3.4.14

Il-Politika barranija Amerikana.



1.         Tiskanta kif f’pajjiż, fejn taħseb li ma hemmx wisq differenzi bejn partit u ieħor, meta jkun hemm bidla fl-amministrazzjoni tiegħu jiġu trasformati tant pożizzjonijiet politiċi.  Anzi, f’dawn l-aħħar għoxrin sena, effett forsi tal-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin, kibret aktar id-differenza fil-linji politiċi bejn ir-Repubblikani u d-Demokratiċi.  Numru ta’ drabi, dak li huwa lemin u dak li huwa xellug għalihom, lilna jiddisorjentana.  Hemm punti li ssibek taqbel magħhom f’partit u oħrajn f’ieħor.  Daqqa tħossok kompletament komdu fuq linja u f’oħrajn le.  Biss, tajjeb jew ħażin irridu naċċettaw li dan il-pajjiż kbir u ġeneruż huwa garanzija għall-istabilità demokratika tagħna wkoll u għalhekk dak li jiwettqu jew jgħidu jkollu rifless fuqna.

2.         Ma’ kull amministrazzjoni li tidħol b’riżultat ta’ l-elezzjonijiet presidenzjali, f’dak il-pajjiż jispikka, jew kif qed naraw tispikka dejjem ‘l hekk imsejħa “Secretary of State”.  Biex nifhmu aħjar, din hija kariga li fiha hemm il-funzjonijiet u l-poteri li aħna nagħtu lill-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin.  Għalhekk fuq din in-naħa tad-dinja, għalkemm il-President elett ikollu kabinett sħiħ bid-dekasteri varji tiegħu, hija din il-kariga li tieħu l-iktar importanza u prominenza.  Tidher aktar, u dak li tgħid u tagħmel huwa determinanti għalina wkoll proprju għax hija l-persuna li ddur id-dinja u tinfluwenza l-iktar.

3.         Il-proċess Amerikan huwa verament interessanti għall-isfumaturi differenti li qiegħed il-ħin kollu jieħu.  Dan għax, filwaqt li sa ftit snin ilu din il-kariga kienet tiġi okkupata dejjem minn persuna ta’ sess maskili, minn żmien il-President Bill Clinton, daħlet fix-xenarju Madeleine Albright.  Niftakar li kont rajt lil din il-mara qsajra f’Varsavja, titkellem bil-qalb u b’dinamiċità.  Moħħ mill-iktar ċar u loġiku fil-ħsieb u l-aġir.  Għalhekk kienet esperjenza interessanti għalija li kont għadni kif sirt membru parlamentari li niltaqa’ magħha, però kont impressjonajt aktar ruħi meta kont ser nitlaq minn dik il-kapitali Pollakka.  Kien hemm tlett ajruplani enormi jistennewha u kien jidher ċar li mhux biss kellha s-sigurtà tagħha, imma kellha uffiċċju sħiħ magħha b’numru kbir ta’ impjegati.  Uffiċċju mobbli jdur mad-dinja magħha.

4.         Wara, bl-amministrazzjoni tal-Presidenza Repubblikana ta’ George Bush, sibna n-nomina ta’ Condoleeza Rice.  Mara li hija wkoll għamlet l-impatt tagħha fid-diversi laqgħat li hija daħlet għalihom, dejjem taħt id-direzzjoni tal-presidenza.  Issa wkoll Barack Obama ħatar mara, lil Hillary Clinton u huwa segwa din il-linja interessanti.  Dan għax is-Sinjura Clinton kienet il-persuna li kkontestat u f’mumenti dehret fuq quddiem għan-nomina demokratika kontra l-istess Obama.  Illum nistgħu ngħidu li kienet deċiżjoni verament tajba dik li għadda u ddeċieda fuqha Obama.

5.         Wara sena rajt diversi artikoli fejn fosthom kien hemm min analizza l-persuni li ġew proposti u kif l-għażla ġiet fuqha.  Illum irridu nirrikonoxxu li dik il-ħatra kienet tajba ħafna.  Dan huwa iktar importanti meta l-ħidma diplomatika Amerikana qegħda pass pass tirrendi ruħha kważi indispensabbli għall-paċi internazzjonali.  Clinton taraha l-ħin kollu ddur u wieħed ma jistax ma jinnotax li l-ispirtu tad-djalogu iktar minn dak ta’ konflitt u kuntrast qiegħed jerġa’ jikber.  Ir-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea, mar-Russja, maċ-Ċina u mal-Ċappun qed jingħataw dimensjoni aktar sħiħa.

6.         Imma naħseb li l-abbiltà trid toħroġ iktar fid-dawl tax-xemx fil-konfront ta’ l-Iran, il-kwistjoni ta’ l-Istat Palestinjan, iż-żewġ Korej u dan apparti mill-Iraq, l-Afganistan u l-Pakistan.  Hawn Hillary Clinton qed jirnexxilha tiftaħ bibien li qabel kienu magħluqa.  Li huwa evidenti hu li l-arroganza li kienet qed tiġi perċepita mill-pubbliku ta’ l-amministrazzjoni Bush, illum m’għadhiex hemm.  Artikolista fit-“Time” qal hekk: “her candor, her willingness to listen to and acknowledge criticism, has begun to undermine the prevailing Pakistani image of the US as arrogant and bossy.”


7.         Il-politika barranija Amerikana la għandha manwal pre-stabbilit u anqas ma għandha xi artikoli fil-kostituzzjoni torbotha u għalhekk hija miftuħa.  Hija għodda importanti li kull amministrazzjoni tuża għat-tajjeb jew inqas tad-dinja.  Biss, żgur mhux forsi, sakemm din il-linja ta’ djalogu, ta’ nuqqas ta’ arroganza, ta’ aċċettazzjoni tal-kritika li ssir tibqa’ prevalenti, allura m’għandix dubju li tkun suċċess.  Nittama li l-paċi u l-ġustizzja jibqgħu prijorità għal Hillary Clinton għax bihom id-dinja tkun aħjar.

Artikolu li deher fl-Illum tat-22 ta Novembru 2009.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...