30.4.14

Jum barra mis-soltu.



1.         Fil-ħajja politika attiva tagħraf li hemm regola li għalkemm mhijiex  miktuba taraha li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar taħdem.  Dan ġej mill-fatt li l-bniedem jaf, u jekk ma jafx jitgħallem li hu jipproponi u jaħdem fuq diversi miżuri ġodda, però l-ħajja turih li mhux kollha ser jaslu fil-port tagħhom u jimmaterjalizzaw.  Għax kif jgħidu huwa ċar u manifest  li mhux kull ma jinżera’ jagħti l-frott shih mixtieq jew xi parti minnu.  Hemm diversi inizjattivi u miżuri legali u amministrattivi li ttieħdu minn dan il-Ministeru f’dawn is-snin li għaddew minn dan il-proċess uman.

2.         Għalkemm dan huwa minnu, kelli x-xorti li tul dawn l-aħħar sentejn irnexxili nara diversi punti ta’ ħidma li daħlu fis-seħħ u bdew irendu lura tajjeb.  Dawn kienu marbuta ma’ numru ta’ liġijiet li ġew preparati, tlestew u tressqu għad-diskussjoni fil-Kamra tad-Deputati tagħna.  Numru minnhom ġew approvati u huma diġà fis-seħħ, oħrajn qed jistennew il-ħin tagħhom, fosthom dawk marbuta mal-emendi għall-Att dwar il-Probation u ma’ diversi miżuri ta’ natura penali ndirizzati li jiddefendu d-dinjità tat-tfal mill-pornografija u l-issolleċitar minn fuq l-internet għal skopijiet illeċiti.

3.         Wieħed mill-proġetti interessanti li ħadna sehem fih flimkien mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien dak marbut ma’ fondi mill-External Borders Fund ta’ l-Unjoni Ewropea.  Taħt dan il-fond pajjiżna, mertu ta’ ħafna xogħol li sar ta’ preparazzjoni u attenzjoni minn numru ta’ uffiċjali dedikati sija fl-Armata kif ukoll fil-Ministeri rispettivi, ġew approvati  numru ta’ proġetti.  Proġetti intenzjonati sabiex permezz tagħhom ikollna apparat aqwa milli għandna biex nipproteġu aħjar il-fruntieri tagħna. Apparat iktar modern, sofistikat u aġġornat sabiex iservi ta’ għodda importanti għall-korpi dixxiplinati tagħna.

4.         Fil-fatt, minn dan il-Fond ġew allokati lilna mija u tnax-il miljun ewro (€112,000,000) li jridu jintefqu fuq numru ta’ proġetti approvati diġà fuq dawn is-snin li ġejjin.  Somma xejn traskurabbli li għamilna u ser naghmlu użu tajjeb ħafna minnha.  Dan qed ngħidu għax wieħed mill-ewwel passi importanti li ħadna kien dak li ħadna ħsieb li nottjenu bihom erba’ inshore patrol boats għall-Forzi Armati ta’ pajjiżna, dan billi huma għandhom fuqhom l-obbligu li jħarsu l-fruntieri esterni tagħna.  Il-proċess sħiħ ħa ż-żmien tiegħu u bejn l-aġġudikazzjoni, il-manifattura ta’ dawn id-dgħajjes u t-trasport, ma kienx nieqes minn diffikultajiet varji.  Però llum għandna s-sodisfazzjon li dawn huma issa fl-ibħra tagħna, f’idejna għad-disposizzjoni tal-Forzi Armati  preparati għal kull eventwalità li tista’ tinqala’.

5.         Il-Ħamis li għadda kelli x-xorti li nkun preżenti għal parti miċ-ċerimonja li fiha ġew uffiċjalment inawgurati dawn l-erba’ patrol boats.  Il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi kien fuq il-post, jara din il-ħidma tajba.  Flimkien miegħu tlajna abbord waħda minnhom u hemm stajt nara d-differenza li t-teknoloġija moderna kapaċi tagħti.  Billi kont tlajt qabel fuq dak li kellna, f’dan fil-vjaġġ pjaċevoli ħafna li ħadna fuq il-patrol boat stajt nara li hemm kumdità, veloċità u manuvrabilità li qabel ma kellniex.  Qabża verament kbira fil-kwalità.

6.         Abbord kelli wkoll il-fortuna mmiss b’idejja u nara s-sodisfazzjon tad-diversi membri ta’ l-Armata li raw li għandhom f’idejhom dgħajjes li qed iżanżnuhom huma, kif jgħidu “ġodda fjamanti”.  Kien hemm ħafna membri mdorrija b’mezzi oħra, jew uħud li saħansitra kienu hemm meta ġew f’pajjiżna dgħajjes oħra li setgħu japprezzaw il-qabża fil-livell.  Dawn id-dgħajjes moderni, li huma parti mill-flotta tagħna, jixhdu wkoll pass konkret f’dak li pajjiżna rnexxielu jottjeni mill-Unjoni Ewropea.  Mertu tad-deċiżjoni li nissieħbu fl-Unjoni Ewropea għandna u ser ikollna iktar strumenti ġodda għad-dispożizzjoni tagħna li jgħinuna fil-ħidma sabiex niddefendu s-sovranità tagħna.  Fl-aħħar ta’ dik il-ġurnata ħassejt verament li kienet waħda barra mis-soltu. Waħda li, minkejja kull kritika, turi li d-deċiżjoni li nsiru membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea kienet u tibqa’ waħda tajba ħafna.



 Dan l-artikolu deher fil-harga tal-Illum tal-21 ta Marzu 2010.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...