5.4.14

Serva, u kif.



1.     L-aħħar pubblikazzjoni tal-PIN, il-ktieb “Inservi” ngħata, ġustament, ħafna attenzjoni.  Mhux biss mill-medja tal-pajjiż, imma l-iktar mill-poplu in ġenerali li rajnieh f’serbuti twal jistenna sabiex jixtrih.  Il-fatt li dan il-ktieb tant voluminuż inbiegħ kollu huwa indikazzjoni ċara li ħafna riedu jsiru jafu aktar mill-qrib bniedem li ilu jmexxihom għal snin twal.  Ma hemmx dubju li mmarka l-istorja ta’ pajjiżna proprju għax ħa b’serjetà kbira l-missjoni li jservi. Ma ħasibx għalih innifsu imma għall-pajjiż.

2.     Niftakru jiġi elett mexxej tal-partit u l-ewwel mass meetings tiegħu.  Tul is-snin tjieb fis-sustanza, imma internament baqa’ l-istess.  Anke jekk kien fil-poter għal tant ħin, ma ppermettiex li jitlef mill-karattru tiegħu.  Ma kienx, u wisq inqas jaf, ikun arroganti imma baqa’ umli, preparat li jitgħallem speċjalment billi jisma’ mingħand l-oħrajn.  Din l-kwalità ġdida kienet il-kalamita li elezzjoni wara oħra ratu jiġi kkonfermat Prim Ministru.

3.     Il-karriera twila tiegħu serviet sabiex kibret id-demokrazija sistematikament u gradwalment.  Daħal pass pass għal diversi proġetti li wasslu għal trasformazzjoni kompleta ta’ dak li kien wiret.  Il-ħajja ma kenitx faċli għalih u sab ruħu konfrontat b’irwiefen u kurrenti varji, drabi minn direzzjonijiet li ma kienx jistenna.  Affronta b’sidru dak li kien iddikjara li sejjer jagħmel.  Żamm il-kelma u mexxa diversi ‘l quddiem.  Il-paċi soċjali, il-ġustizzja soċjali u l-ekonomija ħadu qabżiet tremendi. Meta xi ħadd għad jaqbad bis-serjetà l-istorja tagħna ser jikkonkludi li taħtu l-avvanzi kienu verament straordinarji.

4.     Tant dan huwa minnu li ġiebna fil-pożizzjoni fejn lil uliedna diffiċli ħafna tispjegalhom dak li konna.  Dak li għaddejna minnu u li ġarrabnieh. Kien hu fuq quddiem nett li mess ma’ din ir-realtà,  assigura li kollox jispiċċa billi jidfen kollox.  Wara li laħaq minn mexxej tal-partit għal dak tal-pajjiż rari ħafna kien jinstema’ jsemmi b’xi mod il-passat.  Anqas ma pprova jgħajjar jew imaqdar lill-Oppożizzjoni b’dak li kien seħħ f’sittax-il sena tagħhom żamm il-kalma u baqa’ oġġettiv.

5.     Ġustament, il-poplu jħoss gratitudni lejn dan il-bniedem li la jitlob u wisq inqas jippretendi li jiġi mfaħħar.  L-umiltà kostanti tiegħu servietu sew.  Baqa’ sal-ġurnata ta’ llum ifittex li jsir jaf, jfittex li jiġi nfurmat u, fuq kollox, li jaqra.  F’kemm-il darba rajtu, l-kelma tiegħu kienet tinġibed fuq “l-aħħar ktieb” li jkun fela. Il-kalma interna tiegħu kienet tiggwidah f’kollox, ibda mill-pass għaqli li l-jum kien jibdieh bil-quddies.

6.     Il-partit għandu ħafna mingħandu.  Ra li l-istrutturi nterni jaħdmu aħjar meta jkun hemm l-ordni.  Dejjem ta importanza għal dan u rreżista li ma jsegwix il-pjan tal-laqgħat li jkun iffissa.  Għallem diversi, speċjalment dawk tal-ġenerazzjoni tiegħi, ta’ qabli u dawk ta’ warajja.  Kien ċar fil-prinċipji tiegħu, ċar fl-importanza li kull min jidħol fil-partit irid jaċċetta dawn il-prinċipji mingħajr ebda titubanza ta’ xejn.  Żamm ruħu nisrani mpenjat fil-ħajja publika.

7.     Il-ktieb  li ġie prodott jipprova u f’ħafna direzzjonijiet jirnexxilu jagħtih ġieħ, però ma hemmx dubju li biografija, jew aħjar, awtobiografija tkun pass ieħor ‘il quddiem.  Hu li serva tant, m’għandux għax ma jsibx lil min jassistih sabiex dan iseħħ, jew mill-pinna tiegħu direttament jew minn xi ħadd li jsegwi d-direzzjoni tiegħu.  Il-wirt li tana diġà żgur li ser inkomplu napprezzawh b’pubblikazzjonijiet bħal din, għax iżżid.  Fil-waqt li nagħtih ġieħ għal dan kollu, nkompli nħeġġeġ għal iktar sabiex l-eżempju tiegħu jiġi segwit minn iktar bnedmin oħra li jitħajru jew iħajruhom għall-ħajja pubblika.


No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...