3.4.14

Kont hemm



1.         Kemm ilni membru parlamentari qatt ma tlift id-diskors tal-Budget.  Id-diskors li jsir mill-Ministru tal-Finanzi huwa mument importanti fil-ħajja tal-Kamra tad-Deputati.  Qabel dan kien ukoll għall-poplu meta konna naraw kif ħajjitna ser tinbidel, naħa jew oħra.  F’dak iż-żmien kien qisu l-jum tal-Fiera tan-Naxxar.  Kull miżura tajba toħroġ f’dak il-jum u kollox jibqa’ jiġi mċaqlaq għalih.  Il-pajjiż kien jieqaf jisma’ u naħseb li anqas il-finali tat-Tazza tad-Dinja jew partita bejn it-Taljani u l-Ingliżi ma kien jirnexxilhom jgħaddu minn dan.  Fortunatament ix-xenarju nbidel ta’ taħt fuq.  Illum tiltaqa’ ma nies li lanqas ikunu semgħu xejn u anzi jħossuhom meħlusa minn dak il-madmad.

2.         Biss dan it-Tnejn li għadda, għall-ewwel darba kont assenti minn dik il-Kamra.  Dan għax mort ġewwa Berlin, nirrappreżenta lill-Prim Ministru f’laqgħa li saret apposta biex tfakkar l-għoxrin anniversarju mill-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin.  It-Tieni Gwerra Dinjija ġiebet magħha ħafna tifrik.  L-imwiet ta’ miljuni ta’ persuni, il-ġenoċidju vili tal-Lhud, it-tkissir ta’ diversi partijiet ta’ l-Ewropa u d-dinja kienu wħud minn dawn.  Fl-aħħar, meta n-Nażiżmu u l-Faxxiżmu ġew kompletament eliminati, baqa’ fl-aġenda politika Ewropea x’sejjer jiġri wara.  Kif żviluppat l-istorja, l-Ġermanja sabet ruħha maqsuma f’erba’ biċċiet.  Parti f’idejn l-Ingliżi, oħra f’idejn l-Amerikani, oħra għand il-Franċiżi u l-aħħar f’idejn ir-Russja Sovjetika.  Interessanti iktar li nqasmet b’dan il-mod il-belt ta’ Berlin.

3.         Il-kobba tħabblet waħda u sew għax diversi popli li daqu t-tirannija nażista, flok akkwistaw il-libertà li sistema demokratika tista’ tagħtihom, spiċċaw għaddew taħt ħakma oħra.  Minn taħt l-estremiżmu tal-lemin, għaddew f’dak tax-xellug, kienu l-ħlas ta’ prezz politiku li tħallas lill-Unjoni Sovjetika ta’ Josef Stalin.  It-Tieni Gwerra Dinjija mhux talli attakkat il-ħajja u l-istabilità ta’ diversi popli iżda anqas ma ngħalqet mal-mument meta l-Ġermanja nażista ċediet l-armi, imma baqgħet għaddejja pendenti.  L-effett kien li l-Ewropa nqasmet fil-lvant u l-punent u magħha l-bidu ta’ staġun politiku klassifikat bil-kliem “gwerra bierda” (Cold War).

4.         Flok stajna nħarsu b’libertà sħiħa lejn il-futur, kellna nżommu quddiem moħħna li fuq pretest jew ieħor il-parti Sovjetika setgħet tibda gwerra oħra – waħda nukleari li kienet tkun it-tmiem ta’ kollox.  Anzi, l-agħar kien li għamilna wkoll perjodu twil ta’ żmien b’numru ta’ bnedmin fuq ix-xellug jaħsbu li setgħu jġibu l-komuniżmu jirrenja f’pajjiżi demokratiċi tal-punent.  Dawn il-persuni damu ħafna snin biex jindunaw li dan kien żbaljat, però kellna partiti ewro-komunisti li kienu b’saħħithom ħafna, speċjalment fl-Italja, Franza u Spanja u dawn kellhom piż sew fil-ħajja demokratika Ewropea.  Kont tħoss dan it-theddid fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum, iktar u iktar meta kien ikollok l-opportunità tattendi għal-laqgħat politiċi Ewropej.

5.         Kelli l-opportunità mmiss iktar b’idejja għax sija fi ħdan organizzazzjonijiet Kattoliċi, dawk demokristjani jew ta’ rappreżentanza tal-korp ta’ l-istudenti kont niltaqa’ ma’ persuni tampari mil-lvant Ewropew.  Meta f’dawk is-snin kont tisma’ żgħażagħ Pollakki, Ungeriżi, Ċeki jgħidulek minn x’hiex għaddejjin kont tista’ tifhem ftit iktar kemm is-soluzzjoni materjalista tal-ħajja kienet falliment totali.  Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar nifhem kemm il-marksiżmu-leniniżmu kien u baqa’ proġett politiku li jmur kontra d-dinjità umana.  Ma hemmx, wara l-esperjenza li għaddejna minnha, mod ta’ kif tista’ tiġġustifikaha.

6.         Biss, quddiem tant inċertezza, diffikultà u swied il-qalb feġġ xaqq dawl għax l-eventi wara l-ħatra tal-Papa Pollakk Ġwanni Pawlu II bdew jinbidlu.  Kien jidher mill-iktar ċar li l-ebda forma ta’ leġittimità u appoġġ popolari ma kien hemm għal dawk ir-reġimi komunisti li, sfortunatament f’pajjiżna, kien hemm min jaħseb li dawk għad għandhom saħħa popolari.  L-eventi li bdew bi Gdansk u l-moviment popolari Pollakk “Solidarnosc” mexxew ‘il quddiem mewġa li ħadd ma seta’ jżomm.  Jipposponi biss seta’ u hekk fil-fatt ġara.  Dan ikkarga aktar biż-żjara ta’ dak il-Papa f’pajjiżu.  Il-ħajt li kien hemm iżomm popli fuq żewġ naħat deher mill-iktar ċar li kien qed jixxaqqaq.

7.         Il-preżenza ta’ Mikael Gorbachev għenet ferm u ferm l-affarijiet sabiex deher ċar li r-reġimi Sovjetiċi kienu waslu lejn l-aħħar tagħhom.  Biss ħadd ma kellu moħħu daqshekk ċar li seta’ jqiegħed sebgħu fuq ħin jew jum partikolari.  Kien hemm min kiteb li t-tmiem ġej, imma ħadd ma kellu f’moħħu ċ-ċertezza.  Fortunatament għalina, l-eventi nbidlu f’daqqa.  Il-preżenza f’pajjiżna tal-laqgħa storika bejn George Bush u Mikael Gorbachev aktar u aktar uriet li ċ-ċaqliq qiegħed isir.  Fid-9 ta’ Novembru 1989, proprju meta ħadd u xejn ma seta’ joftom il-poplu li kien qiegħed fil-parti Sovjetika ta’ Berlin beda jwaqqa’ ħajt li nbena b’tant infamja snin qabel.  Għax irid jingħad li fil-ftehim tal-qasma Tedeska, Berlin il-belt kapitali li kienet fis-settur Russu, flok ittieħdet minnhom inqasmet hija wkoll f’erbgħa.

8.         Għalhekk inbena ħajt sabiex iżommu l-poplu Tedesk milli jingħaqad mal-familjari tiegħu fuq in-naħa l-oħra.  Żammu bnedmin milli jaqsmu faċilment fruntiera u jaħsbu l-libertà.  F’dik il-lejla ta’ dak id-9 ta’ Novembru ħadd fid-dinja kollha ma kien qiegħed jobsor li dan seta’ jseħħ.  Tant mietu nies jippruvaw jaħirbu, tant kien hemm id iebsa Sovjetika li ma konniex naħsbu li dan seta’ jitneħħa mingħajr prezz militari jew politiku.  Biss, kuntrarjament għal dak li stajna naħsbu hekk seħħ, waqa’ l-ħajt, il-poplu qasam u l-id tal-mekkaniżmu ta’ ripressjoni Sovjetika ma ċċaqilqitx.

9.         Bir-raġun li d-dinja, u partikolarment il-poplu Tedesk, kellhom għalfejn jifirħu.  Issa l-Ewropa kienet libera u setgħet tibda triq kompletament ġdida.  Id-demokrazija, id-drittijiet fundamentali, id-dħul fin-NATO, fil-Kunsill ta’ l-Ewropa u fl-Unjoni Ewropea kienu issa għad-disposizzjoni ta’ dawk il-pajjiżi li sabu ruħhom maħkuma.  L-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovenja, l-Ungerija, l-Bulgarija, ir-Rumanija, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka huma fost dawk li llum il-ġurnata qegħdin hemm.  Id-dinja nqalbet ta’ taħt fuq verament kontra kull ma stajna naħsbu.  Għalhekk, it-Tnejn ta’ din il-ġimgħa ma setax jonqos li l-għoxrin anniversarju jiġi ċċelebrat tajjeb, bil-kbir u bid-dinjità li ħaqqu.

10.       Fortunatament għalija kont qiegħed hemm u stajt nara, niltaqa’, nkellem u nieħu b’idejn diversi mexxejja tal-passat u tal-preżent li wasslu u kkonsolidaw din il-bidla.  F’mument minnhom tas-serata stajt nara u nisma’ l-mexxejja preżenti bħal Gordon Brown, Nicolas Sarkozy, Dimitri Medvedev, Hillary Clinton u Angela Merkel jaraw u jaffrontaw dan l-istat ta’ l-affarijiet.  Mhux biss, imma r-rakkonti ta’ Mikael Gorbachev u Lech Walesa iktar u iktar sawwru l-mument.  Il-ħajt waqa’ u miegħu wkoll ir-reġimi komunisti kollha.  Dan kien forsi l-aħħar att li ssiġilla t-Tieni Gwerra Dinjija.  Il-lejla kienet waħa mimlija b’ferħ u entużjażmu li rari rajt bħalhom.  Ħassejtni Ewropew u wieħed minn Berlin, ċittadin li ra t-tbatija u raha tispiċċa.

11.       Laqtuni partikolarment siltiet mid-diskors li għamel il-President tar-Repubblika Tedeska Horst Kohler.  L-ewwel, li sejjeħ dan bħala “rivoluzzjoni” paċifika meta ddeskriva l-poplu b’dawn il-kliem: “Those who were no longer prepared to let themselves be intimidated and took to the streets in their many thousands in Leipzig, Berlin, Dresden and elsewhere in the weeks and months before 9 November to demand their rights, gained their freedom and brought about the unity of our country.”  It-tieni, r-riflessjonijiet tiegħu fuq dak li ġieb it-tmiem tal-ħajt meta qal: “For not every hope of the euphoric days following 1989 has been fulfilled.  The end of the cold War by no means resolved every problem facing the world.  Rather, it has transpired that the East-West conflict merely deflected attention from fundamental problems such as poverty, hunger and underdevelopment.”  Dawn il-kliem juru li dan il-jum sewa mhux biss biex jiġi ċelebrat anniversarju imma sabiex ikun hemm riflessjoni fuq dak li kien u fejn għandna naslu.  Id-dinja hija ħielsa mill-komuniżmu Sovjetiku, biss hemm ħafna xogħol li jrid isir biex nagħtu lil dawn il-pajjiżi d-dinjità li ħaqqhom u li tilfu minħabba l-viżjoni materjalistika tal-bnedmin u l-istorja.


 Artikolu li deher fl-Illum fil-15 ta Novembru 2009.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...