4.4.14

Id-dinja tal-ħaġa moħġaġa.



1.            Drajnieh f’ċertu sens dan il-persuna daqshekk twajjeb u intelliġenti li huwa l-Papa Benedittu XVI.  M’għandux forma fiżika atletika u anqas ma huwa fuq l-istess livelli ta’ kalamita umana bħalma kien Ġwanni Pawlu II, imma fih ġabra ta’ talenti li qegħdin jiġbdu iktar l-attenzjoni tagħna u tad-dinja lejh.  Fil-bidu tal-pontifikat tiegħu sab diversi jippruvaw jagħtuh gambetta u jċekknuh fuq il-manjieri u l-aġir paċifiku tiegħu.  Smajna b’ħafna suppost “skandli”, viżjonijiet magħluqa, linji retrogradi u ma nafx aktar, kollox ibbażat fuq il-perċezzjoni tal-perċezzjoni iżda mhux il-verità.

2.             Mentri dan Joseph Ratzinger baqa’ għaddej bil-pass kalm u determinat tiegħu sabiex iwassal il-messaġġ kattoliku mad-dinja.  Dan il-messaġġ sfortunatament parti mid-dinja tikkundannah u tiskartah, mhux għax ippruvat tifhmu imma għax timmaġina li huwa konvenjenti li tinsieh.  Mentri għal min għandu l-paċenzja u s-sabar li jaqrah fil-fond japprezza li hemm fih għerf li ma jistax jiġi sostitwit b’xejn.  Il-Papa Ratzinger għandu fih il-ferħ li l-missjoni tiegħu hija dik li xxerred it-triq tajba.  Ixxerred għall-attenzjoni tal-bniedem li hemm għaqal li wieħed isegwi kliemu u l-linji ta’ gwida li l-kattoliċeżimu jagħti.  Hu jikteb b’aktar qalb għax għadda ħajja jsegwi din il-linja.

3.            Fir-realtà dak li għaddej minnu l-Papa huwa dak li l-Knisja qegħda tmiss miegħu l-ħin kollu.  Ħaddieħor irid iżommha lura, jrid joħnoqilha l-vuċi mentri hu u dawk li jiddikjaraw ruħhom kattoliċi jaħdmu l-kontra.  Il-vuċi tal-kattoliku m’għandhiex l-ispazju li seta’ kellha fi żmien ieħor.  Tista’ tirrelega lilha nfisha għax min jgħix fil-fidi joqgħod lura milli jitkellem u tista’ terġa’ tiġi għad-dawl.  Terġa’ tidħol lura fil-kamp tal-konflitt tal-idejat sabiex tikkonfronta l-oħrajn u lilha nfisha.  Proċess utli u neċċessarju sabiex tikkonvinċi u tipperswadi li għandha soluzzjonijiet għall-problemi li jħabbat ruħu magħhom il-bniedem modern.
4.            Il-Ħadd li għadda, waqt li fil-knejjes mad-dinja kien qed jinqara’ l-parti tal-Evanġelju ta’ San Mattew fejn hemm ir-rakkont tal-Maġi, fl-Anġelus tkellem b’mod ċar kontra dawk li jaħsbu li l-ħajja tagħhom hija pre-destinata mill-istilel.  Il-Papa Ratzinger iddikjara b’mod ċar dak li l-Knisja ilha temmen fih, jiġifieri li l-bniedem huwa s-sid tad-destin tiegħu u li Alla biss huwa l-boxxla tiegħu.  Kien interessanti dan f’diversi kuntesti.  L-ewwel, għax ir-rakkont tal-Maġi, dawk li ma kienux Lhud li però qraw il-Kotba Mqaddsa, marru huma biex iħabbru lill-awtoritajiet pubbliċi li kien twieled Sidna Ġesù Kristu proprju għax stilla mexxiethom sabiex jagħrfu dan.

5.            Fenomenu naturali li kien ġie pre-dikjarat li ser iseħħ, seħħ.  Biss dan ma fissirx li ħajjet Ġesù Kristu kienet determinata minn din l-istilla imma mill-volontà tiegħu.  It-tieni, l-Papa qiegħed fir-realtà jiġġieled għall-bniedem.  Qiegħed jikkumbatti sabiex kull persuna umana, flok tħalli moħħha jorqod, tħaddmu.  Tissielet tuża r-raġuni u t-talenti tagħha sabiex tmexxi ħajjitha, tagħtiha u tkun għas-servizz tas-sewwa u tal-proxxmu.  Il-bniedem jista’ jirrinunzja għal dan.  Iqiegħed lilu nnifsu fil-pożizzjoni fejn jistenna l-eventi tad-dinja jċaqilqulu ħajtu mingħajr ma huwa jipprova.

6.            It-tielet, għax l-esperjenza tal-ħajja turi li m’għandu x’jaqsam assolutament xejn la taħt liema stilla twelidt u wisq inqas x’jgħidu l-oroskopi kull fil-għodu.  Il-bniedem li jrid jgħix il-ħajja jaf li jrid jikkumbatti għaliha, jagħmel ħiltu sabiex ma jibżax minn dak li ġej għalih u jsawwar huwa triqtu.  Ir-raba’, għax din l-idea li hemm min huwa kapaċi jbassar x’inhuwa ġej fid-dinja soċjali u ekonomika hija wkoll għal kollox żbaljata.  Il-ħidma ekonomika, jekk tieħu inkonsiderazzjoni u tiggwida ruħha mill-valuri t-tajba, ma tiżbaljax.  Min jieħu ħsieb li jaħdem f’suq ekonomiku liberu minn kollox barra l-ġustizzja soċjali u d-dinjita tal-persuna umana ma jiżbaljax.


7.            Dan li numru ta’ drabi membri tal-media jqegħduh bħala “lura” fil-ħsieb juri kull darba lilu nnifsu bħala li, minflok, huwa ‘l quddiem.  Il-ġlieda għall-bniedem qegħdha fl-ideat fil-moħħ.  Il-kumbattiment qiegħed f’li jifhem li huwa hu, bl-użu tar-raġuni tat-talenti tiegħu li jista’ jmexxi l-eventi tad-dinja, bil-parteċipazzjoni tiegħu.  Tul din is-sena ser jkollna l-unur li narawh f’pajjiżna.  Nittama li diversi jippruvaw isiru jafuh aħjar minn issa u mhux fl-aħħar ħin.  Ma jħallux f’idejn il-ħaġa moħġaġa tal-media riluttanti, iżda jużaw moħħhom u jsiru jafu huma waħedhom.

Dan l-artikolu deher fil-harga tal-Illum tal-10 ta Jannar 2010.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...