14.4.14

Il-Greċja ta’ Papandreou


1.            Ftit xhur ilu kelli l-opportunità li niltaqa’ mal-Prim Ministru l-ġdid tal-Greċja George Papandreou.  L-okkażjoni kienet laqgħa li saret ġewwa Berlin għall-kapijiet ta’ diversi gvernijiet fl-okkażjoni tal-għoxrin anniversarju mill-waqgħa tal-Ħajt.  Hemm kelli l-ħin li niddiskuti miegħu fit-tul sija l-problema ta’ l-immigrazzjoni irregolari, kif l-aħjar wieħed jidħol għaliha fl-istituzzjonijiet Ewropej, kif ukoll diversi sitwazzjonijiet internazzjonali.  Rajt li huwa ppreparat u anzi determinat li jibda jirriforma dak li l-Greċja għandha.

2.            Ir-rapporti diplomatiċi bejnna u l-Greċja huma tajbin ħafna.  Naqblu fuq diversi punti ta’ ħidma u nista’ liberament ngħid li fiż-żmien li sibtni nokkupa din il-kariga kelli appoġġ fil-linji ta’ azzjoni li ħadt, jew ppruvajt nieħu.  Mort ukoll f’Ateni u xtaqt li jkolli l-Ministru tal-Intern Grieg f’pajjiżna, imma dan ma kellux ikun.  Niftakar li Prokopis Pavlopoulos kellu sitwazzjonijiet xejn faċli x’jaffronta, b’diversi rewwixti li qamu fl-ibliet  prinċipali.  Għal xhur sħaħ għaraq id-demm.

3.            Il-problema li wiret dan il-Gvern ta’ Papandreou hija fis-sustanza l-istess li kellu ta’ qabel, salv li meta Karamanlis (li ġie f’pajjiżna u ltqajt miegħu wkoll) kien ipprova jibda proċess tar-riformi neċessarji sab quddiemu ħajt imkaħħal bi strajkijiet, vjolenza fit-toroq u aġir anti-demokratiku mill-anarkiċi.  Niftakar waqt li kont f’dik il-belt, li minnha nbdiet ħafna miċ-ċiviltà Mediterranja tagħna, ġejt imgħarraf li ta’ kuljum partijiet minnha kienu qed jingħalqu minħabba dimostrazzjonijiet varji.

4.            Il-Greċja għadu l-pajjiż li għad għandu fil-Parlament tiegħu partiti fuq ix-xellug estrem attivi u għalhekk għall-partit konservattiv ta’ Karamanlis kien iktar komplikat sabiex issib tarf, speċjalment tad-dimostrazzjonijiet tal-unions varji.  Issa l-Gvern Soċjalista għandu quddiemu defiċit ta’ kważi tlettax fil-mija (13%) li jrid jara kif sejjer b’xi mod iniżżel għal tlieta fil-mija (3%), li huwa aċċettabbli fl-Unjoni Ewropeja taħt ir-regoli ta’ stabbilità finanzjarji.  Id-deċiżjonijiet li Papandreou jrid jiffaċċja u jieħu m’humhiex jew ser qatt ikunu faċli.  Altru tgħid fuq karta u altru tipprova twettaqhom f’atmosfera ostili għall-aħħar.

5.            Id-deċiżjonijiet, u nittamaw, l-id soda fuq ir-riedni taż-żiemel sfrattat ta’ l-Istat Grieg għandhom effett mhux biss direttament fuqhom, iżda anke fuqna.  Jekk il-Prim Ministru Grieg iżomm sod allura ma jkollniex l-effetti negattivi li defiċit ta’ dak il-marġini għoli ser inevitabbilment iġib fuq kull membru tal-Unjoni Ewropeja.  L-impatt fuq l-ekonomiji taż-żona ewro ser ikun iebes, meta tqis li l-Griegi huma debituri bankarji varji fl-ammont ta’ 300 biljun dollaru.  Jekk ma jżommux mal-linja ta’ riforma, d-defiċit tagħhom iġib kriżi finanzjarja oħra.
6.            Is-sitwazzjoni hija verament ta’ serjetà kbira meta tikkonsidra li ma nafx x’jonqoshom jagħmlu biex joħorġu mill-kriżi.  Hemm diġà ipotekati toroq u l-ajruporti tal-pajjiż.  Għandhom kumpannija “Aeolas” li rahnet id-dħul kollu ta’ l-ajruplani għal snin twal, kważi sal-2019.  Oħra, l-“Areadne” rahnet id-dħul ta’ l-Istat mil-lotteriji nazzjonali.  Il-Greċja daħlet uffiċjalment fil-kategoriji ta’ Stati Ewropej li qegħdin fix-xifer ta’ kriżi mega-finanzjarja u dan mhux 'il bogħod fl-Istati Uniti, imma tefgħa ta’ ġebla 'l bgħid minna.


7.         Pajjiżna dan qisu m’huwa xejn.  Għal uħud qisu ma teżisti ebda problema barra minn xtutna li ser taffettwana, għax għandek uħud jgħixu f’dinja għalihom. Jgħidu x’jgħidu dawk li ma jridux il-ġid lill-Gvern, però aħna qegħdin ferm aħjar minn ħaddieħor.  Is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tagħna hija aqwa minn dik ta’ oħrajn u hemm bżonn li napprezzawha.  Jekk naġixxu b’mod irresponsabbli nispiċċaw li nkissru dak li, fl-aħħar tal-ġurnata, huwa fl-interess ta’ kull min jgħix f’dawn il-gżejjer li jinżamm.  Bħall-ġudizzju ta’ Salamun, il-poplu jagħżel min huwa favur li jippreserva l-ġid tat-tarbija, mhux li joqtolha billi jħarbatha.

Dan l-artikolu deher fl-Illum fil-21 ta Frar 2010.

No comments: