7.4.14

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ Ewropew fil-Qasam ta’ l-Ażil.



1.         Fl-aħħar ta’ Novembru 2009, waqt laqgħa tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Intern li attendejt għaliha, ġie deċiż mis-sebgħa u għoxrin pajjiż Membru ta’ l-Unjoni Ewropea li għandu jiġi mwaqqaf l-Uffiċċju ta’ Appoġġ Ewropew fil-Qasam ta’ l-Ażil ġewwa pajjiżna.  Dan l-Uffiċċju kien wieħed mill-prijoritajiet li fassalna flimkien f’Ottubru 2008 fil-Patt ta’ l-Immigrazzjoni u l-Ażil, taħt il-Presidenza Franċiża.  Sar ħafna xogħol u ħdima wkoll kontra l-kurrent f’sena fejn il-presidenzi ma kienux f’idejn Stati Membri li qegħdin fil-Mediterran.  Anzi, kien hemm min fil-bidu kien iddikjara li ma jridx jiddibatti x-xenarju ta’ l-immigrazzjoni irregolari f’dan il-baħar, li però biddel fehemtu sew.

2.         Tul is-sena li għaddiet kellna din il-mira diffiċli li iżda emminna li stajna nikkonvinċu lill-oħrajn u nġibu kunsens fuq pajjiżna.  Għal dan il-post, li ser jibda billi jimpjega ħamsa u ħamsin ruħ u li ser ikollu għad-disposizzjoni tiegħu ħamsa u ħamsin miljun ewro fuq sentejn, rieduh żewġ Stati Membri oħrajn: Ċipru u l-Bulgarija, li t-tnejn huma Membri ġodda bħalna.  Quddiem dan ma tlifniex opportunità waħda milli nagħmlu użu mil-laqgħat u l-kuntatti li kien hemm bżonn sabiex nuru għala aħna iktar ippreparati u f’pożizzjoni li nilqgħu din l-aġenzija fuq din l-art.

3.         Sifirt numru ta’ drabi biex mort għand Ministri oħra u lqajt hawn Malta numru ieħor.  Il-loġistika u l-attenzjoni ma kienux faċli, però konna determinati u lħaqna mira li ser tagħmel il-ġid lill-pajjiż kollu.  Apprezzajt li kien hemm diversi persuni li taw sehemhom direttament f’ħafna livelli.  Kien żgur determinanti r-Rappreżentant Permanenti tagħna, Richard Cachia Caruana, li żammna lkoll koordinati u ffukati.  Meta f’dak il-jum, li kien l-aħħar wieħed qabel daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, nġbarna bħala Ministri u qbilna unanimament ma stajtx nemmen li wasalna u li wasalna daqshekk malajr.  (Ebda aġenzija oħra ma kien hemm qbil daqshekk malajr fuqha).

4.         Issa dan l-Uffiċċju huwa importanti sija għall-Unjoni Ewropea kif ukoll għalina wkoll.  Huwa hekk għax permezz tiegħu ser nassiguraw li kull Stat Membru jrid jipproċessa t-talbiet għall-ażil li jsirulu fl-istess żmien.  Preżentement hemm xenarji varji, l-ewwel, mhux kull pajjiż jeżamina u jiddeċiedi fuq it-talbiet għall-ażil li jsirulu; it-tieni, kull Stat għandu proċeduri differenti minn ta’ oħrajn.  Għalhekk hemm bżonn ta’ dan l-Uffiċċju sabiex jassigura li kull pajjiż jara t-talbiet malajr u li jkun hemm proċeduri l-istess.  Jekk dan isir, allura ma tibqax is-sitwazzjoni li għandna llum li min għamel talba għall-ażil jiġi kunsidrat bħala li diġà ħaqqu dan l-istat.  Dan ifisser li kull pajjiż jifred malajr lil min ħaqqu protezzjoni minn min le u għalhekk dawk li ħaqqhom jinbnielhom programm ta’ integrazzjoni mill-pajjiż u min le jerġa’ jintbagħat lura lejn pajjiżu permezz ta’ l-Aġenzija FRONTEX.

5.         Dan l-uffiċċju m’huwiex ser jipproċessa hu t-talbiet kollha, jiġifieri mhux ser jiġu persuni hawn biex narawlhom it-talbiet tagħhom.  Ser jieħu ħsieb li jagħti l-assistenza, taħriġ, jagħmel laqgħat hawn u barra sabiex jassigura li kull Stat Membru jagħmel dak li hu mistenni minnu taħt ir-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea.  F’dan is-settur irridu ngħidu li kien importanti wkoll li f’dawn is-snin bnejna esperjenza unika permezz ta’ l-Uffiċċju Malti għar-Rifuġjanti mmexxi mill-Kummissarju għar-Rifuġjati Mario Friggieri.  Tul dawn is-snin li rajna mewġa daqshekk kbira ta’ persunu li qed ifittxu ażil, wieħed ma jistax ma jfaħħarx pubblikament ħidmietu u tal-persuni li ħadmu miegħu.

6.         Fil-laqgħat ta’ kważi kull ġimgħa li nżommu fil-Ministeru stajt nara li qed inwieġbu tajjeb ħafna għar-realtà u l-isfida ta’ l-immigrazzjoni irregolari.  Ngħid aktar dan għax f’dan l-impenn personali u mill-iktar professjonali, l-figuri għas-sena 2008 u 2009 jindikaw kemm-il talba ġiet proċessata u deċiża.  Fil-fatt, tul is-sena 2008 ġew magħluqa 2,731 talba, li kienet qabża verament kbira meta kumparata mas-sena 2007, meta kellna 958 talba magħluqa.  Is-sena li għaddiet il-figura reġgħet telgħet ‘il fuq għal 2,959.  Dan huwa kollu xogħol prezzjuż li jagħmel ġieħ lil dan l-Uffiċċju u lil pajjiżna li qiegħed jimmarka ruħu bħala wieħed li għandu prattiċi tajba ħafna.  Mhux dawn it-talbiet kollha ġew milqugħa bħala li jimmeritaw, però l-fatt li l-Uffiċċju Malti ddeċieda daqshekk malajr serva aktar sabiex niddistingwu u fl-istess ħin nidħlu għall-Proġett Pilota li qed jgħinna sabiex nintegraw f’pajjiżi oħra tal-Unjoni lil min ħaqqu protezzjoni.

7.         Ħidmet dan l-Uffiċċju kien ukoll piż ieħor importanti fil-kalatura meta tul is-sena li għaddiet bnejna qafas ġdid ta’ ħidma mal-UNHCR.  Fl-aħħar xhur tal-2009 kelli l-opportunità niltaqa’ ma’ Antonio Gutierrez ġewwa Ġinevra u niddiskuti l-pożizzjoni tagħhom magħna.  Mertu tal-viżjoni u mpenn tiegħu, x-xenarju nbidel ta’ taħt fuq.  Ir-rapporti fuq il-kamp ġew issudati u l-istess organizzazzjoni għandha uffiċċju ikbar milli kellha qabel b’persuna waħda li kien mistenni żżejjed minnu.  Illum il-ġurnata nħarsu ‘l quddiem sabiex niffirmaw ftehim iktar b’saħħtu.

8.         Pajjiżna qed jagħti u beħsiebu jkompli jagħti sehmu f’dan is-settur fuq livell Ewropew u internazzjonali, ma hemmx dubju.  Però issa ser ikollu għad-disposizzjoni tiegħu għodda importanti – waħda li jekk inħaddmuha tajjeb tkompli tgħin sabiex twasslu għal iktar loġika, kontroll u fl-istess ħin soluzzjonijiet iktar umani milli għandna.  Hija x’inhija d-diffikultà, l-perspettiva tagħna trid tibqa’ waħda umana, waħda li tħares kemm tista’ d-dinjità tal-bniedem u ma tikkunsidrahx bħala oġġett.  Tul is-snin li għaddew, rajt impenn kbir minn diversi persuni f’ħafna setturi.  Ta’ dan nagħti ħajr għax mingħajr dak il-kontribut altruwista ma nistgħux insolvu din li, fl-aħħar tal-ġurnata, hija traġedja umana li titlaq jew mill-faqar jew mill-persekuzzjoni.  Nittama li din is-sena nkomplu bl-istess ritmu sabiex nassiguraw li aħna nibqgħu fuq il-linja tas-sewwa.


Dan l-artikolu deher fil-27 ta Jannar 2010 fl-Illum.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...