7.4.14

Ħajr lil min jaħdem għall-proxxmu.



1.       Il-poplu tagħna mhux dejjem ikollu għad-disposizzjoni tiegħu strumenti ta’ informazzjoni li jgħaddulu l-istampa sħiħa ta’ dak li jkun għaddej minnu pajjiż. Bejn id-diversi esiġenzi tal-mument issib li l-importanza tmur iktar lejn fejn hemm xi forma ta’ kontroversja milli fejn hemm is-sustanza ta’ dak li qiegħed jiġri. Il-vantaġġ però, għal gazzetta bħal din, huwa dak li nhar ta’ Ħadd għandha l-possibilità li tirrettifika dak li m’huwiex għal ghajnejna kif għandu. Nara mumenti meta punti importanti li għandhom jiggwidawna f’ħidmietna jispiċċaw mitlufa u mhux miġbura lura.

2.       Tmiem din il-ġimgħa rat, l-ewwel, id-diskorsi tal-President tar-Repubblika u tal-Prim Ministru li ġew mogħtija lil Korp Diplomatiku li għandna jirrappreżenta pajjiżi ġirien u ħbieb hawn; it-tieni, l-pjan tar-riforma qawwija u, f’ħafna partijiet radikali, tal-MEPA mmexxija mis-Segretarju Parlamentari Mario De Marco; it-tielet, it-tmiem tal-karrieri tal-Brigadier Carm Vassallo u tal-kmandant tal-Protezzjoni Ċivili Peter Cordina u r-raba’ l-mod verament tajjeb li bih il-Ministru John Dalli wieġeb għad-domandi fil-Parlament Ewropew qabel jieħu l-ħatra. Dan apparti diversi passi oħra li ttieħdu.

3.       Meta tqis l-affarijiet tinduna kemm aħna għandna biex niftaħru bħala soċjetà.  Għax għalkemm ikollok min kuljum jrid jara x’ser jaqbad imaqdar u jkerraħ billi jikkritika bla direzzjoni jew iħalli barra partijiet importanti minn dak li jkun pożittiv, xorta waħda għandek ħidma li ssir minn dawk li huma ta’ rieda tajba. Ċerti mumenti ngħid li tant isir fuq din il-gżira li l-barranin jibqgħu skantati kemm għandna enerġija u determinazzjoni sabiex immexxu lilna nfusna ‘l quddiem. Il-poplu, għalkemm żgur mhux forsi jiġi nfluwenzat minn dak u mill-ieħor, jaf li min qiegħed imexxih qiegħed jagħmel ħiltu sabiex jibdel u jagħti futur, aħjar mill-preżent.

4.       Kont preżenti waqt id-diskors tal-Prim Ministru lill-Korp Diplomatiku ġewwa Kastilja l-Ġimgħa li għadda. Ma’ kull sentenza l-messaġġ kien ċar u dirett: involviment internazzjonali u Ewropew ta’ pajjiżna fid-diversi setturi u fora li jimmeritaw attenzjoni.  Li kien iktar evidenti huwa li l-Gvern demokratiku ta’ dawn l-gżejjer għandu l-politika tiegħu u jsegwiha b’attenzjoni.  Għalkemm mhux kull gazzetta l-bierah kopriet tajjeb, xorta nħoss li għandu jsir l-isforz sabiex dan jixxandar fid-dettall u jiġi riprodott fil-gazzetti lokali. Il-politika nazzjonali u barranija jmorru għalina id f’id, ferm u ferm iktar minn dawk ta’ pajjiżi oħra u għalhekk hemm bżonn dan it-tixrid ta’ informazzjoni pożittiva.

5.       Interessanti aktar il-punt marbut ma’ ħidmet l-Istati Uniti ta’ l-Amerika taħt l-amministrazzjoni l-ġdida.  Ftit jiem oħra, preċiżament fl-20 ta’ Jannar, il-President Barack Obama ser jagħlaq sena fil-ħatra tiegħu. Diġà hemm min qiegħed jislet l-ewwel riżultati u kemm irnexxielu f’dawn it-tnax-il xahar jaqleb fil-linja politika li kien ħaddan għal tmien snin George Bush. Obama tela’ fuq numru ta’ punti elettorali.  Ibda minn dak li jibdel is-sistema inadegwata u nġusta tas-servizzi mediċi, kompli b’dawk li jġib fit-tmiem il-gwerra fl-Iraq, li jagħlaq il-ħabsijiet ta’ Guantanamo, li joħloq iktar postijiet tax-xogħol u li jittrasforma r-relazzjonijiet mal-komunitajiet internazzjonali.  B’mod dirett għalina, l-politika differenti fil-bżonn ta’ soluzzjoni għall-problema Palestinjana u dik ta’ rapport aqwa mal-kontinent Afrikan.  

6.       Matul il-gimgha li ġejja ser naraw żgur analiżi aktar fonda u oġġettiva ta’ kemm Obama rnexxielu jwassal. Għalkemm ser ikollu kritika, speċjalment fuq dak li stennew diversi pajjiżi Afrikani minnu proprju għax għandu għeruq evidenti f’dik l-art, xorta wieħed irid jagħtih il-kredtu li biddel ħafna. Ħidmietu taffettwa lilna wkoll.  Il-kriżi finanzjarja li għadha qegħda tieħu l-ħin tagħha sabiex tfieq, tiddependi ħafna fuqu u fuq kemm jirnexxilu jibni rapporti strateġiċi maċ-Ċina u ma’ l-Indja. Dan huwa determinanti għad-dinja fix-xhur li ġejjin. Determinanti għax fuq dak li jirnexxi nimxu ‘l quddiem.


7.       Ghalkemm jista’ jkun hemm min jipprova joħroġ b’teoriji varji, però r-realtà tal-ħajja hija li l-bidliet fis-soċjetà jseħħu biss bil-ħidma għaqlija ta’ bnedmin li jkollhom ir-responsabbilitajiet varji tagħhom.  M’huwiex limitat għal setturi partikolari, imma mifrux fuq kollox. Kull min huwa nvolut fil-politika, fl-ekonomija, fis-settur soċjali u kulturali għandu fuqu d-dmir li jagħmel ħiltu sabiex nimxu ‘l quddiem.  Għalhekk wieħed irid jagħti dejjem kredtu u tifħir lill-bnedmin ta’ rieda tajba, ta’ dawk li jaħdmu u jieħdu d-deċiżjonijiet tajbin.  Pajjiżna m’huwiex inqas.  Anzi, jaf li għandu mexxej ta’ abbiltà u għaqal: il-Prim Ministru Lawrence Gonzi.

Artikolu li deher fil-Mument fis-16 ta Jannar 2010.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...