-27 ta Dicembru 2009.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...